Għalkemm qed tasal f’idejna naqra aktar tard mis-soltu, l-aħħar ħarġa tar-Rivista Il-Ħajja f’Għawdex hi mżewqa b’kontenut tassew varjat li jinteressa lil firxa wiesgħa ta’ qarrejja. Il-ħarġa għandha togħma Marjana b’artikli kemm dwar il-festi speċjali f’ġieħ il-Viżitazzjoni fl-Għarb u kemm dwar ir-rabta tal-Assunta mat-tema tal-Ġublew li jmiss.
Ix-Xlendi jidher f’żewġ artikli, wieħed minnhom b’ritratt ta’ 125 sena ilu ta’ din il-bajja pittoreska li llum tilfet xi ftit mil-lewn oriġinali tagħha. L-artiklu prinċipali hu dwar l-istorja ta’ suċċess ta’ 25 sena tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, li tant tistinka biex ittejjeb il-prodott turistiku ta’ gżiritna.
