TĦOBB LIL ALLA BILLI TĦOBB LILL-PROXXMU U TĦOBB LILL-PROXXMU BILLI TURIH L-IMĦABBA T’ALLA!
Minn Fr Michael A. Galea.
Tirrakkonta l-Qaddisa Madre Tereża: “Kien kważi nofs il-lejl, dlam ċappa kullimkien u smajt lil xi ħadd iħabbat fuq il-bieb tad-dar fejn konna noqogħdu aħna s-sorijiet, mort niftaħ il-bieb u sibt daqsxejn ta’ tifel jibki kemm jiflaħ. Staqsejtu: “Għaliex qed tibki, tfajjel ċkejken?” Weġibni: “Mort ħdejn ommi u keċċietni ‘l barra mid-dar. Mort ħdejn missieri u huwa wkoll keċċini ‘l barra…Intom triduni?” Għedtlu: “Ma tafx li rriduk, idħol ġewwa! Frixtlu daqsxejn ta’ mitraħ fl-art u raqad kuntent sa fil-għodu. Issa kien sebaħ sewwa. Mort sibt familja, kont naf li hija familja tajba, tħobb tagħmel karita’ u tlabtha tadotta dan it-tifel. Aċċettat mill-ewwel. Hekk dat-tifel fqir sab kenn f’din id-dar u ġenituri li ħabbewh tassew!”
Tkompli tgħid il-qaddisa Madre Tereża: “Għalija, dak it-tfajjel kien il-proxxmu tiegħi u Ġesu’ kien qed jitlobni nħobbu għax kulma nagħmlu mal-ifqar fost il-fqar inkunu qegħdin nagħmluh miegħu stess. Iżjed…Forsi fl-Awstralja, fl-Ewropa u fl-Amerika ma hemmx nies qegħdin jittallbu biċċa ħobż biex itaffu l-ġuħ tal-istonku u ma hemmx nies qegħdin jittallbu biċċa ħwejjeġ biex jgħattu l-għera tagħhom, imma hemm nies li jħossuhom tassew weħidhom: iħossu li mhumiex maħbuba, iħossu li ħadd ma jaħseb fihom!” Dan mhux faqar ukoll? F’Kalkutta aħna niġbru eluf ta’ nies li soltu jgħixu u li jorqdu fuq il-bankini tat-triqat. Niġbruhom fid-djar tagħna u jmutu mewta dinjituża u ħbieb m’Alla. Nista’ nassigurakom li la f’idejja u lanqas f’idejn is-sorijiet tagħna qatt ma mietu minn dawn il-fqar jekk ma jkunux talbu lil Alla jaħfrilhom dnubiethom!”
Nistgħu ngħidu li dawn l-esperjenzi li tirrakkonta Madre Tereża jintroduċuna għall-vanġelu tal-lum, vanġelu qasir imma bla dubju ta’ xejn narah jiġbor fih dak kollu li għallimna u għamel magħna Ġesu’ ta’ Nazaret ftit iktar minn elfejn sena ilu.
Ilkoll nafu li bejn l-għaxar kmandamenti li Alla ta lil Mose’, preċetti u tradizzjonijiet oħra, Lhudi tajjeb kellu jobdi 613 il-direttiva, naturalment mhux kollha ta’ l-istess importanza. Għalhekk il-kittieba (naħseb li magħhom irridu ngħoddu wkoll il-Fariżej u s-Sadduċej) l-hena tagħhom kien li joqogħdu jiddiskutu bejniethom liema direttiva kienet tiġi l-ewwel, it-tieni, it-tielet, ir-raba’ u nkomplu hekk…Donnu ma tantx kien ikollhom x’jagħmlu! Ħa nkompli nelabora fuq din is-silta tal-vanġelu li għadna kemm qrajna.
Jgħidilna San Mark: F’dak iż-żmien, wieħed mill-kittieba resaq fuq Ġesu’ u staqsieh: “Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel?” X’imkien qrajt li din hija l-unika darba fejn id-djalogu ta’ Ġesu’ ma’ wieħed mill-kittieba m’għandux ton ta’ ġlied u ta’ konflitt. Il-kittieb jidher jaqbel ma’ Ġesu’ u jammirah ukoll. Għall-mistoqsija li għamillu, Ġesu’ jwieġbu billi jirreċitalu l-kredu tal-Lhud imsejjaħ ix-Xema’.Lhudi tajjeb kellu jibda l-ġurnata tiegħu billi jgħid dan il-kredu bil-qalb. Ħa nagħmel żewġ riflessjonijiet
L-ewwel riflessjoni. Ix-Xema’ jew il-kredu tal-Lhud jaf il-bidu tiegħu lil Mose’. Skont l-ewwel lezzjoni li qrajna llum, kien Mose’ li għadda dal-kredu lill-Poplu Lhudi. Qallu: “Ibża’ mill-Mulej Alla tiegħek, billi int, ibnek u bin ibnek, tħarsu dejjem il-liġijiet u t-twissijiet kollha tiegħu.” Kien hemm kumpens kbir għal min iħares dan il-kredu. Qalilna l-awtur sagru: dan il-kumpens kien jikkonsisti f’għomor twil, ġid, kotra ta’ wlied u art li tnixxi ħalib u għasel. Naturalment tħobb lill-Mulej Alla tiegħek mhux biex takkwista dan kollu imma għax verament Alla hu ta’ min iħobbu. Jgħidilna San Ġwann fl-ewwel ittra tiegħu: “Alla huwa mħabba…” (4,16) Jekk Alla huwa mħabba aħna rridu nikkoppjawH billi nħobbu lill-oħrajn kif iħobbna Hu. Mhux xi ħaġa faċli, imma ta ’ nsara li aħna rridu nippruvaw.
U hawnhekk niġi għat-tieni riflessjoni. Ġesu’ jgħaqqad flimkien l-imħabba tagħna lejn Alla u l-imħabba tagħna lejn il-proxxmu. “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.” Qabel xejn nistaqsi: “Jien naf kif u kapaċi nħobb lili nnifsi?” Hekk pereżempju jien naf u kapaċi nsib bilanċ bejn xogħol u mistrieħ fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum? Jien naf u kapaċi naħfer lili nnifsi l-iżbalji li għamilt? Jien naf u kapaċi nagħmel dak li jogħġob lil Alla? Xi ħaġa oħra li ma tistax taqbżilna…Fil-vanġelu ta’ San Ġwann Ġesu’ jgħidilna “Ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien.” (13,34) Mhux faċli imma dan jagħmilna tassew dixxipli ta’ Ġesu’. Meta nkun bdejt inħobb lil Alla u lili nnifsi, imbagħad inkun lest jew lesta biex inħobb ukoll lill-oħrajn.
Nispiċċa b’dak li kien jgħid San Benedettu Abbati. “Kull bniedem huwa l-akbar sagrament ta’ Alla kif ikun pissidi mimli bl-ostji ikkonsagrati. Fil-pissidi bl-ostji ikkonsagrati hemm Ġesu’ ħaj, ir-Redentur tal-bniedem; għalhekk kull bniedem għandu jiġi ittrattat b’ħafna rispett, b’ħafna unur u b’ħafna dinjita’.
BIEX TITLOB INT LI QED TAQRA JEW LI SE TWASSAL DIN L-OMELIJA
“I used to go to a prison for conducting prayer-discussion among some of the prisoners. One evening a prisioner named Richard was with the group for the first time. It was a windy evening with no heat in the room. An inmate sitting opposite to Richard, having come only in T-shirt and trousers, was shivering. Richard had come with his shoulders wrapped in two blankets. Then, while we were discussing the idea of loving God, Richard suddenly got up, walked to the other inmate and put one of his blankets around him. By that wordless gesture, Richard demonstrated that discussion about the love of God is inseparable from active love for our neighbour.” (Viva Damas, His Word Lives, p. 320)
Il-qaddej t’Alla Dun Mikiel Attard kien iħobb jgħid li t-talb veru jwasslek għall-azzjoni. Kemm hu veru dak li kien iħobb jgħid Dun Mikiel Attard fil-ħajja tiegħi?