Il-Ġimgħa, 24 ta’ Mejju: Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fl-Ordinazzjoni Presbiterali tad-Djaknu Franklin Micallef. Katidral tal-Assunta, Victoria.
Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma
Qegħdin hawn illejla biex nilqgħu rigal kbir: ir-rigal tas-saċerdozju. U kif tafu intom, dan ir-rigal huwa rari, jekk mhux uniku. Il-Mulej jagħżel uħud biex jagħtihom din is-sejħa, imbagħad jiddependi minnhom jekk jagħżluhiex, jekk jgħidulux iva jew le. Ir-rigal huwa rari u uniku mhux tant għax Alla ma jagħtihx jew ma jgħaddihx lill-bnedmin. Fil-fatt, diversi qaddisin fl-istorja jgħidulna li l-Mulej isejjaħ almenu lil xi ħadd minn kull familja. Imma huwa rari u uniku l-mod ta’ kif aħna nilqgħu dan id-don, ta’ kif aħna naċċettawh jew ma naċċettawhx.
Għaliex is-saċerdozju huwa rigal speċjali? Kull vokazzjoni hija speċjali. Kull sejħa hija speċjali. Hija speċjali llum is-sejħa għall-familja, għas-sagrament taż-żwieġ. Hija speċjali s-sejħa tal-għotja ta’ min ikun fis-soċjetà, fil-ħajja. Imma s-saċerdozju għandu xi ħaġa li ma għandhomx is-sejħat l-oħra: fi kliem sempliċi, huwa dak iż-żagħżugħ li jiftaħ idejh, moħħu u qalbu beraħ, u lill-Mulej jgħidlu: ‘Ħa jkun minni dak li trid int. Ma nafx x’se jiġri minni. Mhux se nippjanaha jien ħajti. Imma mhux se nippjanaha mhux għax m’għandix kapaċitajiet, il-potenzjal akkademiku jew tal-maturità umana bħalma għandu ħaddieħor, imma proprju għax il-potenzjal lili tani libertà kbira, anki jekk bi tbatija, sagrifiċċju, impenn, dgħufijiet, waqgħat u diffikultajiet. Imma wasalt f’mument f’ħajti fejn lill-Mulej ngħidlu: Hawn jien, agħmel bija li trid int!’. U din mhix faċli! Altru li mhux moħħu magħluq iż-żagħżugħ li jagħżel is-saċerdozju! Altru li mhux qalbu xħiħa ż-żagħżugħ li jilqa’ s-sejħa għas-saċerdozju!
M’hemmx libertà akbar minn din! Ġesù fil-Vanġelu tal-lum qalilna li “ma hemmx imħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15:13). Imma l-bniedem ma jistax ikun liberu iktar minn hekk: milli jdur fuq Alla u jgħidlu: ‘Ħa jsir minni li trid int. Mhux ħa nippjana jien ħajti. Għandi xewqat, ħsibijiet, proġetti… imma mhux jien se nippjanaha ħajti, imma se nħalliha f’idejk!’. Dan kollu hu marbut mal-għotja, mal-imħabba: ‘Inħalliha f’idejk mhux għalija, mhux biex niggwadanja jien, imma biex inkun nista’ nħobb bħalek’.
“Ma nsejħilkomx qaddejja. Insejħilkom ħbieb” (Ġw 15:15). Kemm hi qawwija din is-sentenza ta’ Ġesù fil-Vanġelu! Ir-risposta tiegħek, Franklin, għal din is-sejħa, u r-risposta tagħna [is-saċerdoti] – almenu żgur li fil-bidu hekk kienet, u jalla kull darba li niċċelebraw okkażjoni bħal din, inġeddu x-xewqa awtentika tagħna li nħallu verament f’idejn il-Mulej – ma tiġix minn sens ta’ dmir. M’aħniex impjegati aħna, douloi, qaddejja, jew ħaddiema ta’ xi ħadd. Le… aħna ħbieb! Hija l-imħabba li “ssuqna” (ara 2 Kor 5:14), jgħidilna San Pawl. Hija l-imħabba ta’ Alla li rċevejna, li hija fl-oriġni tar-risposta tagħna. “Tħobbni int iktar minn dawn?” (Ġw 21:15), hekk qallu Ġesù lil Pietru. “Iva, Mulej, inti taf li jiena nħobbok”… bi mħabba dgħajfa, imma nipprova nħobbok. U r-risposta ta’ Ġesù: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi”, kun ragħaj! Tirgħa għax tħobbni! Tirgħa, mhux għax għandek xi sens ta’ dmir jew obbligu, imma għax tħobbni.
Kemm tkun ħaġa sabiħa kieku aħna llum din nerġgħu nġedduha, l-ewwel wieħed jien: nirgħa mhux b’sens ta’ dmir, mhux biex naqla’ l-flus, mhux biex ikolli l-poter. Nirgħa sempliċiment għax naf li Ġesù jħobbni u nipprova nħobbu lura, għax lili sejjaħli biex inkun ħabib tiegħu, mhux bħala qaddej jew ħaddiem. Kemm tkun ħaġa sabiħa kieku lkoll kemm aħna, flimkien ma’ Franklin, inġeddu din ir-risposta tagħna, awtentika, umanament matura, libera, minkejja ċ-ċirkustanzi kollha li nsibu ruħna fihom fil-ħajja saċerdotali tagħna, u minkejja d-dgħufijiet tagħna.
Inti bħala motto tiegħek għażilt: “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi” (2 Kor 12:9). Kemm hi xi ħaġa sabiħa! Kemm tagħmlilna kuraġġ kollha kemm aħna; imma mhux lilna biss, anki lilkom. Żgur li hawn minnkom li qed jikkumbattu mal-familja, qed jikkumbatti fir-relazzjoni tiegħu mal-mara jew mar-raġel. Żgur li hawn minnkom għandkom diffikultajiet bit-tfal, diffikultajiet bil-ġenituri. Ilkoll kemm aħna qegħdin f’baħar wieħed, nikkumbattu fil-ħajja umana u Nisranija tagħna. Kemm hi qawwija din is-sentenza ta’ San Pawl: “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi!”. Din il-grazzja mhix għajr il-ħbiberija li Ġesù jsemmi fil-Vanġelu: “Insejħilkom ħbieb”, intom ħbieb tiegħi, jien nagħti ħajti għalik, anki jekk inti dgħajjef.
Imma biex aħna nkunu nistgħu ngawdu minn din il-grazzja, hemm kundizzjoni, li ħafna drabi llum fid-dinja li qed ngħixu fiha, qed nevitawha u naħarbu minnha, u minħabba f’hekk ma ngawdux dawn id-doni kollha li Alla jrid jagħtina. Il-kundizzjoni hi li rridu nkunu umli, li rridu nħossuna bħall-profeta Ġeremija: ‘Jien ma nafx nitkellem, jien nibża’, m’iniex kapaċi’ (ara Ġer 1:6); bħal San Pawl: ‘Għandi xewka li lili żżommni lura’ (ara 2 Kor 12:7). Jekk aħna ma nkunux veri – għax l-umiltà hija l-verità – mar-realtà tagħna, jekk aħna nippruvaw insibu kull mod u kull mezz biex naħarbu minn dak li aħna tassew, u allura jidhrilna li aħna xi ħaġa, nilbsu elf tip ta’ maskra biex naħbu d-dgħufijiet u d-difetti tagħna, biex ma naċċettawx ir-realtà miżera tagħna, allura nkunu qed nitilfu d-doni kollha li Alla jista’ jagħtina.
Nista’ nisma’ b’moħħi u b’qalbi dik il-kelma li Ġesù qal lil Pawlu: “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi”, jekk jien inħossni fil-bżonn. Imma jekk jien kull darba li niġi wiċċ imb wiċċ mar-realtà dgħajfa tiegħi nipprova nagħmel kull mezz biex naħrab minnha, biex ninħeba minnha, biex nevitaha, biex ma naċċettahiex, allura jiġrili li ma nistax ngħix id-don li Alla jixtieq jagħtini, jiġrili li ma nistax ingawdi l-imħabba li Alla għandu lejja għax jien ħabib tiegħu, jien kif jien. U nispiċċa biex inħoss lili nnifsi bħala qaddej.
Il-Qari tal-lum iwissina lkoll kemm aħna, b’mod speċjali lilna s-saċerdoti, biex nibqgħu ħbieb ta’ Ġesù, nibqgħu nsibu l-mezzi kollha biex insiru ħbieb ta’ Ġesù. Franklin, din hi l-oriġni tal-vokazzjoni tiegħek: il-ħbiberija ma’ Ġesù. U jekk taħrab din minn ħajtek, tkun taħrab mill-vokazzjoni. Nitbiegħdu minn dak li aħna msejħin tassew għalih, u nispiċċaw biex inkunu sidien, qaddejja, nagħmlu dak li għandna nagħmlu forsi bi sforz, jew agħar u agħar, nispiċċaw inħaddmu l-poter tagħna fuq l-oħrajn, xi ħaġa li żgur ma fehemhiex Ġesù għas-saċerdozju. Is-saċerdot mhux bniedem ta’ poter, mhux bniedem li jordna, jobbliga, jikkmanda. Is-saċerdot mhux bniedem li jinqeda bl-oħrajn. Kemm naqgħu fiha din aħna s-saċerdoti! Xi drabi tant saret kważi kważi parti mill-kultura u l-ħajja tagħna… dak li ngħidulu l-klerikaliżmu. Għax tkellimt jien, allura jrid jiskot kulħadd! Għax għidt xi ħaġa jien, allura kulħadd irid jobdi! Kemm inbatu biha din aħna! Lanqas biss noħolqu mistoqsijiet madwarha; ngħixuha u daqshekk, bħallikieku dik kienet l-attitudni l-iktar ordinarja tagħna s-saċerdoti! Imma Ġesù jsejħilna ħbieb u qaddejja, mhux ħbieb u sidien. U naqdu bil-ħbiberija, bl-imħabba, għax aħna mqanqlin minn din l-enerġija li tiġi mill-Ispirtu ta’ Alla, li rċevejna fl-Ordinazzjoni u li tiġġedded fina sikwit.
Ejjew ilkoll kemm aħna, meta llum qed niċċelebraw l-inżul tal-Ispirtu Qaddis fl-Ordinazzjoni ta’ Franklin – l-Ispirtu li hu l-imħabba ta’ Alla u se jimlieh bl-imħabba tiegħu – nitolbuh lil dan l-Ispirtu biex jimla lilna wkoll, lill-familji tagħna, ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna, ta’ bejn il-mara u r-raġel, ta’ bejn il-ġenituri u l-ulied. Il-ġenituri wkoll għandhom bżonn, fir-relazzjoni tagħhom ma’ wliedhom, li jiskopru dan l-aspett tal-imħabba, mhux iktar l-aspett ta’ toqol, ta’ dmir, ta’ piż: hemm qiegħed, iva, imma kollox imqanqal mill-imħabba. Ejjew nitolbuh lill-Mulej għalina s-saċerdoti, biex jerġa’ jiġġedded fina d-don tal-Ordinazzjoni, ir-rigal tal-għotja sħiħa. Ejjew ilkoll flimkien inġeddu x-xewqa li jkollna saċerdoti u żgħażagħ, fid-Djoċesi u fil-familji tagħna, tant maturi u tant liberi li kapaċi lill-Mulej jgħidulu: ‘Hawn jien, il-qaddej tiegħek, agħmel bija dak li trid’. Ma hemmx libertà akbar minn din, li wieħed lill-Mulej jgħidlu: ‘Hawn jien, użani kif tixtieq’.