Din hija l-ewwel darba, li l-ġrajja ġiet imfakkra b’dan il-mod, jikteb il-Papa fl-ittra tiegħu lill-Isqof Awżiljarju Baldassare Reina, li ġiet ippubblikata t-Tlieta filgħaxija. Fl-4 ta’ Ġunju 1944, in-nies ta’ Ruma, flimkien mal-isqof tagħhom, il-Papa Piju XII, talbu lill-Madonna biex issalva l-belt meta kien imminenti ġlied dirett bejn l-armata Ġermaniża u l-Alleati Anglo-Amerikani u l-belt kienet qed tiffaċċja “l-biża’ ta’ qerda Nazista”.
Tmenin sena wara, din hija okkażjoni, qal il-Papa, “biex nitlob għall-vittmi tat-Tieni Gwerra Dinjija u biex nirriflettu mill-ġdid fuq il-pjaga terribbli tal-gwerra”. Il-vittmi innoċenti tal-gwerer fl-Ukrajna, fil-Palestina u f’Iżrael, fis-Sudan, il-Myanmar u bnadi oħra, qegħdin jisfidaw “il-kuxjenza ta’ kulħadd”, kiteb il-Papa.
“Ma nistgħux u m’għandniex inċedu għal-loġika tal-armi!”
Il-Paċi hija don ta’ Alla, iżda għandna bżonn nies li jkunu lesti li jaċċettawha “u jimpenjaw ruħhom li jkunu bennejja tar-rikonċiljazzjoni u x-xhieda tat-tama”, kiteb il-Papa Franġisku. Huwa esprima t-tama tiegħu, lit-tifkira tal-wegħda li għamlu lill-Madonna 80 sena ilu, tispira lir-Rumani “biex ikunu periti ta’ paċi vera kullimkien u li jqajmu l-fraternità bħala kundizzjoni essenzjali għas-soluzzjoni tal-kunflitti u l-ostilitajiet”.
Il-Papa Franġisku ħeġġeġ għal attitudni paċifika fil-ħajja ta’ kuljum: hija kwistjoni, qal, li jiġu favur relazzjonijiet tajbin bejn in-nies “b’kuraġġ u ġenitilezza” u “jirrikonċiljaw it-tensjonijiet fil-familja, fuq ix-xogħol, fl-iskola u fost il-ħbieb”.
Fil-ħdax-il sena tal-pontifikat tiegħu, l-Papa Franġisku għamel ħafna biex jagħti ħajja ġdida lid-devozzjoni lejn l-ikona Marjana ‘Salus Populi Romani’ (s-‘Salvazzjoni tal-Poplu Ruman’). Il-Qdusija Tiegħu jżur din ix-xbieha, li tinżamm fil-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore, qabel u wara kull vjaġġ li jagħmel barra l-Italja, kif ukoll fil-Festa tal-Kunċizzjoni, fit-8 ta’ Diċembru.
Għal sekli sħaħ, jikteb il-Papa fl-ittra tiegħu, x-xbieha tal-Verġni Marija “hija ħajja fil-qlub tar-Rumani”, li ġiet invokata fit-talb waqt l-epidemiji, fid-diżastri naturali u l-gwerer. “L-aktar ġrajjiet importanti fil-ħajja reliġjuża u ċivili ta’ Ruma sabu l-eku tagħhom quddiem din ix-xbieha”, qal il-Papa. Għalhekk, ir-Rumani, fl-1944, wkoll afdaw lilhom infushom f’idejn Marija, ‘Salus Populi Romani’ peress li beżgħu mill-qerda tal-belt tagħhom mill-okkupanti Nażisti.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2024-06/pope-francis-rome-liberation-salus-populi-romani-anniversary.html