Papa Franġisku: Iż-żgħażagħ qed jgħixu tama ħajja ta’ Knisja miexja

“Iċ-ċertezza li Kristu hu ħaj u jridkom li tkunu ħajjin,” ispirat lill-Papa Franġisku biex jerġa’ jikteb liż-żgħażagħ, f’għeluq il-ħames anniversarju mill-Eżortazzjoni Appostolika tiegħu, ‘Christus vivit’, miktuba wara s-Sinodu tal-2018 dwar “iż-żgħażagħ, il-fidi u d-dixxerniment vokazzjonali.”

“Fuq kollox,” jgħid il-Papa Franġisku, f’messaġġ li ħareġ it-Tnejn, “nixtieq li kliemi jkun sors ta’ tama mġedda” għaż-żgħażagħ li jistgħu jħossuhom skoraġġuti f’dinja “mmarkata minn tant kunflitti u tant tbatija.”

Il-Qdusija Tiegħu jassigura liż-żgħażagħ li “Kristu hu ħaj u jħobbkom b’imħabba infinita”. L-Papa stedinhom: “imxu miegħu bħala ħabib, ilqgħuh f’ħajjitkom, u ħalluh jaqsam il-ferħ u t-tamiet kollha, l-problemi u t-taqbid ta’ dan iż-żmien f’ħajjitkom”. Huwa jkompli jfakkar lin-nies “fil-missjoni kbira” li rċevew “biex jagħtu xhieda quddiem kulħadd tal-ferħ imwieled mill-ħbieberija ma’ Kristu,” u fakkarhom fl-istedina tiegħu biex isemmgħu leħinhom, u l-inkuraġġiment tiegħu biex “jagħmlu storbju tajjeb”, espress b’mod famuż bl-Ispanjol bħala “Hagan lío!”

Meta jgħixu fil-preżenza ta’ Ġesù, stqarr il-Papa liż-żgħażagħ, se jippermetti li l-“memorja tal-passat” tagħhom jagħti l-frott u tgħinhom “isibu l-kuraġġ fil-preżent” u “jiffaċċjaw il-futur bit-tama”.

L-Eżortazzjoni Christus vivit, jgħid il-Papa Franġisku “hija frott ta’ Knisja li trid timxi ‘l quddiem flimkien bis-smigħ, bid-djalogu, u d-dixxerniment kontinwu tar-rieda tal-Mulej,” riżultat tas-Sinodu taż-Żgħażagħ tal-2018, li ħejja t-triq għas-Sinodu attwali dwar is-Sinodalità.

“Issa, f’dan l-istadju ġdid fil-mixja ekkleżjali tagħna,” jgħid il-Papa liż-żgħażagħ, “jeħtieġ aktar minn qatt qabel li nibdew mill-kreattività tagħkom sabiex nesploraw toroq ġodda, dejjem b’fedeltà lejn l-għeruq tagħna”.

Filwaqt li fakkar liż-żgħażagħ, li huma “t-tama ħajja tal-Knisja miexja”, l-Papa Franġisku rringrazzjahom għall-preżenza u l-kontribut tagħhom fil-ħajja tal-Knisja. Huwa kkonkluda l-messaġġ tiegħu billi ħeġġeġ liż-żgħażagħ: “Qatt tħalluna nitilfu l-istorbju tajjeb tagħkom, is-sewqan tagħkom bħal dak ta’ magna nadifa u b’aġilità, l-mod oriġinali tagħkom ta’ għajxien li tħabbru il-ferħ ta’ Kristu Rxoxt!”

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2024-03/pope-francis-youth-are-living-hope-of-a-church-on-the-move.html

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading