Adorazzjoni. 29 Ħadd matul is-Sena B

Introduzzjoni: Ħsieb tad-dħul għal adorazzjoni

O Ġesù, waqt li ninsab hawn quddiemek biex infaħħrek u nadurak; waqt li nagħraf li Int tajt ħajtek għall-imħabba tiegħi, għallimni naċċetta t-tbatija tiegħi għall-imħabba tiegħek, għax irrid nimxi fuq il-passi tiegħek, irrid nieħu sehem fit-tbatija tiegħek.    

Mulej, irrid nagħmel ir-rieda tiegħek a kost ta’ kollox. Saħħaħ fija l-fidi, żommni qribek. U bil-qawwa tal-Imħabba Ewkaristika tiegħek, agħmilni kuraġġuż/a, u ma nibżax. Nissel kelmtek f’qalbi: “La tibżax, dak li hemm bżonn tagħmel huwa li tafda iktar fija!”                 (3 sek pawsa)

Hekk kif tajt lilek innifsek kompletament lili, hekk jien irrid nagħti lili nnifsi lilek. U bl-interċessjoni tal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, jien noffrilek lil moħħi, l-ġismi, l-qalbi, r-rieda tiegħi u l-libertà tiegħi, għax il-libertà vera hi, li nħobbok mingħajr riżervi.    

Silenzju       3 min

Innu:__________________

Qari mill-Evanġelju skond San Mark                                              Mk 10:35-45

F’dak iż-żmien, Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, resqu lejh u qalulu: “Mgħallem, dak li se nitolbuk irriduk tagħtihulna”. “Xi triduni nagħmlilkom?”, staqsiehom. U huma weġbuh: “Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fil-glorja tiegħek”.

Imma Ġesù qalilhom: “Ma tafux x’intom titolbu. Għandkom ħila tixorbu l-kalċi li se nixrob jien, u titgħammdu bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien?”. “Għandna”, qalulu. Imbagħad qalilhom Ġesù: “Il-kalċi li se nixrob jien tixorbuh, iva, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien; imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew fuq ix-xellug tiegħi, din mhijiex ħaġa tiegħi li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet imħejjija”.

L-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, saħnu għal Ġakbu u għal Ġwanni. Imma Ġesù sejħilhom u qalilhom: “Tafu intom, dawk in-nies, li l-bnedmin jgħodduhom bħala kapijiet tal-pagani, jaħkmu fuqhom, u l-kbarat tagħhom iħaddmu s-setgħa tagħhom fuqhom. Fostkom ma għandux ikun hekk, imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd. Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra”.

Il-Kelma tal-Mulej     Tifħir lilek Kristu

Silenzju       1min

Għalkemm Ġesù, kien għadu kif ħabbrilhom għat-tielet darba minn xhix kellu jgħaddi, l-appostli kienu għadhom bl-idea tal-Messija trionfali, tal-Messija li kellu jkun kapaċi jwaqqaf saltna ta’ din l-art, u għalhekk naraw lil Ġwanni u l’ Ġakbu jitolbuh l-postijiet ewlenin qrib tiegħu. Kienu għadhom ma fehmux li m’hemmx mixja wara Ġesù, mingħajr is-Salib.   (2 sek pawsa)

Ejjew inkunu sinċiera fil-ħajja tagħna, min minna m’għandux forma ta’ salib fil-ħajja? Kemm hawn nies, anke jista’ jkun aħna stess, mifnija bit-tbatija, bil-mard, bl-uġigħ, bin-nuqqas ta’ ftehim, aħwa ma jitkellmux bejniethom, ma jmorrux jaraw lil ġenituri tagħhom, żwiġijiet imfarka, solitudni. Mhux kollha slaleb dawn?   (2 sek pawsa)

U bħal appostli aħna naħsbu u nippretendu, li għax nitolbu, għax ngħixu ħajja tajba, nistennew li ma jkollniex problemi, li ma niltaqgħux ma saram; anzi nitolbuh li kemm jista’ jkun jeħlisna mis-salib fil-ħajja. Imma Ġesù, bil-paċenzja kollha jfakkarna li jekk irridu nimxu warajh, irridu nilqgħu s-salib tal-ħajja, kif laqgħu Hu, u nkunu qaddejja ta’ xulxin bl-imħabba, bil-ħniena, u b’ħafna paċenzja.

Silenzju                3 min

Ġesù, jinqeda b’din ix-xewqa ta’ bnedmin, biex ifakkar, li hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi, u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra. L-awtur sagru tal-Ittra lil Lhud jgħidilna, li Ġesù għadda mit-tbatija, u għalhekk jista’ jifhimna f’kollox: “kien imġarrab bħalna f’kollox” (Lh 4:15); ġie msoffi permezz tat-tbatija. It-tbatija tiegħu saret is-sagrifiċċju veru tal-fidwa tagħna.

Ejjew aħna npoġġu l-ħarsa tagħna fuq is-Salib ta’ Ġesù, u niftakru fuq il-vokazzjoni nisranija tagħna: li anke aħna, bħal Ġesù, biex inħobbu u nifdu lil ħutna l-bnedmin, jeħtieġ li nkunu qaddejja. Jalla jkollna xorti bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, li nsawwru u nimmudelaw il-ħajja nisranija tagħna fuq dik ta’ Ġesù u s-Salib tiegħu.     

Silenzju/ soft background music                3 min     

Kant: ________________

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading