L-ewwel kelmiet li jiġuni f’moħħi u f’qalbi kull darba li l-Mulej ifakkarni fik, għażiż ħija Francesco, huma l-kelmiet li Ġesù jgħidilna fil-vanġelu skont San Mattew meta jgħidilna: Nfaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok (Mt 11:25-26).
Iwa, il-Mulej Ġesù ifaħħar lill-persuna umli, li jagħtux importanza eżeġarata fuqhom infushom. Iwa, Ġesù qed ifaħħar lil dawk li ma jaħsbux li d-dinja qed iddur madwarhom jew inkella saħansitra jaħsbu li mingħajrhom id-dinja ma tgħaddix. Għax il-Mulej Ġesù, għażiż Francesco, jaf li s-supperv jitmermer mis-suppervja tiegħu stess filwaqt li l-umli jissaħħaħ bl-umiltà li hemm fih u li toħroġ fuq ħaddieħor bħal xmara ta’ ilma frisk u ħaj.
Għalhekk, u fil-qjies ta’ dan kollu, għażiż ħija Francesco, kemm tassew narak li kont żgħażugħ umli. U, kont umli, għax ma kontx iffissat fuqek innifsek imma moħħok kien kif se tferraħ lill-oħrajn. Francesco, għax daqshekk umli int stajt tara lill-Mulej Ġesù jaħdem f’ħajtek. Għax lil Ġesù bqajt tisimgħu f’kull ġrajja ta’ ħajtek stajt tagħmel mixja mixjun ta’ fidi li saħansitra wasslitek biex tħejji lilek nnifsek għal dan il-waqt tant sabiħ fejn issa ltqajt mal-Ħallieq u l-Feddej tiegħek ħalli miegħu tgħix għal dejjem.
Francesco, żgħażugħ umli, int, bil-mod il-mod, ħallejt l-Ispirtu s-Santu jgħallmek li l-għan tal-ħajja mhux li tkun ferħan imma li tħobb. Int bqajt ferħan anki meta weġġgħuk. Xorta waħda bqajt tiftaħ qalbek għal min weġġagħhielek b’tali mod li illum dawn l-istess persuni lilek iħobbuk u jgħożżuk. F’dan kollu, għażiż Francesco, kemm narak li int għext dak li jgħidilna Missierna San Franġisk, li għalih int imsemmi, fl-Għanja tal-Ħolqien: Ħa jberkuk, Muiej, dawk Ii jaħfru ghall-imħabba tiegħek u jġorru mard u tbatija. Imbierek minn jerfaghhom fis-sliem ghax int tagħtih iI-kuruna. Int, iż-żgħażugħli ħfirt u ħfirt minn qalbek, bqajt ferħan u serħan anki fuq is-salib tiegħi tal-mard u tat-tbatija.
Mhux ta’ b’xejn li l-Mulej Ġesù ippermetta li fil-Festa ta’ Missierna San Franġisk meta rċieva l-Pjagi, nhar is-17 ta’ Settembru, fit-tmien ċentinarju ta’ din il-ġrajja storika, int ittir mid-dinja u tmur għandu, fid-Dar tiegħu tas-sema. Dan seħħ b’kumbinazzjoni? Żgur li le! Bħal San Franġisk int għext l-ispirtu tiegħu, li tibqa’ tħobb anki jekk miġrugħ bil-mard u bil-ġerħat tal-qalb. Francesco, int bqajt tmur għand l-oħrajn, bqajt tmur għand min weġġgħek. Int bqajt tħobb u taħfer bħal Ġesù li tant ħabbejt.
Fis-sempliċità tiegħek ta’ żgħażugħ int għext fedelment li għex dak li jgħallimna San Pawl, fl-Ittra tiegħu lir-Rumani, meta jiktbilna: Troddu lil ħadd deni b’deni. Ħa jkun ħsiebkom filli tagħmlu t-tajjeb quddiem il-bnedmin kollha. Jekk jista’ jkun, sakemm ikun ġej minnkom, għixu fil-paċi ma’ kulħadd. Tivvendikawx ruħkom b’idejkom, għeżież tiegħi, imma ħallu l-korla ta’ Alla tagħmel hi, għax hemm miktub: “Għalija l-vendetta, jiena nħallas, jgħid il-Mulej.” Jekk l-għadu tiegħek bil-ġuħ, itimgħu; jekk hu bil-għatx, isqih. Jekk tagħmel hekk tkun qiegħed tiġma’ ġamar jaqbad fuq rasu. Tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen bit-tajjeb (Rum 12:17-21).
Ismek ifakkarni wkoll f’dak ta’ Francesco Forgione, magħruf bħala Patri Piju tal-Pjagi, li l-festa tiegħu iċċelebrajnieha nhar it-Tnejn 23 ta’ Settembru 2024. Francesco Forgione jgħidilna hekk: It-talb hu l-aqwa arma li għandna. It-talb hu ċ-ċavetta għall-qalb ta’ Alla. Int għandek tkellem lil Ġesù mhux biss b’fommok imma wkoll b’qalbek. Fil-fatt, f’ċerti okkażjonijiet, int għandek titkellem miegħu biss b’qalbek.
Mhux din ix-xhieda sabiħa li int tajtna, aktar u aktar fl-aħħar jiem ta’ ħajtek hawn fostna? Kemm tkellimt ma’ Ġesù! Tiftakar kemm lili stess għajjattli biex nitlob miegħek f’kamartek. U kemm tlabt mal-għażiża ommok, missierek u oħtok Marija! Kemm għadha tidwi f’qalbi l-istedina tiegħek għalija: Ejja Patri. Għid talb miegħi. U x’kienet l-aħħar kelma li għedt lill-għażiż ommok Dorianne? Mà, ir-Rużarju. Kemm f’din it-talba safja u ħierġa minn qalbek biex titlob ir-Rużarju nara, għażiż Francesco, l-istess talba li ħabiba kbira kbira ta’ San Franġisk, Santa Teresa minn Calcutta, għamlet lil Ommna Marija meta kienet titlobha waqt il-mument tal-bżonn u tat-tiġrib: Marija, Omm Ġesù, jekk jogħġbok kun ommi issa.
Fil-ħajja qasira imma sabiħa tiegħek, ta’ ħmistax-il sena, nara, għażiż Francesco, il-ħajja tal-Beatu Carlo Acutis li bħalek daħal fl-eternità tal-istess età. Int għext l-istedina li l-Beatu Carlo għamel lilna lkoll: Int ġejt imwielda oriġinali. Tgħixx ta’ fotokopja. Għażiż f’dan kollu int għext l-oriġinalità tiegħek għax imxejt wara l-Oriġinali, il-Mulej Ġesù, li tant ħabbejt. Lilu ħallejtu jieħdok għand in-nies fil-bżonn, lilu ħallejtu jiftaħlek qalbek għall-imwarrbin bħal dawk it-tfal tal-iskola li ma kienx ikollhom x’jieklu u int kont tagħtihom mill-ikel tiegħek. Ġesù għamlek oriġinali l-għaliex ħallejtu jagħtik il-ħolma tiegħu stess, dik li jgħaqqdek għal dejjem miegħu fl-eternità. Hemm għandek x’tagħmel fuq li tagħmel għax bit-talb tiegħek aqta’ kemm se tressaqlu nies lejn il-qalb tiegħu!
Francesco, issa se nieqaf għax naħseb li ħadtlek rasek. Biss se ngħidlek l-aħħar kelma: ħu ħsieb l-għeżież ommok Dorianne, missierek Luke u l’oħtok Maria. Ħu ħsieb lilna wkoll. Aħna se ngħixu dan il-wirt sabiħ tiegħek ta’ maħfra u ħniena lejn il-proxxmu, ta’ mħabba lejn Ġesù u Marija fuq il-passi ta’ Missierna San Franġisk. Francesco, berikna! Francì, INĦOBBUK!
Insellimlek Fra Francesco!
Patri Mario Attard OFM Cap