Kull tant żmien ikolli bżonn li naqta’ ftit. Bejn ir-ruttina naqra iebsa tal-ħajja ta’ kuljum u bejn iċ-ċokon ta’ artna ma nsibx aħjar milli noħroġ minn din in-naqra ta’ gżira f’nofs ta’ baħar daqshiex, li hu l-maħbub Mediterran u “Mare Nostrum” biex immur nieħu n-nifs f’xi art oħra. Wara kollox, l’Alla li nemmen fih ħalqilna fuq li ħalqina għax tabilħaqq hu ġeneruż bil-bosta.
Post li fih immur spiss
Meta wħud isemmu ismi ma jistgħux ma jsemmux ukoll Medjugorje. Kemm nieħu gost immur f’dan il-post hekk qaddis. L-aktar issa meta l-Vatikan approva l-fatt li f’Medjugorje hemm tassew frott spiritwali abbundanti u li jwassal għall-ħajja ta’ dejjem. Kif nista’ ma nħossniex ferħan meta nara li nhar it-28 t’Awwissu 2024 Papa Franġisku approva “In-Nota Dwar l-Esperjenza Spiritwali Marbuta ma’ Medjugorje”. Bħalma nafu, din in-nota tagħraf it-tjubija tal-frott spiritwali li ntiseġ ma’ Medjugorje. In-nota wkoll issejħilna, bħala Nsara, biex nimxu fuqha ġaladarba “għadd kbir ta’ frott spiritwali ġie innutat qalb din l-esperjenza spiritwali, filwaqt li l-effetti negattivi u perikolużi ma xterdux qalb il-Poplu t’Alla”.
Is-sabiħa qiegħdha hawn: temmen jew ma temminx, meta tmur Medjugorje tassew li tħoss dik il-paċi li ruħi u ruħek letteralment qed tokrob għaliha. Ma ninsa qatt l-esperjenza mill-isbaħ li kelli meta mort l-ewwel darba f’Medjugorje. Din l-esperjenza kienet sabiħa l-għaliex aħna u deħlin f’Medjugorje, fil-qalba tal-lejl u fid-dlam ċappa, stajt inħoss b’qawwa kbira l-paċi bla qjies li taf toffri d-dinja tat-tfal. Iwa, Medjugorje hu d-dinja tat-tfal li jafu jħobbu u jumiljaw ruħhom għall-grazzji li jirċievu mill-Mulej li tant iħobbhom.
Din id-darba b’Medjugorje l-Mulej offrieli opportunitajiet fejn stajt nistrieħ u anki nitlob, inqarar u nqaddes. Id-darbtejn li tani l-grazzja li nitla’ fuq il-Għolja Podrbo fejn Ommna Marija qed tidher, nista’ ngħid li kienu waqtiet mill-isbaħ ta’ grazzja kbira. Ma’ kemm nies il-Mulej laqqagħni u magħhom tlabt ħdejn Ommna Marija. Kemm ġesti żgħar, magħmula mill-imħabba tal-qalb, missew lil qalbi u dewwewhieli.
Iċ-ċelebrazzjonijiet mill-isbaħ tal-Ewkaristija u anki l-adurazzjonijiet li ħadt sehem fihom urewni kemm min jagħmilha ma’ Ġesù, bl-akkumpanjament ta’ Ommu u Ommna Marija, tassew li jibda’ jgħix il-Ġenna minn issa fuq din l-art. Mhux l-għaliex jikbrulu xi ġwienaħ inkella li qed iġorr xi raġġiera fuq rasu imma l-għaliex jidħol fl-Internet tal-Mulej Ġesù li l-valuri tiegħu jagħtu l-ħajja bil-kotra. Ġesù u Marija huma t-tweġiba għas-solitudni kbira li nħossu f’qalbna u madwarna. Dan l-għaliex, fejn ikunu huma, għid li se jġibu magħhom ir-razza u r-radika tas-sema u fina, li qed ngħixu hawn, iqajmu dik ix-xewqa u l-qawwa kbira li għandna rieqda f’qalbna li nibdew it-triq ħalli nħalluhom iħobbuna u jħobbu bina lill-oħrajn.
F’dan is-sens, il-ġirja f’Medjugorje kienet għalija ta’ grazzja kbira l-għaliex fakkrittni li anki jien, ma’ Ġesù u Marija, ġejt imsejjaħ biex inħallihom iħobbuni u bija jħobbu lill-oħrajn, inkluż lil dawk li ma jġerrhuniex u li jridu jagħmlu, akkost ta’ kollox, gwerra gwerrun kontrija.
F’Medjugorje, ġewwa fija ħassejt li lill-Mulej nagħmillu din it-talba minn qiegħ qalbi: “Mulej, nitolbok, agħmilna familja u, fuq kollox, agħmilna l-familja tiegħek bħala Missierna u ta’ Marija għax hi Ommna”. Fil-qiegħ ta’ qalbi ħassejt li din it-talba l-Mulej semagħha, qaddisha u qed jaħdem fuqha. Fl-Ispirtu ħassejt li l-Mulej beda jwettaq din it-talba b’qawwa kbira, siekta imma effikaċi issemmix.
Mill-Omm għall-Iben
Wara li qattajt l-isbaħ sitt ijiem f’dan ir-raħal-ġenna, fil-Herzegovina, il-Mulej tani l-grazzja li mmur il-Polonja għall-Jiem Internazzjonali tal-Appostli tal-Ħniena Divina. Fit-triq il-Mulej laqqagħni ma’ nies tabilħaqq interessanti u li bihom għamilli bosta ġid. Ma kienx biżżejjed li jlaqqagħni ma’ xebgħa nies mill-Amerika Latina u mill-Ewropa f’Medjugorje. Issa laqqagħni wkoll ma’ nies li qed ifittxu. Ma ninsa qatt diskursata tassew interessanti ma’ mara Olandiża li, għall-ewwel darba f’ħajjitha, is-sena l-oħra marret Lourdes u ntebħet bil-qawwa li l-Mulej żejjen biha lill-Ommna Marija.
Anki fi Krakovja, bħal f’Medjugorje, wasalt tard bil-lejl. Ix-xuffier li wassalni stqarr miegħi: “Patri, jiena u l-membri tal-familja tiegħi Knisja ma mmorrux”. Kollox sew, dan il-fatt smajtu miljum elf darba f’Malta. Imma fih innutajt ħaġa: kemm hu żgħażugħ qalbu kbira. Faħħartlu din l-attitudni mill-isbaħ fih. U wara l-Mulej fija ħeġġu b’dan il-kliem: “U proprju l-għaliex int żgħażugħ ta’ qalb kbira li għandek bżonn tmur il-quddies ħalli bil-Kelma t’Alla u bl-Ewkaristija int tkompli tħobb aktar”.
Innutajt li dan il-kliem tefgħu “f’meditation mode”. Ma nafx meta u fejn se jsir il-frott. Ħaġa waħda naf: inżergħet żerriegħa li biha l-Mulej għad jagħmel frott abbundanti fil-qalb ta’ dan iż-żgħażugħ. Għax Alla tagħna hu ĠENEROŻITÀ BLA QJIES.
Fl-Oażi tal-Ħniena Divina
Dan ħuna wassalni fiċ-Ċentru tal-Pellegrini msemmi għall-Papa u ħabib kbir ta’ Malta u Għawdex, San Ġwann Pawlu II. Dan iċ-ċentru mill-isbaħ inbena, sewwa sew, fejn Karol Wojtyła kien jaħdem f’din il-barriera fi żmien tal-ħakma Nażista fil-Polonja.
Dawn il-jiem tal-Ħniena Divina ma kienu faċli xejn. Anzi, esperjenzajt sfidi kbar. Kien hemm waqtiet fejn lill-Mulej Ġesù għedtlu: “Fejn int Mulej?”. Imma hemm kien u kien hu li mexxa kollox ħarir għall-akbar glorja tiegħu. Il-laqgħat li kellna kienu mill-isbaħ. Biss l-aktar li ntlaqatt kienu l-kuntatti li għamilt ma’ xi aħwa li, bħali, tajna ħajjitna lill-Ħniena Divina ta’ Ġesù billi ngħixu l-missjoni li feda f’idejn oħtna u l-qaddisa padruna tagħna Santa Fawstina fl-assoċjazzjoni tal-Faustinum.
Kienu jiem sbieħ ta’ talb, ferħ, festa u anki ġabra, l-aktar fil-waqt tal-Ewkaristija u l-adurazzjoni. Ma ninsa qatt l-adurazzjoni mill-isbaħ li kellna s-Sibt fil-għaxija, nhar il-5 t’Ottubru 2024, fil-festa ta’ Santa Fawstina. Kienet adurazzjoni animata bil-kant mill-isbaħ tal-kor magħmul minn tfajliet. Għal min ra l-Facebook tiegħi rahom u semagħhom. Ma stajtx ma ntellax erba’ clips fuqhom. Kemm ġabuha ħajja l-Ħniena Divina u anki lil Fawstina, is-Segretarja tal-Ħniena Divina. Il-freskezza tal-messaġġ li taha Ġesù biex twassal hi tal-blieħ. X’qawwa kbira għandha dil-freskezza!
Innutajt li fis-Santwarju tal-Ħniena Divina, fejn kienu qed isiru l-laqgħat, kien hemm tmexxina l-grazzja kbira “tal-koperazzjoni mal-Grazzja t’Alla.” Għalkemm kelli mumenti iebsa fejn bkejt fuq li bkejt madankollu l-Mulej ħariġni minn hemm determinat sal-aħħar biex inħallieh jissokta jaħdem fija u bija l-pjan tiegħu tat-tixrid tal-messaġġ tal-ħniena ta’ Ġesù mal-univers kollu. Qatt daqs żminijietna ma għandna bżonn li mmorru lura lejn din il-ħniena li mhux biss issalvana imma wkoll li timlina bil-ferħ u l-paċi minkejja l-problemi li jkollna nħabbtu wiċċna magħhom bħalma kellha tħabbat wiċċha magħhom Santa Fawstina.
Ġirja-tidwira-titjira
Dawn huma l-kliem li se jibqgħu miegħi għal dejjem minn din il-ġirja li kelli. Kienet ġirja l-għaliex qbatt ħames ajruplani, karozzi u pulman biex nasal f’dawn il-postijiet. Ma’ dan kienet ukoll tidwira l-għaliex kelli ndur kull rokna sakemm inkun fil-postijiet kollha. Fuq kollox, kienet ukoll titjira li ħadittni s-sema waqt li għadni ngħix hawn f’din id-dinja.
Għall-grazzja t’Alla għadni ntir sakemm noqgħod ħa nerġa’ intir. Nawguralek li ttir miegħi f’imħabbtek lejn Ġesù, il-Ħniena Divina u fi ħdan Marija Ommok u Ommi. Jalla int u jien issa nibdew immorru għall-quddiesa, għall-qrar, għall-Kurunella tal-Ħniena Divina u għar-Rużarju bil-ġiri! Jalla dawn idawruna dawra sewwa magħna nfusna u lejn u ma’ ħutna l-bnedmin li tant jeħtieġu t-talb u l-imħabba tagħna.
Patri Mario Attard OFM Cap