Il-Ġimgħa, 7 ta’ Ġunju 2024: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fis-Solennità tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù. Santwarju Parrokkjali tal-Qalb ta’ Ġesù, Fontana.
Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma
Ħafna mill-inkwiet tagħna, ħafna mit-tbatija li nbatu, ħafna mill-iljieli li nagħmlu li ma nistgħux norqdu, ħafna mill-ikliet li nagħmlu bl-istonku mitbuq u li ma nistgħu ndaħħlu xejn fih… il-kawża tkun xi diffukultà fl-imħabba. Tgħiduli: imma l-imħabba x’għandha x’taqsam jekk missieri ma kienx ġust fil-wirt, jekk l-imgħallem ta’ fuq ix-xogħol lili ttrattani ħażin, jekk it-tifel jew it-tifla tiegħi qed jagħmlu bil-maqlub ta’ dak li jien nistenna minnhom? U nistgħu nibqgħu sejrin. Iva, l-imħabba għandha x’taqsam. Ħafna drabi, id-diffikultà ċentrali li ma tħalliniex norqdu jew nieklu hija problema tal-imħabba.
U allura, meta llum qegħdin niċċelebraw is-Solennità kbira tal-Qalb ta’ Ġesù, din il-festa tal-Imħabba illi hija t-Triq tal-Għajn, jew aħjar, l-Għajn li hija t-triq tal-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna, qegħdin niċċelebraw l-essenzjal. Ma nistgħux niċċelebraw xi ħaġa iktar importanti u essenzjali. U jekk qed ngħidu li l-kawża tad-diffikultajiet u l-problemi ħafna drabi hija mħabba marida, irridu ngħidu wkoll illi aħna, kif aħna magħmulin, insibuha bi tqila biex nilqgħu, biex naċċettaw u biex nagħmlu esperjenza vera ta’ x’jiġifieri tkun maħbub.
Jiena naħseb li kieku jkolli nistaqsi lilkom ilkoll: ‘Inti kuntent bl-imħabba li tirċievi? Inti tħossok tassew maħbub?’, jekk il-qofol tal-problema huwa l-imħabba, jiena naħseb li ħafna minna ngħidu: ‘Nirċievi mħabba imma mhux biżżejjed. Nixtieq nirċievi iżjed imħabba’. U norbtu l-paċi tal-qalb u l-kuntentizza tagħna mal-imħabba. U allura, illejla, b’mod speċjali li qegħdin fl-Ewaristija, li hija l-ogħla espressjoni u festa tal-Imħabba, irridu nitolbuh lill-Mulej Ġesù: ‘Għinna nagħmlu esperjenza tal-imħabba tiegħek. Għallimna x’jiġifieri tħobb. Għinna nħossu din l-imħabba li kulħadd jgħidilna li inti tħobbna biha’. Jalla tkun din it-talba li ħierġa mill-qalb u x-xewqa tagħna f’din l-Ewkaristija.
Darba lill-Appostli Ġesù qalilhom: “M’hemmx imħabba ikbar minn din, li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu. U intom ħbiebi” (Ġw 15:13-14). Mela jfisser li m’hemmx imħabba ikbar minn din illi Ġesù jagħti ħajtu għalina, aħna li aħna ħbiebu. “Ħudu u kulu, dan huwa Ġismi”… dalwaqt nisimgħuha. U aħna ngħidu: “Ammen”. “Ħudu u ixorbu, dan hu Demmi”. Alla li jagħtina lilu nnifsu fil-persuna ta’ Ġesù. M’hemmx imħabba ikbar minn din: li Ġesù jagħti ħajtu, jagħti lilu nnifsu għal kull wieħed u kull waħda minna. Imma donnu fina hemm xi ħaġa li żżommna milli nagħmlu esperjenza profonda u vera ta’ din l-imħabba ta’ Ġesù u ta’ din il-Qalb kbira tiegħu, li kontinwament titfa’ l-imħabba fuqna.
San Pawl konxju minn dan. Fl-Ittra lill-Efesin, San Pawl jgħid espressjoni verament qawwija: ‘Jien kelli x-xorti illi nkun naf x’jiġifieri li Ġesù jħobbni’. Kelli x-xorti li nagħraf “l-għoli u l-fond, il-wisa’ u t-tul tal-imħabba ta’ Alla għalija” (3:18). Kieku kull wieħed u waħda minna jkollu x-xorti ta’ San Pawl li nħossu u nagħmlu esperjenza vera ta’ din l-imħabba ta’ Ġesù għal kull wieħed u waħda minna!
Kif tafu, aħna niġu frott l-imħabba. Almenu, il-bniedem suppost li jibda jeżisti meta żewġ persuni jħobbu lil xulxin. Raġel u mara tant iħobbu lil xulxin li din l-imħabba tagħhom issir persuna, issir ħajja li taraha u tmissha: persuna. L-imħabba ta’ bejnietna, ta’ bejn raġel u mara, issir persuna. U x’jiġri? Meta din l-imħabba tibda tonqos u maż-żmien, b’xi mod jew ieħor, issir imperfetta minħabba li aħna limitati, jibdew il-problemi: diffikultajiet tal-koppja, diffikultajiet meta persuna ma tħosshiex ċerta minnha nfisha, diffikultajiet ta’ kull tip. Saħansitra, in-nuqqas ta’ mħabba kapaċi jġib problemi fis-saħħa tal-bniedem, mhux tal-moħħ biss imma tal-ġisem ukoll. Kemm nies jomordu minħabba problemi tal-imħabba!
Imbagħad x’jiġrilna? Dak il-ġuf, li lilna kenninna, li lilna tana l-ħajja u li ħarisna, li lilna temagħna u li fih konna tant kuntenti, hemmhekk fejn għexna verament l-imħabba ta’ Alla – għax l-imħabba ta’ Alla hi konkreta u tinħass fl-imħabba ta’ bejnietna – meta nikbru nibdew nimmaġinaw li rridu nibnu dar sabiħa, dar kbira, dar illi mingħajr ma nindunaw inkunu qed infittxu fiha l-kenn, il-kuntentizza, is-sabiħ, il-ħlewwa u l-imħabba ta’ dak il-ġuf. Imma billi nkunu aljenati fit-tiżjin, fid-dar sabiħa u kbira, mhux talli ma ninsewx l-imħabba li nkunu qed infittxu, talli l-imbierka dar tispiċċa sors ta’ kunflitti, issir il-mument li fih il-koppja ma tibqax tiltaqa’ għax kulħadd imħabbat bix-xogħol, kulħadd imħabbat biex isib il-flus biex inkunu nistgħu nħallsu d-djun li nkunu dħalna għalihom, biex ikollna dan il-ġuf virtwali, il-ġuf ideali, li mingħalina ser ikun replika li lilna ser ipoġġina sew bħalma konna fil-ġuf ta’ ommna. Ippruvaw irriflettu ftit il-ħajja fejn iġġibna, il-ħajja kemm tiżvijana meta tonqos l-imħabba, u nkunu qegħdin infittxu l-imħabba, imma flok nimxu lejn l-imħabba, b’xorti ħażina nkunu qed nitbiegħdu minnha.
L-istess il-flus. X’inhuma l-flus? Il-flus mhumiex għajr estensjoni ta’ dak li kellna meta konna żgħar: iċ-ċertezza li ser insibu x’nieklu, iċ-ċertezza li aħna tant maħbubin, ibda mill-ġuf li ġa kien jitmagħna; u mbagħad insibu ruħna fl-imħabba ta’ koppja, ta’ familja, ta’ missier u omm li jgħinuna u jissapportjawna; dak l-ikel li darba kien frott l-imħabba jsir għalina ideal li jmur lil hinn saħansitra anki minn dak li għandna bżonn. Fil-flus infittxu ċ-ċertezza li tagħtina l-imħabba, xejn iktar. Imma billi nfittxuha fejn mhix hemm, l-imħabba ma nsibuhiex. Allura din iċ-ċertezza l-flus ma jagħtuhielna qatt.
L-istess il-popolarità. L-istess l-apparenza u li nidhru. Xi nkunu qed infittxu? Ftit stima tagħna nfusna; li nkunu stmati u rrispettati u li nkunu ta’ min iħobbna. Anki hemmhekk infittxu l-imħabba. U x’jiġrilna? Anki hemmhekk nerġgħu nitbiegħdu: infittxu f’ġirja bla waqfien – u li qatt ma tissodisfana – li nkunu importanti, li jkollna stima tagħna nfusna, biex inħossuna tassew f’postna għax maħbubin.
U x’ma tidħolx il-Qalb ta’ Ġesù, bl-imħabba kollha tagħha, f’dawn id-diffikultajiet tagħna, f’dawn il-ġirjiet li jaqtgħulna n-nifs! Ngħiduha kif inhi: qed ngħixu f’dinja, f’soċjetà, li tfittex ġid, popolarità u apparenza imma fl-istess ħin qed teqridna minn ġewwa bħallikieku dan il-ġid ma nistgħux insibuh, l-istima tagħna nfusna qatt mhu ser insibuha, qatt mhu ser inħossuna rrispettati verament fil-persuna tagħna; bħallikieku f’din id-dar u f’dan il-ġuf, qatt m’aħna komdi biżżejjed. Għaliex? Għax id-dar tagħna hija l-Qalb ta’ Ġesù. Is-sikurezza tagħna, il-flus tagħna, il-ġid tagħna, il-popolarità tagħna, l-istima tagħna hija l-Qalb ta’ Ġesù: “Mhemmx imħabba ikbar minn din, li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15:13). Ġesù ta ħajtu għalina: x’ma jkollniex stima tagħna nfusna! Ġesù ta ħajtu għalik, Alla l-imbierek li jmut fuq is-salib għalik, għalina lkoll.
Tagħmel sens il-Festa tal-Qalb ta’ Ġesù? Jagħmel sens dak li smajna fl-Ewwel Qari u fil-Vanġelu? Mill-Ktieb tal-Profeta Hosegħa naqraw: “Jien ippruvajt nerfgħek, bħalma omm terfa’ t-tarbija tagħha; ħaddantek miegħi; bil-ħbula tal-imħabba ġbidtek biex int tinduna u tħoss l-imħabba ta’ Alla. Imma inti tbigħedt” (ara Hos 11:4s). L-imħabba ta’ Alla mhijiex biss ġuf li jipproteġina imma wkoll direzzjoni ta’ ħajja. Mhijiex biss dik l-omm li għal kull żball li nagħmlu tfarraġna u tilqagħna lura, imma hija wkoll dik l-omm li tħobbna tassew u ma tridniex nerġgħu niżbaljaw, u għalhekk tagħtina direzzjoni. Din hi l-Qalb ta’ Ġesù: mhijiex biss refuġju imma wkoll direzzjoni, suġġerimenti għall-ħajja, kelma li tagħtina l-ħajja meta nisimgħuha u nippruvaw inwettquha fil-ħajja tagħna.
Ejjew inkomplu ngħixu din l-Ewkaristija proprju b’din il-konsapevolezza li qegħdin fil-ġuf ta’ Alla, fil-Qalb ta’ Alla. L-Ewkaristija hija dan kollu. Dalwaqt nisimgħu l-kelmiet: “Ħu u kul, dan Ġismi; ħu u ixrob, dan Demmi: għix bih”. Ejjew inħossu verament din l-imħabba ta’ Ġesù għalina, imħabba li tnaqqas ħafna mill-ġirja għall-istima tagħna nfusna. M’għandniex għalfejn nitħabtu, nikkompetu u ngħiru għal xulxin. Kemm kunflitti bejnietna għax ma nħossuniex verament maħbubin. Kemm tkun isbaħ ħajti meta nemmen verament li Ġesù jistmani. Ejjew ngħixu l-Ewkaristija bħala l-mediċina li tfejjaq l-imħabba feruta tagħna.
Il-Qalb ta’ Ġesù: is-soluzzjoni ta’ ħafna mard tal-moħħ, tal-ġisem u tal-qalb tagħna.
