L-Isqfijiet tal-UE: L-abort qatt ma jista’ jkun dritt fundamentali

“Bniedem, f’kull sitwazzjoni u f’kull stadju ta’ żvilupp huwa dejjem sagru u invjolabbli,” affermaw mill-ġdid l-Isqfijiet Ewropej, li żiedu li ladarba din il-konvinzjoni tisparixxi, hekk ukoll jagħmlu pedamenti sodi u dejjiema għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem. L-istqarrija mill-Isqfijiet tal-Konferenzi tal-Isqfijiet tal-Unjoni Ewropea (COMECE), saret qabel il-votazzjoni fis-sessjoni plenarja fi Brussell li se ssir il-Ħamis 11 ta’ April, dwar l-inklużjoni tad-dritt għall-abort fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

L-istqarrija tal-Isqfijiet ġiet ippublikata l-għada tal-pubblikazzjoni ta’ Dignitas infinita, dokument tad-Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi, li jiddeskrivi l-abort bħala prattika “gravi u deplorevoli” fil-ksur tad-dinjità umana.

L-istqarrija tal-COMECE hija intitolata “Iva għall-promozzjoni tan-nisa u d-dritt għall-ħajja, le għall-abort u l-impożizzjoni ideoloġika.” L-Isqfijiet esprimew l-impenn tagħhom li jaħdmu għal Ewropa fejn in-nisa jkunu jistgħu jgħixu l-maternità tagħhom b’mod ħieles, u bħala rigal għalihom u għas-soċjetà, u fejn “li tkun omm”, ma tkun “bl-ebda mod limitat għall-ħajja personali, soċjali, u professjonali.”  Huma wissew, li “l-promozzjoni u l-iffaċilitar tal-abort, imur fid-direzzjoni opposta għall-promozzjoni reali tan-nisa u d-drittijiet tagħhom,” hekk kif tenew li l-abort “qatt ma jista’ jkun dritt fundamentali.”

Id-dritt għall-ħajja, sostnew l-Isqfijiet tal-COMECE, “huwa l-pilastru fundamentali tad-drittijiet l-oħra kollha tal-bniedem, speċjalment id-dritt għall-ħajja ta’ dawk l-aktar vulnerabbli, fraġli u bla difiża: bħat-tarbija fil-ġuf tal-omm, l-migranti, l-anzjani, l-persuni bi bżonnijiet speċjali, u l-morda.” Filwaqt li fakkru l-pożizzjoni ċara tal-Knisja dwar dan, insistew, li “b’kull saħħa u ċarezza, anke fi żmienna”, jrid jingħad “lid-difiża tal-ħajja fil-ġuf hija marbuta mill-qrib mad-difiża ta’ kull dritt uman ieħor.”

Ladarba wieħed isir inkapaċi li jifhem il-ħajja fil-ġuf bħala xi ħaġa imprezzabbli, wissew, il-pedamenti għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem dejjem ikunu “suġġetti għall-kapriċċi li jgħaddu tal-poteri li jkunu,” kkwotaw Dignitas infinita. Huma ssuġġerew, li l-Unjoni Ewropea “għandha tirrispetta l-kulturi u t-tradizzjonijiet differenti fl-Istati Membri u l-kompetenzi nazzjonali tagħhom,” u “ma tistax timponi fuq ħaddieħor, ġewwa u barra l-fruntieri tagħha, pożizzjonijiet ideoloġiċi fuq il-persuna umana, s-sesswalità u l-ġeneru, ż-żwieġ u l-familja.”

“Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma tistax tinkludi drittijiet li mhumiex rikonoxxuti minn kulħadd u li huma diviżivi,” saħqu, hekk kif osservaw li m’hemm l-ebda dritt rikonoxxut għall-abort fil-Liġi Ewropea jew Internazzjonali, u, “l-mod kif din il-kwistjoni hija ttrattata fil-Kostituzzjonijiet u l-Liġijiet tal-Istati Membri jvarjaw b’mod konsiderevoli.”

L-istqarrija temmet bl-Isqfijiet tal-Unjoni Ewropea josservaw li l-Karta, skont dak li hemm miktub fil-Preambolu, “għandha tirrispetta ‘d-diversità tal-kulturi u t-tradizzjonijiet tal-popli tal-Ewropa’,” kif ukoll “it-tradizzjonijiet kostituzzjonali u internazzjonali, obbligi komuni għall-Istati Membri.”

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit:  https://www.vaticannews.va/en/church/news/2024-04/comece-abortion-will-never-be-a-fundamental-right.html

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading