Kitba ta’ Joe Galea
Il-Logħob Olimpiku ‘Pariġi 2024’ ġie u mar. Intqal ħafna dwar dan l-Olimpjadi, l-aktar minħabba l-ftuħ ta’ dan l-avveniment li sar fil-qalba ta’ Pariġi fuq ix-xmara Seine nhar is-26 ta’ Lulju fejn kienu ħafna li ddarsu b’dak li sar. Iċ-ċerimonja tal-egħluq fil-lejla tal-11 ta’ Awwissu saret fi Stade de France b’ton newtrali imma li ma rnexxilux iħassar id-diżgust ta’ xi waqtiet taċ-ċerimonja tal-ftuħ.
Filwaqt li bħala membri tal-Knisja Kattolika jiddispjaċina li art bħal Franza tant tbiegħdet mill-egħruq Nisrani tagħha, dan huwa l-waqt li nfakkru dwar ir-ruħ reliġjuża tal-kapitali Franċiża u l-qaddisin li sawruha.
Fid-dinja mqallba li qed ngħixu fiha, kien hemm stennija li l-Olimpjadi ta’ Pariġi jkunu sejħa ta’ universalità li fiha l-popli kollha setgħu jingħaqdu. Tradizzjonalment l-Olimpjadi jitolbu perjodu ta’ paċi u waqfien fil-kunflitti bejn il-pajjiżi. Mhemmx dubju li kienu ċelebrazzjoni ta’ ferħ, sbieħ u ta’ ħila teknika. Imma biex tferraħ lin-nies, m’hemmx bżonn tweġġa’ lil min, fost madwar miljun persuna mad-dinja, qed jarak.
Filwaqt li l-apoloġija tal-kumitat organizzattiv ma rnexxilhiex tikkonvinċi, ta’ min ifakkar lil dawk kollha li għalihom is-sagru, it-tajjeb u s-sabiħ għadhom ifissru xi ħaġa, li dawn il-wirjiet ma jirriflettux ir-ruħ ta’ Franza. Hi ironika li tul is-Seine, mill-Katidral ta’ Notre Dame sal-Palazz tal-Louvre, l-organizzaturi nsew li dawn huma xogħolijiet ta’ rejiet Kattoliċi.

Huma l-postijiet familjari tal-kapitali, flimkien ma’ monumenti bħall-Invalides, li l-koppla tagħhom tilfet b’mod misterjuż is-salib fuq il-poster uffiċjali tal-avveniment, is-Sacré-Coeur f’Montmartre u s-Sainte-Chapelle, li jattiraw miljuni ta’ viżitaturi kull sena, hekk li jfakkru li mhemm xejn li jgħaqqad f’kull żmien daqs l-arti klassika, speċjalment meta ikollha l-fidi bħala l-ispirazzjoni tagħha.
Il-Logħob Olimpiku modern innifsu, li kull erba’ snin iġibu ferħ lin-nies ta’ kull ġenerazzjoni u ambjent soċjali, ma kinux jeżistu mingħajr l-assoċjazzjoni bejn l-edukatur Kattoliku Pierre de Coubertin u l-patri Dumnikan Henri Didon, li fassal il-motto tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali Citius, Altius, Fortius (“Ta’ Ħeffa, Ogħla, Aktar b’Saħħtu”).
Filwaqt li l-istorja ta’ Franza, li bdiet 1,500 sena ilu bil-Magħmudija tar-Re Clovis minn San Remiġju, hija marbuta b’mod inseparabbli mal-Kristjaneżmu, id-destin tal-belt ta’ Pariġi stess ħafna drabi kien marbut ma’ dak tal-qaddisin il-kbar tas-sekli mgħoddija, ibda minn Santa Genoveffa (420-502), il-qaddisa patruna ta’ Pariġi li għenet issalvaha fis-seklu tagħha mill-invażjoni mill-Unni u mbagħad mill-Ġermaniżi.
Il-lista twila ta’ qaddisin li twieldu f’Pariġi jew wettqu parti mill-missjoni ta’ ħajjithom f’din il-belt tinkludi figuri kbar bħal San Denis (it-tielet seklu), Santa Klotide (475-548), San Marċellinu (360-436), San Ġermanu (496-576), ir-re San Lwiġi (1214-1270), il-Beatu Papa Innoċenz V (1225-1276), il-Beatu Frédéric Ozanam (1813-1843), San Charles de Foucauld (1858-1916) u San Vinċenz de Paul (1581-1660).
Meqjusa bħala l-kapitali teoloġika tad-dinja medjevali, Pariġi ġibdet figuri prestiġjużi bħal San Tumas t’Akwinu, Pierre Abelard, Pierre Lombard u Jean Gerson. Kien f’Montmartre li Injazju Loyola u sħabu waqqfu s-Soċjetà ta’ Ġesù fl-1534. Kien ukoll f’Rue du Bac fil-qalba ta’ Pariġi li l-Verġni Marija dehret lil Santa Katarina Labouré fl-1830, fejn welldet id-devozzjoni dinjija għall-Midalja Mirakoluża.
Ir-Rivoluzzjoni Franċiża, it-tradizzjoni twila ta’ antiklerikaliżmu li segwewha, u l-mod kif l-Ewropa tilfet ir-ruħ Kattolika ma rnexxilhomx iħassru din l-identità profonda mill-kapitali, li llum tiftaħar b’madwar 140 knisja u kappella li għadhom iqawwu l-qlub, imqar tal-ftit. L-emozzjoni dinjija li tqanqlet min-nirien f’Notre Dame fl-2019 u l-għotjiet inkredibbli f’donazzjonijiet isaħħu din ir-realtà.
Interessant li l-attentati biex itappnu l-wirt Kattoliku ta’ Franza billi jiċċajtaw bi ġrajjiet sagri ħallew effett mhux mistenni. Fi żmien meta tant kummentaturi qed jiddikjaraw li l-era moderna diġà mmarkat it-tmiem tal-Kristjaneżmu, ir-reazzjoni ġusta għaċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Olimpjadi donnha fissret lill-bqija tad-dinja li din għadha ma qalitx l-aħħar kelma tagħha.
Filwaqt li attivisti Kattoliċi li għandhom bażi f’Madrid ġew arrestati fil-kapitali Franċiża talli pprotestaw fuq xarabank kontra l-attakki fuq il-fidi tal-Insara, Franza ddistingwiet ruħha b’dinamika ta‘ protesta mhux tas-soltu, partikularment mill-ġerarkija tal-Knisja Franċiża li tkellmet b’mod qawwi u fl-istess waqt dinjituż.