RIFLESSJONI FUQ IL-QALB TA’ ĠESÙ

Minn Angelo Xuereb

Inkunu niċċelebraw b’mod profond il-jum tal-Ħadd u ta’ kull festa jekk naqbdu fi jdejna l-Evanġelju tal-jum u naraw xi jrid jgħidilna.

Fil-Liturgija tal-Knisja fiċ-ċiklu B jinqara l-Evanġelju meħud minn San Ġwann  Kapitlu 18, versi minn 31 sa 37. Jikkonsisti f’rakkont u riflessjoni. L-ewwel naraw ir-rakkont, wara r-riflessjoni u fl-aħħar napplikawh għall-ħajjitna.

1 •Ir-Rakkont

Meta ngħidu rakkont inkunu nfissru li ġrat ġrajja. U proprju dik is-silta tal-Evanġelju li naqraw f’din il-festa ġrat il-Ġimgħa 14 ta’ Nissan jiġifieri l-jum tal-passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu wara li miet. Billi kien jum it-tħejjija tal-Għid ma riedux li l-iġsma ta’ Ġesù u t-tnejn l-oħrajn jibqgħu fuq is-salib. Għalhekk talbu lil Pilatu biex jitkissrulhom saqajhom; b’dan il-mod imutu u hekk jitneħħew minn fuq is-salib.

Iżda filwaqt li dawn iż-żewġ ħallelin kissrulhom saqajhom billi Ġesù kien digà miet ma kissrulux riġlejh: “imma wieħed mis-suldati nifidlu ġenbu b’lanza, u minnufih beda hiereġ demm u ilma” (Ġw 19, 34).

San Ġwann għall-kelma ‘jinfed’ juża l-verb nussô.  Ta’ min jinnota li dan il-verb ma jinsab imkien fl-Iskrittura u għalhekk baqa’ sagru.

Ir-Riflessjoni

Wara dan ir-rakkont l-Evanġelista jagħmel riflessjonijiet l-aktar profondi. L-ewwelnett, San Ġwann tant ra din ix-xena importanti li jgħid li huwa xhieda ta’ dak li ġara. Jgħidilna dan: “U min ra jagħti xhieda – u x-xhieda tiegħu hija minnha, u hu jaf li qiegħed jgħid is-sewwa – biex intom temmnu lkoll” (Ġw 19, 35).  L-Evanġelista li sama’ t-tħabbit mgħaġġel ta’ din il-qalb għażiża li baqa’ impressjonat.

San Ġwann taħt l-influss tal-Ispirtu s-Santu jinterpreta dak li ġara skont dak li jgħid it-Testment il-Qadim: “għax dan ġara biex isseħħ il-Kitba: ‘Ma jiksrulu l-ebda għadma’” (Ġw 19, 36). Hawnhekk l-Evanġelista qiegħed jindika li Ġesù huwa l-Ħaruf tal-Għid li ma kienu jiksrulu l-ebda għadma. Ta’ min isemmi li waqt li qiegħeda sseħħ din ix-xena fit-tempju kienu qegħdin jinqatlu l-ħrief għall-festa tal-Għid.


Kristu huwa l-ħaruf tal-Għid. Dan insibuh fil-bidu tal-istess Evanġelju fejn Ġwanni l-Battista jgħid: “Ara, l-ħaruf ta’ Alla” (Ġw 1, 36). Mhux ta’ b’xejn li insibu pitturi b’San Ġwann il-Battista fuq il-Golgota ma’ Ġesù msallab bil-ħaruf miegħu.

L-Evanġelista jikkwota vers ieħor mit-Testment il-Qadim li tgħid “ħarsu lejn dak li nifduh” (Ġw 19, 37).  Infatti fil-ktieb tal-profeta Żakkarija nsibu miktub: “Huma jħarsu lejn dak li jkunu nifdu” (12, 10).

Id-demm u l-Ilma

Il-ħarsa lejn il-kustat miftuh ta’ Kristu ma kienx ta’ dak il-mument biss iżda materja ta’ importanza għal kull nisrani ta’ kull żmien. Fl-Apokalissi nsibu miktub: “Arawh, ġej fis-sħab, u l-għajnejn kollha jarawh, ukoll dawk  li nifduh, u r-razzez kollha tal-art jibdew iħabbtu fuq sidirhom minħabba fih” (1, 7).

Rajna li meta s-suldat nifed il-ġenb ta’ Kristu ħareġ demm u Missirijiet il-Knisja jgħidulna li d-demm ifisser l-Ewkaristija u l-ilma l-magħmudija, li huma żewġ sagramenti li waqqaf Kristu stess.

Għalhekk, id-devozzjoni lejn  il-Qalb ta’ Ġesù tħeġġiġna  biex bħal San Ġwann nitfgħu kontinwament ħarsitna fuq il-kustat miftuħ ta’ Kristu fejn insibu rifuġju fid-diffikultajiet materjali u spiritwali. Forsi wieħed jistaqsi kif nistgħu nidħlu fil-kustat ta’ Kristu.

Dan huwa possibbli billi ngħixu l-magħmudija permezz ta’ ħajja nisranija u niffrekwentaw l-Ewkaristija. Niftakru li Kristu miet għalina midinbin u għalhekk ma għandniex ikollna biża’ mill-Ewkaristija jew indaħħlu f’moħħna li biex nitqarbnu rridu nkunu perfetti. Niftakru li dan is-sagrament jgħinna wkoll biex nirbħu n-nuqqasijiet tagħna ukoll.

Il-kustat miftuħ ta’ Kristu huwa stedina għalina wkoll biex ikollna ċertu rispett lejn il-Knisja. Niftakru wkoll li kif Eva ħarġet mill-kustat miftuħ ta’ Adam hekk ukoll il-Knisja ħarħet mill-kustat miftuh ta’ Kristu.

Bibliografija

Sciberras, Lawrenz. L-Aħħar Ġimgħa ta’ Ġesù, 2016, (Ir-raba’ edizzjoni).

Brown, Raymond; Fitzmayer, Joseph A.; Murphy, Roland E. The New Jerome Biblical Commentary, 1991, Great Britain.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading