“JITQADDES ISMEK” mill-ktieb “IL-MISSIERNA” (1)

Ħsieb fuq tagħlim ta’ San Ġorġ Preca. Kitba ta’ Joe Galea.

Dan hu artiklu minn erbgħa b’tagħlim mill-ktieb ta’ San Ġorġ Preca “IL-MISSIERNA”. Il-ktieb kien stampat l-ewwel darba mill-istamperija tas-Sależjani, Tas-Sliema, fl-1943. San Ġorġ Preca jqassam il-“Missierna” f’7 talbiet. Dan li ġej hu l-ewwel parti dwar l-ewwel talba, “JITQADDES ISMEK”.

F’din l-invokazzjoni, fejn ngħidu “jitqaddes ismek”, San Ġorġ Preca jagħti ħarsa lejn dawk li mhux biss ma jagħtux l-unur li jixraq lill-isem t’Alla, imma jeħduha kontrieh. Mill-ewwel tiġina r-reazzjoni ta’ kif jista’ jkun li tkun kontra Alla? Iva, hekk hu, dejjem kien hawn forza ta’ ħażen li rebħet fuq ħafna. Huwa fatt, għax tgħallimulna l-istorja.

San Ġorġ Preca, 1880-1962, pittura ta’ Manuel Farrugia,
fil-knisja ta’ San Kosma u San Damjan, Lourdes

Ukoll jekk ma temminx f’elementi marbutin ma’ Satana u mal-anġli l-ħżiena, li jsemmi San Ġorġ Preca f’din l-ewwel talba. U forsi wkoll twaqqa’ għaċ-ċajt it-tagħlim tal-Knisja dwar dak li aħna nemmnu fih, il-forzi tal-ħażen qegħdin hemm, kif jikteb l-appostlu San Pietru, “bħal iljun aħrax, (ix-xitan) idur madwarna, ifittex lil min jibla’”. U fl-istess nifs San Pietru jwissina biex lil dan l-għadu niqfulu qawwijin fil-fidi. Jekk se noqogħdu niddubitaw, jekk f’waqt minnhom ma nkunux sodi, jista’ jirbaħna, bħalma rebaħ tant nies li spiċċaw ħażin. Il-forza tal-ħażen qisha industrija ħabrieka, li ma torqodx u ma tgħejiex. Għalhekk irridu noqogħdu għassa.

Jista’ jkun li x-xitan narawh ‘il bogħod minna. Imma qiegħed ħdejna u jinqeda bi bnedmin, kif isejħilhom San Ġorġ Preca, “il-qaddejja tiegħu fil-ħażen”. Dan l-għadu ħażin Ilu jwassal il-pariri malizzjużi tiegħu sa’ mill-bidu li deher il-bniedem fuq l-art, tant li anke l-Bibbja hi mimlija bi stejjer ta’ deni kkawżat minnu u mill-kompliċi tiegħu.

Xi ħadd jista’ jgħid: “Imma l-Bibbja hi storja antika!” Mela ma mmorrux ‘il bogħod. Noqogħdu ftit fil-kwiet u naraw is-sitwazzjoni fid-dinja. Id-dinja ħarġet minn żewġ gwerer atroċi, u għadna nħallu l-ħażin jifred, jagħmel il-ħsara, jinganna u joqtol. Il-ħażen jagħmel tant ħsara kuljum u kullimkien.

X’nistgħu nagħmlu aħna quddiem dan kollu? Proprju f’din l-invokazzjoni, San Ġorġ Preca jgħidilna li mill-ħażin joħroġ it-tajjeb. U Alla ma jridx li l-ħażin jirbaħ, għalkemm iħalli l-bniedem fil-libertà. Bħala ħbieb t’Alla, aħna rridu nikkumbattu dak li hu ħażin b’kull mod li nistgħu. U nitolbu ħafna biex Alla jrażżan din il-forza ta’ ħażen.

 San Ġorġ Preca hu prattiku, kif jgħidilna għal meta naraw dawk li hu jsejħilhom “l-għedewwa tal-isem ta’ Alla”. Bil-kontra ta’ dak li jagħmel il-ħażin, aħna nistgħu nieħdu sehem f’ċelebrazzjoni sabiħa, kuljum. Kull ħin u kullimkien isir is-sagrifiċċju tal-Quddiesa. Permezz tal-Quddiesa Alla jiġi meqjum kif inhu xieraq bl-ispirtu u bil-verità, jingħata l-qima u l-glorja li tixraqlu u jkun irringrazzjat għall-ġid kollu li jagħmel magħna, bħal fil-Quddiesa. 

Quddiesa f’ambjent sabiħ.

Jgħid li “ Aħna noffru l-Pjagi ta’ Kristu lil Alla, għax għandhom valur infinit, biex infaħħruh u rroddulu ħajr kif tabilħaqq jistħoqqlu, u biex inħallsu kif inhu xieraq għad-dnubiet tagħna u tal-bnedmin l-oħra.

Ħaġa oħra li jgħid San Ġorġ Preca hi li aħna mmorru kontra dak li Alla ma jridx. Kemm nies qed jinġarru mill-kilba għall-flus, l-unuri u l-pjaċiri tas-sensi! Nies twajba jistgħu jaqgħu f’din in-nasba jekk ma joqogħdux attenti. Alla ma jridx dik l-azzjoni; mela ma nibqax inqalleb fl-internet li hu tant kapaċi biex jirbaħni. “Dak li jgħożżu l-bnedmin”, jgħid Dun Ġorġ, “mhuwiex dejjem għal qalb Alla”.

“Meta nagħmlu t-tajjeb”, jikteb San Ġorġ Preca, “Alla jkun jafulna”. U jistaqsi: “Kif Alla ma jistax ma jberikx kulmin jagħtih glorja?” Kif hemm miktub fis-Salmi li: “Alla jbierek il-poplu tiegħu bil-paċi” (Salm 28 )

Allura b’kull mod naħdmu kontra d-dnub. “Kollox jagħti ġieħ lil Alla,” jikteb San Ġorġ Preca, “minbarra d-dnub, u min jagħmlu jkun jiddiżunura lil Alla, b’dannu wisq kbir tiegħu nnifsu”. Il-Qaddis iħajjarna biex nagħmlu t-tajjeb b’dan il-mod: “Wieħed jista’ jaħdem kontra d-dnub jew billi jgħallem, jew billi jitlob, jew billi jagħti karità, jew bl-eżempji t-tajba.

Kemm hu sabiħ li nagħmlu hekk! Inkunu qed nissieħbu b’mod konkret fl-invokazzjoni tal-ewwel talba tal-Missierna: “jitqaddes ismek.”

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading