ĊELEBRAZZJONI TAL-ĠUBLEW TAL-KNEJJES ORJENTALI
LITURĠIJA BIŻANTINA KONĊELEBRATA
MILL-PATRIJARKA MASSIMO V HAKIM
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Bażilika Vatkcana.
Il-Ħadd, 5 ta’ Frar 1984
1. “Ecce quam bonum et quam iucundum habitare fratres in unum”. “Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa, li l-aħwa jgħammru flimkien” (Sal 133, 1).
L-esklamazzjoni tas-salmista hija l-ewwel espressjoni, li tiġini f’ilsieni f’dan il-waqt tal-liturġija biżantina, li issa qegħdin niċċelebraw, fil-kwadru majjestuż ta’ din il-Bażilika Vatikana, il-Beatitudni Tiegħu, il-Patrijarka Grieg melkita kattoliku Massimo V flimkien mal-isqfijiet u l-presbiteri tad-diversi Knejjes kattoliċi ta’ rit biżantin. Lilhom tmur it-tislima kordjali tiegħi, li testendi ruħha wkoll, li tkompli testendi ruħha għall-fidili numerużi preżenti .
Il-multipliċità tal-komponenti etniċi ta’ din il-liturġija sollenni donnha tqarrab lil Ruma lejn Ġerusalem fil-jum ta’ Pentekoste, meta skont d-deskrizzjoni tal-Atti tal-Appostli, “kienu jinsabu f’Ġerusalem bnedmin reliġjużi ta’ kull nazzjon li hemm taħt is-sema” (At 2, 5). Il-ħsieb jerġa jmur lura b’mod spontanju fuq l-espressjonijiet awtorevoli li bihom il-Konċilju Vatikan II, wara li kien fakkar li l-Knisja “ hija komposta minn fidili, li huma magħquda b’mod organiku fl-Ispirtu Santu minn l-istess fidi, mill-istess sagramenti u minn l-istess tmexxija “minkejja d-distribuzzjoni f’diversi Knejjes partikolari ta’ tradizzjoni liturġika differenti, kien issentezzja: “Teżisti bejniethom komunjoni meraviljuża, tant li l-varjetà tal-Knisja mhux talli ma tagħmilx ħsara lill-għaqda tagħha, imma talli turiha” (Orientalium Ecclesiarum, 2). Din l-Ewkaristija, li fiha qegħdin nieħdu sehem flimkien, tikkostitwixxi l-prova elokwenti mill-ġdid ta’ dik l-istqarrija sollenni, minbarra li hi espressjoni tal-istima kbira li l-Knisja kattolika kollha għandha għall-istituzzjonijiet, ir-riti liturġiċi, it-tradizzonijiet ekkleżjastiċi u d-dixxiplina tal-ħajja nisranija tal-Knejjes orjentali, distinti għall-antikità venerabbli (cf. Ivi, 1).
Fl-istess ħin il-liturġija tallum tirrendi iktar ħajja x-xewqa u iktar profonda n-nostalġija ta’ dik l-għaqda perfetta tal-insara kollha, li għaliha reċentement iċċelebrajna, bħal f’kull sena, il-Ġimgħa ta’ talb. L-ilħuq tal-għaqda sħiħa huwa wieħed mid-dmirijiet li l-Konċilju ekumeniku Vatikan II afda b’mod għal kollox speċjali lill-Knejjes orjentali kattoliċi. Infatti, id-digriet konċiljari Orientalium Ecclesiarum jgħid(Ivi, n. 24): “Lill-Knejjes orjentali, li għandhom komunjoni mas-Sedja Apostolika Rumana, imiss l-uffiċċju speċjali li jippromwovi l-għaqda tal-insara kollha, speċjalment orjentali, skont il-prinċipji tad-digriet dwar l-ekumeniżmu mħeġġeġ minn dan il-Konċilju qaddis, l-ewwelnett bit-talb, bl-eżempju ta’ ħajja, il-fedeltà skrupluża lejn it-tradizzjonijiet qodma orjentali, l-għarfien mutwu u l-iktar profond, il-kollaborazzjoni u l-istima fraterna tal-ħwejjeġ u tal-erwieħ”.
Fil-linja ta’ dawn id-direttivi konċiljari, aħna dalgħodu rridu ngħollu lil Alla t-talb tagħna sabiex jitgħaġġlu ż-żminijiet tal-għaqda perfetta, skont ix-xewqa tar-Redentur Divin: “Ut unum sint” (Ġw 17, 11), u hekk nistgħu naslu biex niggustaw il-milja ta’ “kemm huwa sewwa u ħelu li l-aħwa jgħammru flimkien”.
2. Din in-nota ta’ għaqda donnha tindika lil San Pawl, fis-silta mit-tieni Ittra lill-Korintin, ftit ilu mxandra. Huwa jiddisinja l-poplu ta’ Alla bħala “tempju ta’ Alla l-ħaj” u jenfasizza tliet karatteristiċi:
– l-inabitazzjoni ta’ Alla u l-mixja ma’ Alla: “Ngħammar f’nofshom u magħhom nimxi u nkun Alla tagħhom u huma jkunu l-poplu tiegħi” (2 Kor 6, 16);
– Il-firda mir-realtà u mill-impurità: “Oħorġu minn ġo nofshom u nfirdu minnhom, tmissux l-imniġġes”(2 Kor 6, 17);
– l-imħabba paterna ta’Alla u l-imħabba filjali tal-fidili: “U jiena nilqagħkom u nkun għalikom missier, u intom tkunu għalija wlied, subien u bniet” (2 Kor 6, 18).
Fl-eżortazzjoni finali tal-Appostlu jidhru mbagħad f’xhieda singulari l-iskopijiet taċ-ċelebrazzjoni ta’ din is-Sena Ġubilari tar-Redenzjoni. Huwa, infatti, igħid: ‘Meta għandna dawn il-wegħdiet, għeżież tiegħi, ħa nitnaddfu minn kull tinġis tal-ġisem u tar-ruħ, u ntemmu l-qdusija tagħna fil-biżà ta’ Alla” (2 Kor 7, 1).
U x’tesiġi l-Knisja biex tikseb id-don tal-indulġenza tal-Ġublew, jekk mhux il-purifikazzjoni totali tas-sensubiltà u tal-ispirtu, li grazzi lilha l-fidili jistgħu jaslu għal dik il-purifikazzjoni morali li hija aljenazzjoni mid-dnub ukoll dak venjal biss, u hija sinjal ta’ dak it-“twettiq ta’ qdusija”, li għaliha San Pawl iħeġġiġna: “Din hija r-rieda ta’ Alla, il-qdusija tagħkom” (1 Ts 4, 3)?
Huwa konsolanti nafu li l-Knejjes orjentali kattoliċi wrew fervur singulari ta’ inizjattivi għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew, kemm fil-livell ta’ Knejjes lokali, kif ukoll bil-pellegrinaġġi għall-bażiliki u għall-katakombi ta’ din il-belt alma.
Kien għalija kull darba mottiv ta’ ferħ u ta’ kuntentizza ħajja nilqagħakom hawn qrib il-qabar ta’ Pietru. U ċ-ċelebrazzjoni tallum trid tkun il-quċċata mdawla ta’ tali animazzjoni spiritwali, sinjal tal-benevolenza partikulari tiegħi, xewqa ta’ grazzji u doni ċelesti, pleġġ ta’ fervur imġedded fil-fidi, fit-tama u fil-karità.
3. Is-silta tal-Vanġelu propju tal-liturġija tallum, b’kumbinazzjoni singulari, għandha bħala tejatru tal-azzjoni fil-Libanu, l-art bibblika mqaddsa mill-passaġġ tar-Redentur tul il-ħajja terrena tiegħu.
Skont ir-rakkont tal-evanġelista Mattew, “Ġesù, “erħilha lejn il-parti ta’ Tiru u Sidon” u f’dawk l-inħawi fejjaq mill-bogħod it-tifla ta mara Kananina (cf. Mt 15, 21 ss). Il-ħsieb jiġri b’mod spontanju u bi dwejjaq profondi lejn dak in-nazzjon, tant drabi ċċelebrat bħala art inkantevoli tal-Iskrittura Mqaddsa u li minn snin ilu, wara perijodu ta’trankwillità serena u fertili, huwa mmarterizzat minn gwerra ċivili krudila, bħal fiż-żminijiet l-iktar diffiċli tal-istorja tiegħu.
Huwa magħruf ma’ kulħadd kif din is-Sedja Apostolika ma ħalliet xejn li ma għamlitx bl-iskop li ġġib lura l-paċi f’dak il-Pajjiż nobbli u għażiż. Kemm drabi deher li l-paċi kienet se tiġi lura b’mod effettiv, imma sfortunatament, kienu biss waqfiet żgħar, f’konflitt li dejjem jerġà jitqanqal.
Nixtieq intenni l-appell mill-qalb tiegħi għall-paċi tal-Libanu; nixtieq b’ħeġġa nsejjaħ mal-liturġija tallum “żminijiet ta’ paċi” għal-Libanu u nestendi s-sejħa tiegħi tal-paċi “li tiġi minn l-għoli” għal dawk l-artijiet l-oħra mħarbta mill-gwerra jew mirfusa mill- persekuzzjoni reliġjuża.Hija l-karità ta’ Kristu li timbuttana (2 Kor 5, 14), u l-istess San Pawl iwissi: “Non enim dissensionis Deus, sed pacis” (1 Kor 14, 33).
L-isfond tal-Libanu jakkumpanjana fil-kumment tas-silta evanġelika li għandha bħala protagonista mara umli ta’ dik l-art, oġġett tal-ħniena bla tarf tal-Mulej, u l-qalb tinfetaħ għat-tama. Dak li l-iktar jolqot fl-imġieba tal-mara huwa l-fidi. Fidi tallaba u li tqanqal. San Mattew jgħid: “Hekk hu, mara Kananina bdiet tgħajjat: “Ikollok ħniena minni, Mulej, bin David. Binti hija tturmentatha b’mod krudil minn demonju””.
Fidi perseveranti. Difatti, minkejja r-rifjut motivat mill-Mulej, :inxteħtet quddiemu tgħidlu: “Mulej, għinni””.
Fidi għaqlija. Ġesù wara li osservaha: “Mhux sewwa li tieħu l-ħobż tal-ulied biex ittih lill-ġriewi (f’kelma waħda lil dawk li ma humiex parti mill-poplu magħżul)”. Hija minnufih argumentat: “Huwa minnu, Mulej, imma l-ġriewi wkoll jieklu l-frak li jaqgħu mill-mejda ta’ sidinhom”.
U hekk għandna fidi rebbieħa, “Ġesù weġibha: “Mara, tassew kbira hija l-fidi tiegħek! Ikunlek dak li tixtieq”. U minn fak il-waqt bintha fieqet”.
Jekk fil-mara Kananina nsibu “fides firma” akkumpanjata minn “spes invicta”, fil-Mulej insibu il-“caritas effusa”, u naraw kemm ir-Redentur huwa “dives in misericordia”, kif ridt nenfasizza, għall-konfort ta’ kulħadd fl-enċiklika bl-istess isem. Il-liturġija biżantina li qegħdin niċċelebraw, għandha terminu korrispondenti li ma jistax ma jimpressjonax. Infatti, issejjaħ lil Ġesù “filantropu”, jew aħjar “mimli mħabba għall-bniedem”. Oh, li kieku l-bnedmin jafu jifhmu din il-“filantropija” ta’ Kristu u lejh iduru b’kunfidenza sħiħa, waqt li jiftħulu l-qalb għas-smigħ ta’ Kelmtu! L-istorja tad-dinja iddur għal toroq aħjar minn dawk li tinsab fihom bħalissa, u f’bosta qlub terġà lura tiffjorixxi t-tama.
L-episodju evanġeliku għandu wkoll valur eżemplari, ladarba jħabbar bil-quddiem d-dimensjoni universali tas-salvazzjoni, Fid-dawl tat-tagħlim fundamentali li dan joffrilna, irrid intenni dak li kelli xi ngħid fil-Bolla Aperite portas Redemptori biex nindika waħda mill-finalitajiet primarji tal-indizzjoni tas-Sena Ġubilari (Ioannis Pauli PP. II, Aperite Portas Redemptori, n. 11a): “. . . sabiex l-ġrajja tar-Redenzjoni tistà tkun imħabbra lill-popli kollha u sabiex f’kull nazzjon il-kredenti fi Kristu Redentur ikunu jistgħu jipprofessaw b’mod liberu l-fidi tagħom”. Jalla ċ-ċelebrazzjoni tas Sena Ġubilari sservi biex tikseb għal dawk li huma mċaħħda mill-wirja ħielsa tal-fidi tagħhom kostanza interna f’nofs id-diffikultajiet, karità ġeneruża lejn l-oppożituri, fiduċja indomabbli fit-trijonf finali ta’ Kristu.
4. U issa, waqt li nerġgħu naqbdu ċ-ċelebrazzjoni tal-liturġija divina, b’aċċettazzjoni tal-istedina tal-innu kerubiku: “inwarrbu kull preokkupazzjoni mondana, sabiex inkunu nistgħu nilqgħu lis-Sultan tal-univers skurtat b’mod inviżibbli mill-ġemgħat anġeliċi”.
U bl-istess liturġija ngħollu l-innu: “Dignum est te laudare” lit- “Theotokos”, dejjem Omm Verġni ta’ Alla, “iktar onorabbli mill-kerubini u b’mod inkomparabbli iktar glorjuża mis-serafini”.
Lilha ntennu bi mġieba filja:
“Protettriċi tal-insara, dejjem mismugħa, int li tinterċedi kontinwament quddiem il-Ħallieq, la tinsiex il-leħen supplikanti ta’ msejkna midimbin, imma int, li inti twajba, idħol fis għinna.
Għaġġel interċedi għalina, kun lesta biex minnufih titlob għalina, o Omm Alla, li dejjem tgħasses fuq dawk li jonorawk”.
Waqt li fl-għaqda tal-fidi u tal-komunjoni tal-Ispirtu Santu nirrakkomandawkom b’mod ta’ bdil lil Kristu Alla, nistqarru:
“Ladarba int Alla twajjeb u mimli mħabba għall-bniedem, u aħna nagħtuk glorja, Missier, Iben u Spirtu Santu, issa u dejjem, u għal dejjem ta’ dejjem. Amen”.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb