Minn Edward Tagliaferro
Franz Kafka (1883-1924) kien kittieb famuż (Metamorphosis). Ma kienx miżżewweġ u ma kellux tfal. Meta kellu xi erbgħin sena, darba waħda mar passiġġata fi ġnien f’Berlin. Hemm iltaqa’ ma’ tifla li kienet qed tibki għax tilfet il-pupa favorita tagħha. Franz offra li jgħinnha jfittxuha u t-tifla aċċettat. Damu jifittxu mhux ħażin imma ma sabuhiex. L-għada reġgħu ltaqgħu u Franz saqsiha x’jisimha. “Jisimni Gretchen.” Qallha jekk tixtiqx ikomplu jfittxu L-pupa. Qaltlu iva, u hekk għamlu. Imma l-pupa baqgħet ma nstabitx. Għalhekk Franz ħareġ ittra mill-but taparsi miktuba mill-pupa. Taha lit-tifla waqt li qallha: “Il-pupa tiegħek bagħtet din l-ittra għalik. Hawn ħa!” It-tifla stagħġbet mhux ftit. Ħadet l-ittra u bdiet taqra: “Tibkix iktar. Mort indur dawra mad-dinja. Inkompli niktiblek fuq l-avventuri li se niltaqa’ magħhom.”
B’hekk bdiet storja li baqgħet sejra għal ħafna snin, b’Kafka jkompli jikteb għan-nom tal-pupa. Kull meta kienu jiltaqgħu fil-ġnien, Kafka kien jagħti ittra lit-tifla li fiha kienet taqra kemm il-pupa kienet għaddejja minn avventuri li jsaħħruk, vjaġġi li kienu mfissra b’ħafna dettalji kuluriti.
Wara ħafna snin, meta Gretchen saret mara, Kafka ġabilha pupa. “Il-pupa reġgħet lura Berlin. Hawn ħa.” (Fil-fatt kien xtralha oħra). Gretchen qaltlu: “Imma din ma tixbaħx il-pupa li kelli.” Hawn Kafka newlilha ittra oħra. Fiha l-pupa qaltilha: “Dawn il-vjaġġi kollha biddluni.” Hawn Gretchen ħaddnet il-pupa magħha u ħaditha d-dar ferħana se ttir.
Sena wara, Kafka miet. Gretchen iddispjaċiha ħafna u ppruvat issib konfort fil-pupa tagħha. Bdiet tibki u tolfoq fil-waqt li bdiet tagħfas il-pupa ma’ qalbha u tmellisha. F’ħin minnhom indunat li taħt il-libsa kien hemm xi ħaġa tħaxwex. Kienet ittra, l-aħħar waħda ta’ Kafka. Fetħitha u bdiet taqra: “Dak kollu li tħobb, aktarx li xi darba se titilfu. Imma l-imħabba dejjem terġa’ lura għandek taħt forma oħra. Tibżax mill-bidla. Ħaddanha, għax din tgħinek tikber u timmatura. Flimkien nistgħu nibdlu l-uġigħ fi stagħġib u mħabba; imma sta għalina biex noħolqu l-konnessjoni b’rieda ġenwina u b’għajnejna miftuħin beraħ għall-bżonnijiet tal-oħrajn.”
“Id-daqsxejn ta’ tbatija tagħna t’issa tħejjilna kobor ta’ glorja bla qjies għal dejjem; lilna li ma nħarsux lejn il-ħwejjeġ li jidhru, iżda lejn dawk li ma jidhrux. Dawk li jidhru huma għal żmien qasir, dawk li ma jidhrux huma għal dejjem “ (2 Kor: 4, 18).
“Jekk ma tinbidilx, moviment isir monument” (Tony Blair).