Ġwanni Pawlu II f’Quddiesa għall-Ġublew tal-Morda

QUDDIESA GĦALL-MORDA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Bażilika ta’ San Pietru
Is-Sibt, 11 ta’ Frar 1984

Għeżież morda u assistenti!

1. Kbir hu l-ferħ tiegħi li nista niltaqà magħkom fil-Bażilika Vatikana, fil-jum imbierek li fih niċċelebraw il-quddiesa ad unur tal-Verġni ta’ Lourdes! Hekk huwa possibbli għalija li nesprimilkom r-ringrazzjament tiegħi għad-don prezzjuż u nsostitwibbli tat-tbatija tagħkom, li ttawwal fiż-żmien l-opra feddejja ta’ Kristu msallab, u talli ġejtu mill-ġdid biex titolbu miegħi. Hekk nista wkoll ngħidilkom l-ammirazzjoni tiegħi għall-fidi tagħkom, għas-sabar u r-rassenjazzjoni tagħkom għar-rieda ta’ Alla.

Nestendi l-merħba ta’ mħabba lil kull wieħed u waħda minnkom, għeżież morda; kif ukoll lill-assistenti tagħkom, lill-organizzaturi tal-Opra Rumana pellegrinaġġi, lid-diriġnti tal-Unitals u tal-organizzazzjonijiet l-oħra; u, f’din is-Sena Ġubilari tar-Redenzjoni, nestendi t-tislima kordjali tiegħi lill-morda kollha tad-dinja, lil dawk kollha li b’xi mod, fil-ġisem u fir-ruħ iġorru l-feriti tan-niket, tad-dwejjaq, tas-solitudni. Fuq l-art kollha jidwu l-mewġ tan-niket; f’kull nazzjon, f’kull belt, f’kull dar wieħed jara d-dmugħ tat-tbatija; imma f’kull post ukoll hemm preżenti l-imħabba ta’ Alla u s-salvazzjoni miġjuba minn Kristu. U dan huwa mottiv ta’ kuraġġ, ta’ fiduċja, ta’ tama!

Aħna nafu, fid-dawl tar-Rivelazzjoni, li t-tbatija għandha sinifikat validu u pożittiv, ladarba jidħol fil-pjan universali tal-Providenza, fil-pjan amorevoli tas-salvazzjoni. Bla ebda dubju r-raġuni weħedha tibqà  mħawda quddiem tali misteru; imma, illuminat mill-fidi fi Kristu mislub u rxuxtat, in-nisrani jaċċettah u jħobbu għaliex jaf li l-Imħabba nfinita ma tqarraqx; u għalhekk huwa jistenna b’fiduċja l-feliċità sħiħa ‘il hemm mil-limiti taż-żmien. Komvint minn din il-verità San Pawl stqarr: “Issallabt ma’ Kristu u miniex iktar jien li ngħix, imma Kristu jgħix fija!Il-ħajja li issa ngħix fil-ġisem qiegħed ngħixha bil-fidi fl-Iben ta’ alla, li ħabbni u li ta ħajtu għalija” (Gal 2, 20). U żied: “Imfawwar bil-ferħ fost id-dieqa kollha tagħna” (2 Kor 7, 4).

2. Waqt li llum niċċelebraw t-tifkira tal-Verġni Santissma, li dehret f’Lourdes lil Bernardetta l-ewwel darba fil-11 ta’ Frar 1858, il-ħsieb tiegħi jmur lura bi tqanqil ħaj u b’nostalġija għall-pellegrinaġġ imwettaq is-Sajf li għadda f’jum l-Assunzjoni, fil-grotta ta’ Massabielle. Tassew indimentikabbli kienet dik il-btala qasira imma ntensiva fis-santwarju Marjan ċelebri; u waqt li nħares lejkom hawn preżenti, għeżież morda, flimkien mal-persuni li jakkumpanjawkom u jassistukom, nerġà nara l-folol jitolbu fil-“misraħ” u ħdejn il-grotta. Fit-toroq u tul il-Gave, fil-bażiliki madwar l-altar tal-quddiesa sollenni; nerġà nara l-eluf u eluf ta’ fjakkoli mixgħula waqt il-proċessjoni ta; “filgħaxija”, u nerġà nismà l-kant ħelu u suġġestiv tal-proċessjoni bis-Sagrament Imqaddes; fuq kollox għandi quddiem għajnejja l-morda, umanità sofferenti u mimlijin tama, mbuttati fil-karozzelli jew mimdudin fuq l-istreċers . . . kienet żjara qasira, imma prezzjuża, għaliex, bħalma għidt fid-diskors tal-wasla f’Tarbes “F’Lourdes il-kuxjenza ssir jew terġà ssir ċara u terġà ssib l-orjentament primittiv tagħha” (Insegnamenti di Giovanni Paolo II, VI/2 [1983] 193). U dan kien il-messaġġ li ħallejt dakinhar u li llum nixtieq inġedded: l-istedina mill-qalb lill-insara u lill-bnedmin kollha biex jerġgħu lura għall-“kuxjenza ffurmata sewwa biex tiddistingwi t-tajjeb mill-ħażin, namrata tal-ġustizzja, tal-imħabba u tal-verità; kuxjenza rispettuża tal-misteru ta’ Alla li, huwa biss, jaf jagħti sens sħiħ lill-esiġenzi morali bħall-eżistenza stess; kuxjenza sensibbli tal-messaġġ tal-Vanġelu, trażmess mill-Knisja minn ġenerazzjoni għal oħra” (Ivi).

F’Lourdes, fl-ewwel diskors tiegħi ħdejn il-grotta kont staqsejt kif qatt il-Verġni Santissma kienet assumiet il-wiċċ u l-isem tal-Immakulata u kienet dehret f’dak il-post hekk sempliċi u fqir, u kont weġibt li kollox kien imqiegħed f’evidenza ċara l-istedina pressanti għall-konverżjoni. “Ejjew ngħiduha b’mod sinċier – kont stqarrejt hemm u nirrepetih ukoll issa – id-dinja  tagħna tinħtieġ il-konverżjoni . . . Illum is-sens stess tad-dnub  f’ċertu sens għab, għaliex qed jintilef is-sens ta’ Alla. Irridu nibnu umaneżmu mingħajr Alla u l-fidi kontinwament qiegħda tissogra li tidher bħala atteġjament ta’ oriġinalità ta’ xiħadd, nieqes minn irwol meħtieġ għas-salvazzjoni ta’ kulħadd. Il-kuxjenzi ddallmu bħal fi żmien l-ewwel dnub, billi ma jiddistingwux iktar it-tajjeb mill-ħażin. Ħafna ma jafux iktar x’inhu d-dnub jew ma jissugrawx iktar li jafuh, bħallikieku din il-kuxjenza setgħet taljena l-libertà tagħhom . . . Tibqà ħaġa diffiċli li tikkonvinċi lid-dinja attwali dwar il-miżerja tad-dnub propju u dwar is-salvazzjoni li Alla kontinwament iwettaq permezz tar-Redenzjoni” (Ivi, p. 198).

Sewwa, il-Verġni ġiet biex tfakkar lill-bnedmin kollha għal dan il-bżonn intern ta’ konverżjoni u ta’ rikonċiljazzjoni. U aħna nafu li Ġesù Msallab, li propju bit-tbatija tiegħu feda l-bnedmin mill-ħażen, dawwal u ppurifika l-kuxjenzi u ta s-sinifikat veru lin-niket tagħna.

3. Għeżież morda! Offru b’imħabba u b’ġenerożità t-tbatijiet tagħkom lill-Mulej għall-konverżjoni tad-dinja! Hemm bżonn li l-bniedem jifhem l-gravità tad-dnub, offiża lil Alla, u jikkonverti lejn dak li b’imħabba ħalqu u jsejjaħlu għall-feliċità eterna!

Propju bid-data tallum, 11 ta’ Frar, ridt nippubblika l-Ittra tiegħi dwar is-sens nisrani tat-tbatija umana. Dan huwa messaġġ marbut b’mod intimu mal-istedina li toħroġ mis-Sena Mqaddsa tar-Redenzjoni. Fiha niddikjara li “Kristu permezz tat-tbatija tiegħu feddejja isib ruħu ħin bla waqt ġewwa kull tbatija umana” (Ioannis Pauli PP. II, Salvifici doloris, 26, die 11 febr. 1984) u nitkellem dwar il-vokazzjoni li nbatu għat-twettiq kontinwu u perpetwu tar-Redenzjoni: “Din hija fuq kollox sejħa, u vokazzjoni. Kristu ma jispjegax fl-astratt ir-raġunijiet tat-tbatija, imma qabel kollox jgħid: “Imxi warajja! Ejja!”, ħu sehem bit-tbatija tiegħek f’din l-opra tas-salvazzjoni tad-dinja, li titwettaq permezz tat-tbatija! Permezz tas-salib tiegħi. Kif il-bniedem jaqbad is-salib tiegħu, billi jingħaqad spiritwalment mas-salib ta’ Kristu, jiriivela ruħu quddiemu s-sens feddej tat-tbatija. Il-bniedem ma jiskoprix dan is-sens fil-livell uman tiegħu, imma fil-livell tat-tbatija ta’ Kristu” (Ivi). “Iktar ma l-bniedem ikun mhedded mid-dnub, iktar ma tqal ikunu l-istrutturi tad-dnub li ġġib fiha d-dinja tallum, ferm ikbar tkun l-elokwenza li t-tbatija umana fiha nfisha tippossiedi. U tant iktar il-Knisja tħoss il-bżonn li tirrikorri għall-valur tat-tbatijiet umani għas-salvazzjoni tad-dinja” (Ivi, 27).

Aċċettaw b’kuraġġ u fiduċja l-pieni tagħkom ukoll għal dawk kollha li jsofru fid-dinja minħabba l-persekuzzjonijiet reliġjużi, minħabba s-sitwazzjonijiet politiċi u soċjali; jew huma vittmi tal-korruzzjoni tad-drawwiet u tal-klima ta’ materjaliżmu u tal-edoniżmu dominanti; jew li jiġġerrew bla fidi u bla ċertezza fl-indifferenza jew fin-negazzjoni reliġjuża. Intom ukoll, bħal Ġesù fuq is-salib, tistgħu tiksbu grazzja ta’ dawl, ta’ ndiema, ta’ konverżjoni, ta’ salvazzjoni għal dawn ħutna.

Fl-aħħarnett, inħeġġiġkom għal imħabba dejjem iktar qawwija u profonda għall-Knisja, li dejjem, imma b’mod speċjali llum, għandha tkun magħquda kollha fil-verità, fil-karità u fid-dixxiplina. Waqt li kellimt lill-ministri ta’ Alla, fil-Bażilika tar-Rużarju, dwar id-dmirijiet saċerdotali u b’mod partikolari dak tal-amministrazzjoni tas-Sagrament tal-maħfra, kont għidt: “Is-Saċerdot li jassisti b’mod doloruż għat-tbegħid tal-fidili tiegħu mis-sors tal-maħfra, jipparteċipa fil-passjoni ta’ Kristu, għat-tbatija tiegħu quddiem l-għebusija tal-qlub, għall-ansjetà tiegħu għas-salvazzjoni tad-dinja” (cf. Insegnamenti di Giovanni Paolo II, VI/2 [1983] 217). Ukoll intom morda, li taraw kif l-umanità tinsab imħawda u mhedda b’mod partikolari għal din il-passjoni misterjuża: itolbu mela u sofru għall-Knisja, għall-isqfijiet, għas-saċerdoti, għall-vokazzjonijiet, għas-seminarji u għal dawk responsabbli tal-formazzjoni saċerdotali u re;iġjuża. Il-Knisja għandha bżonn ta’ persuni li jitolbu u jħobbu, fis-skiet u fit-tbatija: u intom, verament, fil-mard tagħkom, tistgħu tkunu dawn l-appostli!

4. Għeżież morda! Naqraw fil-bijografija ta’ Santa Bernardetta li l-jum ta’ wara l-ewwel Tqarbina tagħha, l-4 ta’ Ġunju 1858, hija ltaqgħet mas-Sinjorina Estrade, li għamliethilha mistoqsija mbarazzanti: “Liema ħaġa għamlitek iktar kuntenta? Id-dehra tal-Verġni Mqaddsa jew l-ewwel Tqarbina? Iż-żagħżugħa kjaroveġġenta, deċiża bħal dejjem, weġbitha: “Dawn il-ħwejjeġ ma jmorrux flimkien u m’għandhomx ikunu ffaċċjati. Dak li naf huwa li kont kuntenta id-darbtejn”.

It-tweġiba kommoventi u għarfa tiswa wkoll għalikom, morda; tgħodd għal kulħadd: fl-imħabba lejn Ġesù ewkaristiku u fid-devozzjoni lejn il-Verġni Santissma nistgħu nsibu l-kuntentizza! Dan nawgurahulkom minn qalbi! Dan nitlob għalikom f’din il-quddiesa!

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading