Il-Papa jġedded it-talb għall-paċi fis-Sudan, hekk kif miljuni qed jirriskjaw il-ġuħ

“Nistieden lil kulħadd biex nitolbu għas-Sudan, fejn il-gwerra li ilha sejra aktar minn sena għad trid issib soluzzjoni paċifika. Jalla l-armi jiġu msikkta.” Dan kien l-appell tal-Papa Franġisku, l-Ħadd li għadda, hekk kif talab l-Angelus fi Pjazza San Pietru.

Il-Papa ħeġġeġ lill-mexxejja internazzjonali u lill-awtoritajiet Sudaniżi biex jgħinu lis-Sudan u lill-ħafna nies spostati tiegħu. “Jalla r-refuġjati Sudaniżi jsibu minn jilqagħhom u protezzjoni fil-pajjiżi ġirien,” żied jgħid.

Il-Papa Franġisku talab ukoll għall-paċi “fl-Ukrajna, fil-Palestina, l-Iżrael u l-Myanmar”. “Nappella għall-għerf tal-mexxejja, sabiex l-eskalazzjoni tieqaf minnufih, u jsir kull sforz ta’ djalogu u negozjati”.

Hekk kif il-Papa appella għall-paċi, jidher li żmien wasal fil-qrib, hekk kif miljuni ta’ nies fis-Sudan, jinsabu f’riskju imminenti ta’ ġuħ. Il-pajjiż jinsab involut fit-tieni sena ta’ kunflitt bejn il-fazzjonijiet militari rivali, u fih l-akbar numru ta’ nies spustati internament fid-dinja.

Hekk kif il-gwerra għada sejra, l-organizzazzjonijiet umanitarji bagħtu twissija qawwija, u qalu li l-partijiet fil-gwerra qed jipprevjenu li l-għajnuna tasal għand il-poplu. Dan l-aħħar allarm ġej wara li 19-il grupp umanitarju internazzjonali, nklużi 12-il aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti, ħeġġew lill-partijiet fil-gwerra biex ma jibqgħux jimblukkaw l-għajnuna tal-ikel milli tilħaq miljuni li qed ibatu mill-ġuħ.

Skont kelliem għall-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni għall-Affarijiet Umanitarji (OCHA), Jens Laerke, qal, li l-aħħar indikazzjoni, 18-il miljun ruħ fis-Sudan li huma bil-ġuħ se jmutu, jekk l-għajnuna ma tibdix tgħaddi. It-tfal jidhru li huma l-vittmi ewlenin, bi 3.6 miljun tfal ibatu bil-ġuħ.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2024-06/pope-francis-appeal-peace-sudan-holy-land-ukraine-myanmar.html

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading