Dan l-aħħar, waqt li qed inkun ftit għall-kwiet wara ħafna xogħol ‘l hemm u l’hawn, spiss qed nisma’ melodija mill-isbaħ. Melodija li, waqt diskursata li kelli dan l-aħħar ma’ xi ħadd, ma stajtx ma nfissirhiex bħala x-“xampanja tal-mużika”. Din ix-xampanja mużikali-strumentali fuq il-pjanu jisimha “Song for Guy”, li l-kantawtur Ingliż tagħha hu l-bravu Elton John.
Nistħajlek bir-raġun kollu tistaqsini: “Għaliex laqqamt dil-biċċa mużika ‘xampanja’?” Ir-raġuni hi l-għaliex kull darba li l-Mulej jagħtini l-grazzja li nismagħha donni nħoss dak it-tfexfix li taf tagħmel ix-xampanja. Kemm, fil-fatt, dil-biċċa mużikali iseħħilha ittellagħli ragħwa f’moħħi u f’qalbi. Ġieli, meta nsemmu l-kelma “ragħwa”, donnu moħħna mill-ewwel imur f’xi ħaġa li ttir mar-riħ. Xi ħaġa tal-mument u daqshekk. Madankollu mhux din hi l-esperjenza tiegħi meta nisma’ din id-daqqa fuq il-pjanu ta’ dan l-artist li jisraq tant qlub kull darba li d-diski tiegħu jindaqqu.
F’hiex tfakkarni?
Nitbissem meta qed nara din il-mistoqsija fuq il-karta quddiemi. Dan qed ngħidu l-għaliex issa infetħet quddiemi lista sħiħa ta’ tweġibiet. Illum ngħid li huma ħafna t-tifkiriet li huma marbuta ma’ din id-daqqa strumentali-sentimentali bil-pjanu.
Meta kont aspirant tal-MUSEUM niftakar din il-kanzunetta sewwa, l-aktar meta kien ikollna l-eżerċizzi fl-iskola Saint Michael. Kif nista’ ninsa l-eżerċizzji tar-Randan tas-sena 1985 sal-1987? Għadni niftakar li konna niltaqgħu fis-sala l-kbira tal-pultruni l-ħomor, fl-iskola Saint Michael. Fis-sala kien hemm sett ta’ speakers li, għal dawk iż-żminijiet, kienu tassew tajbin u ċarissmi. Minnhom kont tisma’ sal-iċken ħoss.
Imbagħad kien ikun hemm il-magħruf casette TDK li fih kien ikun hemm irrekordjata din il-ġmiel ta’ kanzunetta. Meta kont ninzertaha qabel l-eżerċizzji, fejn kienet isservi bħala ambjentazzjoni għal dak li konna se nkunu qed nisimgħu, lili tassew kienet tagħtini kuraġġ ta’ sur. Donnu din il-kanzunetta, li ġiet varata minn Elton John fl-1978 u kienet tinsab fl-aħħar track fl-Album tiegħu li kien ħareġ għal dik is-sena “A Single Man”, kellha xi ħaġa speċjali li lili donnha aktar sammrittni magħha biex nismagħha u napprezzaha.
L-ispirtu ta’ Song for Guy
Biex nipprova infisser l-ispirtu ta’ Song for Guy, jekk qatt tassew nista’ infissru, nixtieq immur għal dak li kiteb Elton John stess fil-magazine Amerikan dwar il-mużika u l-entertainment “Billboard” u li għadu jiġi ippubblikat minn Penske Media Corporation. Elton John jgħid hekk:
“Meta kont qed nitkteb din il-kanzunetta Ħadd minnhom, immaġinajt lili nnifsi qiegħed fil-wiċċ ta’ l-ispazzju filwaqt li nħares ‘l isfel lejn ġismi. Kont qed nimmaġina lili nnifsi qed immut. Tant kemm kont ossessjonat minn dawn il-ħsibijiet ta’ niket li ktibt din il-kanzunetta dwar il-mewt. Il-jum ta’ wara qaluli li Guy [Burchett], il-messaġġier tagħna ta’ 17 ‘il sena, safa maqtul traġikament il-jum ta’ qabel. Guy miet fil-jum li ktibt din il-kanzunetta”.
Meta qrajt din l-istqarrija ta’ Elton John ma kellix aktar kliem xi ngħid. Bqajt imbellaħ għall-aħħar. Donnu dan il-kantawtur kbir ħass li xi ħadd għażiż għalih kien għadu kemm ħalla dan il-Wied tad-Dmugħ. U kien hawn li ħass li kellu jiċċellebra ħajtu b’din il-biċċa mużika sabiħa issemmix.
Fil-mewt hemm il-ħajja
L-esperjenza tiegħi fl-isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, il-ħin kollu qed tfakkarni f’dan l-artiklu tal-kredu tal-ħajja tagħna l-bnedmin. Iwa, fil-mewt hemm il-ħajja!
Aktar mal-Mulej ilaqqagħni ma’ esperjenzi ta’ qsim il-qalb fl-isptar u barra minnu, aktar qed nifhem il-qawwa ta’ dak li qed jagħtini l-grazzja li naqsam magħkom illum. Imma l-għaliex fil-mewt hemm il-ħajja? Għax fil-mewt, meta ilkoll se ngħaddu minn dik il-fażi tal-videogame ta’ ħajjitna fuq din l-art fejn se titla’ fuq l-iscreen ta’ moħħna u ta’ qalbna l-frażi “Game over”, aħna naraw is-sbuħija tal-ħajja. Iċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo lili għallimni l-ġmiel tar-relazzjonijiet. Kemm hu sabiħ li niltaqgħu flimkien, li nitħaddtu flimkien, nisimgħu lil xulxin u, għaliex le, li nieklu u nixorbu xi ħaġa tajba flimkien.
Wara kollox, fil-quddiesa, mhux dan id-dinamiżmu hemm? F’kelma waħda li l-Mulej ikellimna bil-qari tal-Bibbja u aħna nisimgħuh? U mbagħad, misjuqin mill-imħabba lejh, inkellmuh billi nfaħħruh għal dak kollu li jagħmel magħna? U wara, meta qalbna tibqa’ tinfetaħ tinfetaħ għaliex għax nibdew nafdawh, intarrfulu x’għandna bżonn ħalli jgħinna? Imbagħad, fil-milja ta’ kollox, dan Alla ma jagħtinihiex ukoll lilu nnifsu fil-Ġisem u fid-Demm ta’ Ibnu u Ħuna Ġesù Kristu? Tista’ teżiżti relazzjoni isbaħ u ferm qawwija aktar minn din f’ħajjitna? Żgur li le! Mela, jekk din hi l-aqwa relazzjoni li tista’ teżiżti għalina għalfejn ma mmorrux għall-quddiesa?
Tgħidlix għax dak il-patri jew dak il-qassis aqta’ kemm jeqred għax ma nemmnikx. Lanqas għax joqgħod jirrakkonta x’għamel Ġesù elfejn sena ilu għax lanqas hawn ma nemmnek. Il-quddiesa mhux il-qassis u l-patri jagħmilha imma aħna bħala komunità li qed niltaqgħu ma’ dak Alla li lilna jfejjaqna bir-relazzjoni tiegħu magħna.
Mela, int li xbajt taqla’ fuq li taqla’ fuq rasek fir-relazzjonijiet, li ħsibt li r-relazzjonijiet tiegħek ma’ tal-familja jew m’oħrajn ta’ mħabba jistgħu jkunu aħjar mir-relazzjonijiet li suppost għandu jkollok ma’ Alla li ħalqek u fdiek, issa hu ċ-ċans li terġa’ lura għandu. Li tibda’ titolbu u tmur għall-quddies. Serraħ rasek darba għal dejjem, iprem minn imħabbtu mhux ħa ssib! Għax Hu jħobbok kif int u aqta’ kemm jieħu paċenzja bik meta bħali jkollok il-mumenti fejn tkun diżażtru u ma jista’ jissapportik ħadd.
Sieħbi, ibda mur għall-quddiesa, isma’ il-Kelma t’Alla, ara jolqtokx imqar b’xi kelma fl-omelija u, fuq kollox, wara li tirċevieh fl-Ewkaristija oqgħod fil-kwiet isimgħu. Imbagħad, wara dan kollu, meta tarani ejja xi mkien u kellimni fuq dak li tkun ġarrabt. Fejn jidħol Alla Missierna ma jidħol ħadd, l-ebda baby, love, dude, ġenituri, aħwa, ulied u għid li trid. Il-paċi li jista’ jagħtik hu meta titfa’ rasek fuq dik l-imħadda qabel torqod ma jista’ jagħtihielek u lanqas jiggaranthielek ħadd. Alla l-ewwel u qabel kollox!
Song for Guy u t-talb
U wara dik il-battikata li tieħu ma’ min tħobb għax tridlu l-ġid, nissuġġerilek xi ħaġa sabiħa dwar kif tirrelata mal-kanzunetta Song for Guy. Ibda’ użaha meta titlob. Hawn min joqgħodlok fil-bitħa żgħira li għandu d-dar, imdawwar b’dak id-dawl tal-bozoz ċkejknin, u, fil-għaxija, x’ħin kulħadd imur jorqod fis-skiet, jixgħel naqra l-YOU TUBE u joqgħod jisma’ din il-kanzunetta fis-skiet u jieħu gost iħalli lill-Mulej ikellmu.
Int ġieli għamiltha din l-esperjenza? Tgħidli: Jien m’għandix bitħa. Mhux problema sieħbi. Illum tant nużaw headphones u niġru bihom ‘l hawn u ‘l hemm? Ilbes par minnhom, sibha fuq YOU TUBE billi tikteb Song for Guy u oqgħod għall-kwiet. F’dan il-kwiet, u msieħeb minn dik il-mużika mill-isbaħ, ħalli lill-Mulej ikellmek kif jaf hu.
Min jaf? Forsi jgħidlek xi ħaġa f’qalbek? Jew anki jfakkrek f’xi ħadd? Jista’ ikun tħoss paċi u trankwillità li min jaf kemm ilek tixtieqhom? Hu x’inhu l-każ tinkwetax. Ħalli dak li tkun għaddej minnu f’dak il-waqt ikellmek u jfarrġek. Song for Guy hi biss biċċa għodda f’idejn Missierek tas-Sema biex biha jkellmek u jfakkrek li l-aqwa ħaġa li għandek f’ħajtek mhijiex ix-xi ħaġa tal-flus u l-opportunitajiet li tagħmel dak li trid u li jogħġbok imma xi ħadd, anzi, ix-XI ĦADD, li huwa hu, Alla Missierek tas-Sema.
Għandek messaġġ
Illum fuq il-mobile ta’ ruħek irċevejt messaġġ. “Doqqha Song for Guy ta’ spiss”. Dal-messaġġ tista’ tiftħu, tħallih fl-Inbox, inkella tħassru. Imma ntbagħtlek. Issa … f’idejk… Song for Guy …
Patri Mario Attard OFM Cap