Inniżżlu l-għeruq tagħna fl-imħabba u fuqha nibnu ħajjitna

Il-Ġimgħa, 7 ta’ Ġunju 2024: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Quddiesa tal-konsagrazzjoni tal-knisja. Knisja tal-Qalb ta’ Ġesù, Imsida.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Kif għadna kif smajna fl-Evanġelju ta’ San Ġwann li jissellef il-kliem tal-profeta Żakkarija: “Huma qagħad iħarsu lejn min nifdu.”(Ġw 19:37). Min hu dan ir-raġel minfud? Huwa l-imsallab Ġesù Kristu Sultan tal-Lhud li minflok kissrulu riġlejh bħala l-aħħar daqqa fl-eżekuzzjoni tiegħu, peress li kien diġà miet, fizzjal qabad lanza u nifend il-kustad tiegħu.

Aħna nħarsu lejh u fina wkoll isseħħ il-profezija ta’ Żakkarija u l-kelma li jirrepeti Ġwanni: “Huma qagħad jħarsu lejn min nifdu.” (Ġw 19:37).   Jerġa’ jirrepetiha fil-ktieb tal-Apokalissi li b’xi mod jipprova jispjegalna t-taqtiegħa bejn it-tajjeb u l-ħażin li rridu ngħixu fuq din l-art, imma wkoll jipprova jispjega ix-xenqa li hemm f’kull wieħed u waħda minnha għal dik il-belt qaddisa — Ġerusalem tas-Sema — li fiha jsaltan u jgħammar bħala fanal kontinwament jiddi l-Ħaruf: “Ma għandhiex fanal għax id-dawl tagħha huwa l-ħaruf maqtul.” – il-Ħaruf bla tebgħa. Minn fuq dan l-artal li huwa kkonsagrat, is-saċerdot jgħidilna f’kull quddiesa: “Dan hu l-Ħaruf ta’ Alla, dan hu dak li jneħħi d-dnubiet tad-dinja. Henjin huma dak li huma mistiedna għall-ikla tal-Ħaruf.”

Illum fil-konsagrazzjoni tat-tempju qegħdin inkomplu u ngħaqqdu d-dedikazzjoni ta’ dan l-ambjent li bdiet bit-tberik u l-konsagrazzjoni ta’ dan l-artal u rridu allura nieħdu dan il-jum bħala providenza u messaġġ tal-ħniena ta’ Alla għalina. Għaliex il-konsagrazzjoni ta’ dan it-tempju, il-konkluzjoni ta’ dan ir-rit li beda diġà meta ġie kkonsagrat l-artal u llum qed jiġi konkluż bil-konsagrazzjoni ta’ dan l-ambjent, il-ġebel u tberik tal-ħitan li diġà għamilna, li-konsagrazzjoni tal-ħitan u t-tqiegħid tas-sinjal tas-salib fuq il-ħitan, naħsbu ftit f’dik il-kelma li għadna kemm smajna fit-tieni qari mill-Appostlu Missierna.

Nikbru f’ambjent li jagħti l-ħajja

L-ewwel nett stedina biex ninżlu għarkupptejna quddiem il-Missier  li minnu tieħu isimha kull familja fis-sema u fl-art. Hawnhekk huwa l-mument fejn aħna mhux biss fiżikament imma fl-ispirtu u l-qalb tagħna ninżlu għarkupptejna quddiem il-Missier u nagħrfu li kull komunità, kull familja tieħu l-paternità u l-maternità tagħha, tieħu l-imħabba tagħha mill-Missier, l-għajn ta’ kull ħajja, il-Ħallieq ta’ dak li jdher u dak li ma jidhirx – Alla Mħabba. Huwa ‘missier’ għax iħobb u kull familja nitolbu li tkun dejjem dik l-għamara, dik il-bejta fid-dinja, li tieħu isimha mill-Missier li huwa mħabba.

Il-komunità li tħossha fi kriżi fl-imħabba għandha bżonn tinżel aktar għarkupptejna. Imma aħna nifhmu li tinżel għarkupptejk mhux atteġjament fiżiku imma atteġjament spiritwali. Lil Alla tgħidlu:” Jiena għandi bżonnok; Grazzi Sinjur, aħfirli Sinjur Alla” (San Ġorġ Preca). Aħna ninżlu għarkupptejna quddiem il-Missier biex skont l-għana tal-glorja tiegħu jagħtina li bil-qawwa tiegħu, permezz tal-Ispirtu tiegħu nissaħħu fil-bniedem ta’ ġewwa u li fi Kristu jgħammar f’qalbna permezz tal-fidi biex inniżżlu l-għeruq tagħna fl-imħabba u fuqha nibnu ħajjitna. Li nibnu ħajjitna fuq l-imħabba u li nniżżlu l-għeruq tagħna fl-imħabba.

Aħnu u nikkonsagraw din il-binja u nkompli r-rit tal-konsagrazzjoni u ntemmuh bit-tberik ta’ din l-awla ta’ dan il-post, nitolbu biex kull wieħed u waħda minnha nniżżlu l-għeruq tagħna fl-imħabba. Jekk taqbad pjanta mill-għeruq trid tpoġġiha jew fl-ilma jew twaħħilha fl-art, inkella kkundannajtha għall-mewt. Trid tħalli li l-għeruq tagħha jiżlu fl-ambjent li jagħtiha l-ħajja. B’din it-tixbiha qawwija, l-Appostli Missierna jrid jispjegalna li jekk aħna ma nniżżlux l-għeruq tagħna mhux fl-ilma jew fil-ħamrija, imma fl-imħabba, se mmutu, se nitilfu l-identità, il-jien tagħna.

Wara kollox illum qegħdin niċċelebraw il-Jien ta’ Ġesù, għax il-qalb u mhux il-muskolu imma l-personalità – il-Jien ta’ Ġesù. Meta ngħidu l-Qalb ta’ Ġesù, qed niċċelebraw l-identità – il-Jien ta’ Ġesù. L-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Biex nispjegaw lil xi ħadd ngħidu: “qalbu tajba, qalbu tad-deheb.” Anke biex nispjegaw kif inkunu aħna: “qalbi sewda” – nużaw ħafna kuluri għal qalb, ma għandiex għalfejn nsemmihom kollha! Għaliex aħna wkoll għandna l-istess mod ta’ kif nitkellmu meta nitkellmu fuq il-jien tal-persuna, nitkellmu fuq il-qalb – “Kemm għandu qalbu tajba, qalbu f’idu.” Allura meta niċċelebraw il-Qalb ta’ Ġesù qed niċċelebraw il-Jien tiegħu li huwa mħabba konkreta li tfisser fl-umiltà u fil-ħlewwa, fl-umiltà u l-manswetudni.

Meta nbierku l-ġebel li bnew il-bnedmin, li bniet din il-komunità, irridu mmorru ’l hemm mis-sinjal fiżiku u materjali. Qegħdin nagħmlu xi ħaġa spiritwali. Qed niddedikaw dan it-tempju lil Alla biex ifakkarna li aħna wkoll ddedikati għall-Missier li minn ismu u mill-imħabba tiegħu kull familja tal-bnedmin tieħu l-Jien tagħha.

Vittmi tar-rebgħa

Inzerta li din is-sena s-solennità tal-Qalb ta’ Ġesù hija s-Sette Giugno, waħda mill-ħames festi nazzjonali –  peress li aħna pajjiż kbir għandna bżonn iżjed minn festa nazzjonali waħda?! Għandna kollezzjoni tagħhom. Imma din il-festa partikolari li għandha sinifikat profond trid tfakkarna li l-vjolenza mhix ir-risposta. L-arroganza mhix ir-risposta biex nitgħallmu ngħixu flimkien. Aħna llum qed niċċelebraw traġedja ta’ nies innoċenti li mietu frott l-arroganza u r-rebgħa tal-poter tal-bnedmin. Aħna nsejħulhom eroj imma huma vittmi għax ma tawx ħajjiethom għall-poplu. Kien hemm min baqa’ qed jistenna t-tifel, min mar biex jixtri l-ħobż u ma daħalx lura d-dar. Dawn huma vittmi innoċenti tal-vjolenza, tal-paniku, tal-biża’, tat-tixwix. Aħna li niċċelebraw din l-istorja nsibu ruħna li għadna ma ħlisniex mill-kawżi tat-traġedji tas-Sette Giugno. Nistgħu ngħidu li kienet parti mill-mixja biex il-poplu tagħna jkollu identità politika tiegħu. Imma l-mistoqsija fundamentali, waqt li nikkonsagraw din il-knisja tal-ġebel, hija: dawn is-sinjali konkreti xi jfissru spiritwalment għalik? X’attwalità għandhom għalina? X’sinjali jridu jkunu għalina? Din hija d-domanda li nagħmlu llum fis-Sette Giugno.

Nilqgħu l-ħajja, nilqgħu l-vokazzjonijiet

Illum li niċċelebraw l-konsagrazzjoni ta’ dan it-tempju, nitolbu wkoll għad-don tal-vokazzjonijiet. Kull darba li niġi hawn u nħares lejkom, nitlob għad-don tal-vokazzjonijiet. Għaliex? Għaliex jaf jiġi ta’ warajja, u jiena u intom mhux se nkunu hawn. U warajna minn se jkun hawn? Il-bankijiet? Il-ħitan li kkonsagrajna llum? Din hi mistoqsija oħra li rridu nagħmlu aħna u nitolbu lill-Mulej. Nitolbuh biex l-ewwel nett ikompli jsejjaħ bnedmin għall-ħajja u aħna nilqgħuhom, imbagħad li jagħti s-sejħa u liż-żgħażagħ tagħna jgħidulu ‘iva’. Għalhekk, waqt li nikkonsagraw dawn il-ħitan ta’ dan it-tempju għażiż, ejjew nitolbu għad-don taż-żewġ sagramenti li jibnu l-Knisja: iż-żwieġ u s-saċerdozju.

Tgħiduli, imma l-ħajja reliġjuża fejn qiegħda? Il-ħajja reliġjuża hija dik it-tila silenzjuża li fuqha il-Mulej jikteb il-kapulavur tiegħu, tal-persuna msejħa għall-imħabba tiegħu totali. Għandna bżonn din ix-xhieda. Jista’ jkolli l-isbaħ pinzell u l-isbaħ kuluri, imma jekk ma għandniex it-tila, fejn ħa npoġġih? Kif ser nisprimi ruħi? Allura dawn is-sagramenti li jibnu l-Knisja għandhom bżonn it-tila tal-ħajja reliġjuża li fuqha l-Mulej jesprimi l-vokazzjoni tagħna għall-ġenna. Aħna lkoll kemm marbutin ħafna ma’ din id-dinja. Min jaf kemm ngħidulu mingħajr ħafna kliem: “Meta trid, imma m’iniex mgħaġġek – take your time. Imma fl-istess ħin ipoġġi fina u fiċ-ċirkostanzi dik is-sejħa għall-ġenna, hija l-għamara tagħna u jridna nibdew induquha minn issa bl-imħabba ta’ bejnietna, bil-maħfra ta’ bejnietna u l-paċenzja li nieħdu b’xulxin.

L-aħwa, il-paċenzja tista’ tkun jew infern jew purgatorju jew l-ġenna. Skont kif teħodha. Imma trid tieħu paċenzja dejjem. Issa agħżel inti x’se tkun għalik: jew l-infern jew il-purgatorju jew il-ġenna. Għax paċenzja trid tieħu dejjem u b’kulħadd: l-ewwel nett bik innifsek, u b’ta’ madwarek. Kultant nilludu ruħna li aħna l-martri, nieħdu paċenzja b’kulħadd u ma nindunaw kemm ikollna bżonn li jieħdu paċenzja bina. Għax dan bħalma jgħidu bl-Ingliż, u li kien iħobb jgħidha l-viċi rettur ta’ żmieni u li mbagħad sar rettur: “To live with saints in heaven is eternal gloryTo live with saints on earth is another story.” Kultant aħna nkunu qaddisin imma proprju nkunu qaddisin għax nagħmlu lil xulxin qaddisin. Nitolbu d-don tal-paċenzja u nitolbu li l-paċenzja tagħna tkun almenu jekk mhux ġenna, tkun purgatorju.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Sors: www.knisja.mt

Ritratt: www.knisja.mt/ritratti

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading