Omelija tat-33 Ħadd matul is-Sena B

MEWT, ĠUDIZZJU, ĠENNA U NFERN…ĠIELI NIFTAKRU FIHOM?

Minn Fr Michael A. Galea.

Ġo parroċċa ġewwa Ruma, Pietro, anzjan ta’ xi tmenin sena kien wasal fl-aħħar nifs. Kienu qegħdin jassistuh martu Maria, uliedu u kien hemm ukoll il-kappillan tal-parroċċa. Pietro ma tantx tawwal…Ħa ftit nifsijiet qosra u radd ruħu. Ilkoll infaqgħu jibku, imma Maria, mara reliġjuża ħafna, ixxuttat id-dmugħ minn għajnejha u qaltilhom: “Ejjew nirreċitaw ftit talb għal ruħu għax bħalissa l-papa’ qed jagħmel il-kontijiet ma’ Alla.”

Is-sena liturġika tal-Knisja waslet biex tispiċċa: illum ninsabu fit-tlieta u t-tletin ħadd matul is-sena u l-Ħadd li ġej niċċelebraw is-Solennita’ ta’ Sidna Ġesu’ Kristu, Sultan tal-Ħolqien kollu biex imbagħad nibdew sena liturġika ġdida. Dan it-tmiem ta’ sena lituġika huwa opportunita’ għall-Knisja biex tfakkarna fin-novissmi li huma erbgħa: mewt, ġudizzju, ġenna u infern.

Ħa nibdew bil-mewt. Kull min twieled irid imut. Għad jisbaħ jum li għalija jkun l-aħħar wieħed. Għad jisbaħ jum li għalik ikun l-aħħar wieħed. Il-mewt hija esperjenza qarsa li jrid iduqha kulħadd. Ninsabu fix-xahar ta’ Novembru u ħafna minna nżuru ċ-ċimiterji tagħna: monumenti tal-irħam imżejna bil-ward u b’fanali mixgħula jgħattu l-fdalijiet tal-għeżież tagħna. Il-mewt ma taħfirha lil ħadd: imut il-fqir u jmut is-sinjur; imut bniedem sempliċi, ma jafu ħadd, u jmut ukoll il-bniedem magħruf, importanti; imut l-anzjan u jmutu dak jew dik għadhom żgħar fl-eta’. Ħa ngħidilkom xi ħaġa li qalet jew kitbet ir-Reġina ta’ Napli, Marija Kristina ta’ Savoja; kienet mara żagħżugħa, sabiħa u taf tirrifletti. Darba kitbet dawn is-sentenzi qosra imma ta’ fejda. “Jien mara f’saħħti, sinjura u sabiħa…U mbagħad? Jien għandi ħafna ġid, fidda u deheb…U mbagħad? Jien intelliġenti, għarfa u brava…U mbagħad? Li kieku kelli nibqa’ ngawdi dan kollu għal elf sena…U mbagħad? Imbagħad immut u nħalli kollox warajja…Mela ngħid lili nnifsi: Marija Kristina, aqdi lil Alla tiegħek u mbagħad terġa’ ssib wisq iżjed milli tkun ħallejt!” Għalina li nemmnu f’Ġesu’, il-mewt mhix ta’ min jibża’ minnha. San Franġisk kien isejħilha “oħti l-mewt”.

Niġu għall-ġudizzju partikulari. Hekk kif Pietro radd ruħu, martu Maria qalet lil uliedha: “Ejjew nirreċitaw ftit tat-talb għall-papa’ għax bħalissa qed jagħmel il-kontijiet ma’ Alla.” (fi kliem ieħor, Alla qed jiġġudikah) Hemm ħwejjeġ li kellu jagħmilhom u m’għamilhomx u hemm ħwejjeġ ma kellux jagħmilhom u għamilhom. Ilkoll kemm aħna għandna d-difetti tagħna. Darba mort inżur wieħed saċerdot anzjan u qalli: “Miniex xi saċerdot skrupluż imma meta nħalli din id-dinja min jaf kemm għad insib ħwejjeġ li Alla għad irid jiġġudikani fuqhom!”

Ħa nkompli nitkellem dwar il-ġudizzju partikulari billi nagħmel referenza qasira għall-vanġelu li għadni kemm qrajtilkom…Jgħidilna Ġesu’: “Tgħallmu mis-siġra tat-tin. Meta l-fergħa tagħha tirtab u tarmi l-weraq, intom tintebħu li s-sajf hu fil-qrib. Hekk ukoll meta taraw dan jiġri, kunu  afu li l-miġja tal-Mulej hi fil-qrib, kunu afu li l-miġja tal-Mulej hi fil-bieb”. Jien ngħid nistgħu nindunaw u nistgħu ma nindunawx, għax il-miġja ta’ Ġesu’ tista’ tiġi fuqna wara xi marda twiela, inkunu mimlijin bil-għomor, jew għall-għarrieda. Hekk tgħallimna l-esperjenza.

Kienu ħafna għeżież għal San Ġorġ Preca l-kelmiet “Verbum Dei Caro factum est.” (bil-Malti l-Iben t’Alla sar bniedem jew aħjar sar laħam) L-ewwel darba li Dun Ġorġ uża dan il-kliem mill-vanġelu ta’ San Ġwann kien fil-mewt ta’ missieru li ġrat fil-5 ta’ Diċembru 1917. Dun Ġorġ kien qabad karta, kiteb fuqha din is-sentenza u poġġiha fuq sider missieru li kien agunija. Wara li miet, missieru deherlu u qallu: “Ġorġ, nirringrazzjak ta’ dik il-Verbum Dei li għamiltli fuq sidri għax minħabba fiha kelli ġudizzju ħelu wisq.”

Wara l-ġudizzju partikulari ssir l-għażla…Jekk il-bniedem ikun għex ħajja tajba jieħu l-premju tal-ġenna. Imma jekk allaħares ikun għex ħajja ħażina ma neskludix għalih id-dannazzjoni għal dejjem fl-infern. Daqs kemm hu ħanin, Alla tagħna huwa ġust ukoll.

Il-ġenna u l-infern. Żgur tiftakruha l-parabbola tar-raġel għani u ta’ wieħed fqir jismu Lazzru. L-hena tar-raġel għani (jilbes il-porpja u għażel mill-ifjen) kien li ta’ kuljum jagħmel ikla mill-aħjar. Mill-banda l-oħra, wieħed fqir jismu Lazzru li kellu ġismu ġerħa waħda kien imur jinxteħet ħdejn il-bieb tal-għani bix-xewqa li jixba’ b’dak li jaqa’ mill-mejda tal-għani. Lazzru spiċċa fi ħdan Abraham u l-għani  (m’għandux isem, forsi għax egoist u ma jimpurtah minn ħadd) jispiċċa fi tbatijiet l-aktar ħorox. Propjament, dil-parabbola Ġesu’ irrakkuntaha biex jikkundanna l-inġustizzja soċjali ta’ żmienu u forsi wkoll ta’ żmienna. L-idjoma Maltija tgħidlek: “Min mejjet fis-sakra u min mejjet għall-qatra”, imma nistgħu nużawha wkoll għall-istat ta’ ferħ li jmiss lil min imur il-ġenna u għall-istat ta’ dannazzjoni li jmiss għal min imur l-infern! Xi ħadd qal: “Il-ġenna tibda minn hawn u l-infern jibda minn hawn ukoll! Skont kif qed tgħix!”

Nispiċċa. Nafu li għandna mmutu u li għad inkunu iġġudikati. Ejjew nagħmlu ħilitna biex minn din id-dinja nimmiraw u naħdmu għall-ġenna.

BIEX TITLOB INT LI QED TAQRA JEW LI SE TWASSAL DIN L-OMELIJA.

A very practical way to see how we stand in relation to God and to the things of this world, is for each one to ask himself today: “How would I fare if I were called to render an account of stewardship tonight?” This is the practical question that God…is asking us to put to ourselves. If, to our dismay, we find there are several things which have to be put right before facing our judge we will start right away to put them right. We may get another chance, another warning, and we may not…

Fr. Kevin O’Sullivan, O.F.M.

One thought on “Omelija tat-33 Ħadd matul is-Sena B”

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading