Il-Papa lill-kummidjanti: Għinuna noħolmu dinja aħjar

Il-kummidjanti huma fost l-aktar animaturi maħbubin u mfaħħra, qal il-Papa Franġisku, l-fl-14 ta’ Ġunju, għax “għandhom u jikkultivaw id-don li jġegħlu n-nies tidħaq.”

B’tant “aħbarijiet koroh”, f’nofs kriżijiet kemm pubbliċi kif ukoll personali, l-kummidjanti kapaċi jxerrdu “s-serenità u tbissima,” u huma fost il-ftit li jistgħu jitkellmu “ma’ ħafna nies differenti, ta’ ġenerazzjonijiet differenti u kulturi differenti.” Preċiżament għax “id-daħk huwa kontaġjuż,” li jista’ “jkisser l-ostakli soċjali u joħloq konnessjonijiet,” qal il-Papa, filwaqt li nnota li l-kummidjanti ifakkruna li “l-gost u d-daħk huma ċentrali għall-ħajja tal-bniedem.”

Il-Papa Franġisku qal lill-kummidjanti li għandhom “rigal prezzjuż,” li jxerrdu l-paċi “fil-qlub u bejn il-popli, li jgħin biex negħlbu d-diffikultajiet u nkampaw mal-istress ta’ kuljum.” Il-Qdusija Tiegħu kompla jenfasizza “miraklu” ieħor li jġibu l-kummidjanti, l-ħila li jġegħlu lin-nies titbissem, anke meta jindirizzaw kwistjonijiet serji. “Intom tiddenunzjaw l-eċċessi tal-poter, tagħtu vuċi lis-sitwazzjonijiet minsija, tenfasizzaw l-abbużi, tindikaw l-imġieba mhux xierqa… iżda mingħajr ma xerrdu allarm jew terrur, ansjetà jew biża’,” qallilhom.

B’dawra mistika, l-Papa Franġisku rrimarka li fil-ħolqien, “l-Għerf Divin ipprattika l-arti tagħkom għall-ġid ta’ ħadd ħlief Alla nnifsu, l-ewwel spettatur fl-istorja,” b’Alla li jieħu gost bl-opri li kien għamel. “Ftakru dan,” qal lill-kummidjanti. “Meta jirnexxielkom iġġibu tbissima intelliġenti fuq fomm anki spettatur wieħed, intom iġġiegħlu lil Alla jitbissem.”

Huwa enfasizza li l-ħsieb u t-taħdit b’sens ta’ umoriżmu jgħinuna nifhmu u nġibu sens tan-natura umana. L-umoriżmu, qal il-Papa, “ma joffendix, ma jumiljax, ma ‘jsammarx’ lin-nies bid-difetti tagħhom.” B’differenza għal forom oħra ta’ komunikazzjoni, sostna; l-umoriżmu m’huwa qatt kontra xi ħadd, iżda dejjen inklussiv u proattiv, u jqajjem ftuħ, simpatija u empatija.

Fil-fatt, qal il-Papa, “saħansitra nistgħu nidħku b’Alla, bħalma nilgħabu u niċċajtaw  ma’ dawk li nħobbu”. Iżda, qal, “dan irid isir mingħajr ma joffendi s-sentimenti reliġjużi ta’ dawk li jemmnu, speċjalment tal-foqra.”

Il-Papa Franġisku temm id-diskors tiegħu billi bierek lil dawk preżenti u l-arti tagħhom. “Komplu ferħu lin-nies speċjalment dawk li jsibuha diffiċli biex iħarsu lejn il-ħajja bit-tama,” qal. “Għinuna, bi tbissima, naraw ir-realtà bil-kontradizzjonijiet tagħha, u noħolmu f’dinja aħjar!”

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2024-06/pope-to-comedians-help-us-to-dream-of-a-better-world.html

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading