Marija toħroġ fil-bieb

L-Erbgħa, 31 ta’ Lulju 2024: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-ftuħ tal-Kwindiċina ta’ Santa Marija. Pjazza tal-Katidral, Ċittadella.

Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

X’fettlilna llejla bdejna l-Kwindiċina proprju hawn barra, u flok li dħalna aħna ħarġet il-Madonna? Jagħmel ħafna sens dak li qed niċċelebraw u l-mod ta’ kif qed niċċelebrawh. Ħafna sens! Għaliex? Għax jekk inti tħobb lil xi ħadd u taf li dan ix-xi ħadd għandu bżonn, ma toqgħodx tistennieh hu jħabbatlek il-bieb u jiġi għandek, imma tmur int, toħroġ int mid-dar tiegħek biex tgħinu. U dan li qed tagħmel Marija llejla. Kemm jagħmel sens illi qed nibdew il-Kwindiċina proprju b’dan il-mod: Marija li toħroġ fil-bieb, li qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet biex tiltaqa’ magħna.

Il-bieb tal-Katidral, il-Pjazza tal-Katidral tagħti fuq il-belt, tagħti fuq id-Djoċesi, tagħti fuq il-gżira kollha tagħna. Marija tiftaħ qalbha. Marija tqum u titlaq minn ġod-dar tagħha biex toħroġ u tidħol f’kull dar tagħna, f’kull dar tagħkom.

Il-Kwindiċina mhux aħna li se nagħmluha lil Marija, imma hi li se tagħmilha lilna. Il-Vanġelu li għadna kif smajna (Lq 1:39-56) jippreżentalna lil Marija li f’dawk il-ġranet imtliet bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, nisslet lil Ġesù ħaj fiha. F’dawk il-ġranet Marija tqum, toħroġ minn ġod-dar tagħha, timxi mixja twila ħafna, titla’ fuq l-għoljiet – il-Vanġelu jgħidilna “tħaffef”, għax mimlija bil-ħeġġa – biex tidħol fid-dar ta’ min għandu bżonn; biex tidħol fid-dar tiegħek. Marija trid tidħol fid-dar tagħna.

Kemm hi sabiħa din l-immaġni, u kemm tirrendi l-mod ta’ kif qegħdin niċċelebraw din il-Kelma ta’ Alla li għadna kif smajna: Marija li toħroġ mill-bieb tagħha, mill-bieb tal-Katidral tagħha, biex tidħol fil-bieb fid-djar tagħna. Jalla nħalluha tidħol lil Marija. Jalla niftħulha l-bieb mhux biss illum, imma matul il-ħmistax-il ġurnata kollha li ġejjin fuqna bi tħejjija għas-Solennità tad-dħul tagħha fis-Sema.

Għaliex għandna bżonn inħalluha tidħol lil Marija fid-djar tagħna? X’se ssib Marija jekk niftħulha l-bieb u nħalluha tidħol? Dak li sabet fid-dar ta’ Żakkarija. Il-Vanġelu jgħidilna: “Daħlet fid-dar ta’ Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta” (v. 40). Sabet koppja anzjani bid-diffikultajiet u bil-problemi tagħhom. Meta tħabbat u tiftaħ u tidħol fid-djar tagħna, Marija se ssib persuni li huma wkoll għandhom id-diffikultajiet. Se ssib lilna bil-problemi u bid-diffikultajiet tagħna.

Żakkarija kellu problema ta’ fidi. F’liema dar, f’liema familja m’hemmx problema, diffikultà ta’ fidi? Żakkarija u Eliżabetta kellhom problema, diffikultà ta’ komunikazzjoni. Żakkarija la kien jisma’ u lanqas jitkellem. Għiduli intom jekk fid-djar tagħna, fil-familji tagħna għandniex diffikultajiet ta’ komunikazzjoni? Żakkarija u Eliżabetta kellhom diffikultà li mhumiex jifhmu x’inhu jiġri. Għiduli intom jekk fid-djar tagħna għandniex sitwazzjonijiet li ma nifhmuhomx, ma nafux nispjegawhom, u nsibuha bi tqila biex naċċettawhom? Għiduli intom jekk għandniex minn dawn id-diffikultajiet fid-djar tagħna?

Imma x’jiġri meta Marija tidħol fid-dar ta’ Eliżabetta? L-Ispirtu ta’ Alla jidħol f’din id-dar. Immaġinaw lil Marija li tidħol fid-dar tagħkom, mimlija bl-Ispirtu s-Santu, mimlija b’Ġesù, mimlija bil-preżenza ta’ Alla nnifsu. Qalulna l-Ewwel u t-Tieni Qari – l-Arka ta’ Alla, it-tabernaklu ta’ Alla, id-dar ta’ Alla tidħol fid-dar tagħna.

Din id-dar ta’ Eliżabetta timtela bil-ferħ. B’mod maġiku? Le. It-tarbija titqanqal fil-ġuf ta’ Eliżabetta, fil-ġuf ta’ mara anzjana, bil-problemi u d-diffikultajiet tagħha… Min jaf kif kienet qed tgħix dik it-tqala tagħha! Għax Eliżabetta tiltaqa’ mat-tabernaklu – Marija – li kienet iġġorr fiha lil Ġesù, lil Alla nnifsu. U fejn jidħol Alla, anki jekk hemm diffikultajiet, it-tarbija taqbeż bil-ferħ; tibda żifna li tibqa’ f’dik il-familja ta’ ferħ, ta’ nies li jifirħu hekk illi anki Eliżabetta tittieħed. “Imtliet bl-Ispirtu s-Santu” (v. 41), jgħidilna l-Vanġelu, kif jiġri meta aħna niftħu l-bieb u nħallu lil Marija tidħol fid-dar tagħna. Anki int, anki r-raġel tiegħek, anki l-mara tiegħek, anki t-tfal tiegħek, anki l-ġenituri tiegħek, anki ħutek jimtlew bil-qawwa li tiġi minn Alla: qawwa li tagħtina l-paċi, li tagħtina l-veru hena, il-veru ferħ.

U Eliżabetta tinfexx hi wkoll tfaħħar lil Alla, mimlija bil-qawwa tal-Ispirtu, bil-ferħ li tatha l-preżenza ta’ Marija li ġġorr fiha lil Ġesù. Hi tfaħħar lil Marija: “Hienja… imbierka dik li emmnet” (v. 45). Imbierka jien li inti ġejt għandi. “Minn fejn ġieni dan li omm Sidi tiġi għandi?” (v. 43). Ejjew nidħlu ftit f’din l-espressjoni ta’ Eliżabetta u nagħmluha tagħna jekk aħna ngħixu din il-Kwindiċina, jekk aħna niftħu l-bieb lil Marija, il-bieb tad-dar tagħna, matul dawn il-ħmistax-il ġurnata li ġejjin. Immaġinaw liema emozzjonijiet qawwijin ta’ ferħ u ta’ hena wasslu lil Eliżabetta tistqarr proprju dawn il-kelmiet: “Minn fejn ġieni dan li omm Sidi tiġi għandi?”. Hekk, jalla f’Santa Marija kollha kemm aħna, kollha kemm intom jirnexxilkom ma’ Eliżabetta tgħidu: “Minn fejn ġieni dan li omm Sidi tiġi għandi?”.

Allura matul dawn il-ħmistax-il ġurnata li ġejjin x’se nagħmlu? Sejrin niftħu l-bieb tal-qalb tagħna lil Marija. U kif illejla ħarġet hi mill-bieb tal-Katidral biex tidħol fil-qalb tagħna, fid-djar tagħna, tal-belt tagħna, tad-Djoċesi tagħna, id-djar kollha ta’ dawk li jemmnu u ta’ dawk li ma jemmnux – Eliżabetta li emmnet, Żakkarija li ma emminx –, hekk ukoll matul dawn il-ħmistax-il ġurnata ser nippruvaw inwieġbu għal din iż-żjara ta’ Marija billi niġu fil-Katidral tagħha biex nilqgħu f’qalbna lilha li hi l-katidral ta’ Alla.

Hekk qalilna l-Ewwel Qari (Apok 11:19–12:6,10): Marija hi t-tabernaklu ta’ Alla, Marija hi l-katidral ta’ Alla. Kemm tkun xi ħaġa sabiħa li aħna niġu l-Katidral, biex nilqgħu f’qalbna lil dan il-katidral ta’ Alla u neħduh magħna fid-djar tagħna biex nagħmlu, ilkoll kemm aħna, l-esperjenza ta’ Eliżabetta: “Minn fejn ġieni dan li omm Sidi tiġi għandi?”.

***

Fil-Festa ta’ Santa Marija 2024 li qegħdin niċċelebraw din is-sena, il-Velja ta’ Santa Marija saret fl-ewwel jum tal-Kwindiċina, il-31 ta’ Lulju 2024. Il-vara ta’ Santa Marija nħarġet fil-bieb tal-Katidral ta’ Għawdex fis-7.30pm u bejn l-innijiet Marjani ġew moqrija siltiet mill-Bulla li biha l-Papa Franġisku ħabbar il-Ġublew tat-Tama għall-2025. Wara dawn il-ħsibijiet, saret Konċelebrazzjoni Pontifikali tal-ftuħ tal-Kwindiċina, immexxija minn Mons. Isqof Anton Teuma bis-sehem tal-Kapitlu u l-Kleru tal-Katidral.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading