“Nassigura t-talb tiegħi għall-vittmi tal-attakk terroristiku vili li sar il-lejl l-ieħor ġewwa Moska.”

L-Papa Franġisku offra dik l-assigurazzjoni hekk kif talab l-Angelus fi Pjazza San Pietru fi tmiem il-Quddiesa ta’ Ħadd il-Palm. “Jalla jikkonverti l-qlub ta’ dawk li ppjanaw, organizzaw, u wettqu dawn l-azzjonijiet diżumani, li joffendu lil Alla, li kkmanda: ‘La toqtolx’,” qal.
Nhar il-Ġimgħa filgħaxija, mill-inqas 4 irġiel armati daħlu f’sala tal-kunċerti ta’ Crocus City f’Moska, u fetħu n-nar u qatlu mill-inqas 133 persuna u ndarbu għexieren oħra. L-aggressuri użaw ukoll appart splussiv, li ħarqu l-post. L-Istat Iżlamiku assuma r-responsabbiltà tal-attakk, fejn stqarrija ġiet ikkonfermata minn uffiċjali tal-intelliġenza tal-Istati Uniti. L-awtoritajiet Russi arrestaw 11-il persuna b’rabta mal-attakk terroristiku, fosthom l-4 irġiel armati.
Fl-indirizz tiegħu tal-Angelus, il-Papa Franġisku talab ukoll għal kull min qed ibati minħabba l-gwerra, speċjalment l-“Ukrajna mikduda”. Huwa qal li “tant nies huma mingħajr elettriku minħabba l-attakki bla ħniena fuq l-infrastruttura, li minbarra jġibu l-mewt u tbatija, jġorru magħhom riskju ta’ katastrofi umanitarja ta’ qies bla tarf”. “Jekk jogħġobkom”, żied jgħid, “ma ninsewx lill-imsejkna Ukrajna mifluġa! U ejjew naħsbu wkoll, f’Gaża, li għaddejja minn tbatija kbira, u f’tant aktar inħawi fejn hemm il-gwerra.”
Imbagħad il-Papa stieden lill-insara biex jidħlu fil-Ġimgħa Mqaddsa billi nafdaw il-vjaġġ tagħna lejn l-Għid f’idejn il-Verġni Marija. “Ejjew minnha nitgħallmu nersqu lejn Ġesù f’dawn il-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa, ħalli naslu għall-ferħ tal-Qawmien.”
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2024-03/pope-francis-angelus-appeal-prayer-moscow-ukraine.html