Il-Papa jitlob biex jiġu rispettati l-ħaddiema għaż-żamma tal-paċi tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libanu

Wara sensiela ta’ inċidenti li fihom mill-inqas erba’ ħaddiema għaż-żamma tal-paċi tan-Nazzjonijiet Uniti ndarbu wara li ġew taħt il-mira mill-armata Iżraeljana, l-Papa Franġisku appella biex it-truppi jiġu “rispettati”.

L-appell wasal hekk kif il-Papa għal darb’oħra sejjaħ għal waqfien mill-ġlied immedjat fil-Lvant Nofsani, u ħeġġeġ lill-partijiet biex “isegwu t-toroq tad-diplomazija u d-djalogu biex jinkiseb il-paċi”.

Il-Papa Franġisku ilu jappella għall-waqfien tal-ostilitajiet fir-reġjun minn Ottubru 2023. “Il-gwerra hija llużjoni,” kompla l-Papa. “Qatt mhu se ġġib il-paċi, qatt mhu se ġġib is-sigurtà. Hija telfa għal kulħadd, speċjalment għal dawk li jemmnu li huma invinċibbli.”

“Nitlob għall-vittmi kollha”, żied jgħid, “għall-persuni spostati, għall-ostaġġi – li nittama li jinħelsu minnufih – u nitlob biex din it-tbatija kbira bla bżonn, iġġenerata mill-mibegħda u mill-vendetta, dalwaqt tiġi fi tmiemha.”

Il-Papa Franġisku mbagħad komplan jiddiskuti l-gwerra fl-Ukrajna, u appella biex “l-Ukreni ma jitħallewx jiffriżaw għall-mewt” f’din ix-xitwa li ġejja. Huwa sejjaħ b’mod enfatiku għall-waqfien tal-attakki mill-ajru kontra l-popolazzjoni ċivili: “M’hemm aktar qtil ta’ innoċenti!”.

Il-Qdusija Tiegħu dawwar ħsibijietu lejn il-Ħaiti, fejn il-vjolenza estrema tal-gruppi armati (gangs) u l-faqar kbir qed ikomplu jwasslu għal-qerda ta’ ħafna ħajjiet. Il-ġimgħa li għaddiet, madwar 70 persuna, inklużi tfal, inqatlu wara li grupp armat attakka belt żgħira. “Ejjew qatt ma ninsew lil ħutna tal-Ħaiti”, ħeġġeġ il-Papa. “Nitlob lil kulħadd biex titolbu għat-tmiem ta’ kull forma ta’ vjolenza u, bl-impenn tal-komunità internazzjonali, jkomplu jaħdmu biex jinbena l-paċi u rikonċiljazzjoni fil-pajjiż”.

Fl-aħħarnett, il-Papa ddiskuta l-attività li ġejja “Miljun tfal jitolbu r-Rużarju għall-Paċi” organizzata minn Aid to the Church in Need. “Aħna nafdaw f’idejn l-interċessjoni tal-Madonna,” qal il-Papa Franġisku, “lill-Ukrajna mifluġa, l-Myanmar, is-Sudan, u l-popolazzjonijiet l-oħra kollha li qed ibatu minħabba l-gwerra u minħabba kull forma ta’ vjolenza u miżerja.”  

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2024-10/pope-respect-un-peacekeepers-in-lebanon.html

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading