Niċċelebraw l-Ewkaristija bil-Kant u l-Mużika (3)… u aktar Mirakli Ewkaristiċi

minn Manwel Cutajar

Il-kant ilu parti mil-liturġija Nisranija sa mill-ewwel żminijiet tal-Knisja Kattolika. Is-Salmodija tal-qima Lhudija tal-qedem influwenzat u kkontribwiet b’mod sinifikanti għar-ritwali u l-kant Kristjan bikri.

Il-Kant Gregorjan

Il-Knisja tirrikonoxxi l-kant Gregorjan bħala adattat b’mod speċjali għal-liturġija Rumana: għalhekk, bl-istess mod, għandu jingħata l-ewwel post fis-servizzi liturġiċi…” (Dokument tal-Konċilju Vatikan II, Sacrosanctum Concilium, par.116)

Mill-Istorja u t-tradizzjoni:

F’nofs l-ewwel seklu, San Pawl mar Ruma u ħa miegħu melodiji ta’ oriġini Ebrajka li kien jaf mis-sinagoga u li bil-mod il-mod ġew adattati għar-reliġjon il-ġdida.

F’dan il-wirt tokkupa post importanti d-drawwa tal-kant tas-Salmi. It-tradizzjoni tal-kant tal-Iskrittura, prattika magħrufa bħala Il-kantilazzjoni li hi l-kant ritwali tat-talb  u li spiss tirreferi speċifikament għall-kantilazzjoni Ebrajka, bdiet mill-anqas 1,000 sena qabel it-twelid ta’ Kristu. Diversi kotba tat-Testment il-Qadim, speċjalment is-Salmi u l-Kronaki, jixhdu l-funzjoni ċentrali tal-mużika fil-qima tat-Tempju. Xi melodiji Gregorjani li għadhom qed jintużaw huma notevolment qrib il-melodiji tas-sinagoga Ebrajka, l-aktar it-“Tonus Peregrinus” użat għas-Salm 113: Meta ħareġ Isreal millEġittu…” Billi s-Salterju ta’ David kien magħmul għall-għan proprju tal-qima divina u kien meqjus bħala l-ktieb Messjaniku per eċċellenza, insibu lil San Pietru, San Pawlu u l-Missirijiet Appostoliċi jsemmuh ħafna drabi fil-predikazzjoni tagħhom.

Ħafna siltiet mill-Ittri ta’ Pawlu daħlu fil-liturġija Kattolika u kienu kantati fuq melodiji Gregorjani fi żmien medjevali.

L-ewwel Kristjani għażlu s-Salterju bħall-“ktieb tat-talb” tagħhom. Għalhekk il-liturġija Nisranija, fil-parti l-kbira tagħha, ħarġet mis-Salterju bikliku.

Is-Salterju huwa l-“inċens verbali” tat-talb u t-tifħir tagħna lil Alla.

Ir-riti Kristjani bikrin inkorporaw ukoll elementi tal-qima Lhudija li baqgħu ħajjin fit-tradizzjoni tal-kant nisrani aktar tard. Hekk pereżempju l-akklamazzjonijiet “Ammen” u “Hallelujah” ġejjin mill-Ebrajk, l-istess it-tliet akklamazzjonijiet “Qaddis, Qaddis, Qaddis…” ġejjin mill-Ebrajk ”kadosh, kadosh, kadosh” tal-Kedushah li hu l-isem ta’ bosta talb li jingħad waqt il-qima u talb Lhud. Kedushah (Lhud:קדושה), li tfisser “qdusija” huwa kunċett ċentrali fil-ħsieb Lhudi, li jirrappreżenta l-idea ta’ qima u dedikazzjoni lil Alla.

Il-Kant Gregorjan huwa msemmi għal San Girgor l-Kbir, li matul il-Papat tiegħu (590–604) inġabar u ġie kkodifikat. Dal-Papa seta’ ikkompona xi melodiji,għax kien iħobb ħafna l-mużika, iżda l-kompitu ewlieni tiegħu kien li jirriforma u jipperfezzjona l-kant li diġà kienu jeżistu, li jagħżel u jordna l-biċċiet mużikali,u kull wieħed jagħtihom posthom fiċ-ċiklu liturġiku. Huwa waqqaf ukoll l-iSchola Cantorum, bil-ħsieb li jħarreġ aktar nies f’dan l-istil ta’ mużika sagra sabiex ikomplu jxerrdu l-għarfien ta’ dit-tip ta’ kant u mużika għal reġjuni oħra tal-Kristjaneżmu medjevali.

Il-Mirakli Ewkaristiċi ta’ San Norbertu ta’ Xanten, Ġermanja (1080–1134)

Imwieled madwar is-sena 1080 f’Xanten, belt fl-istat ta’ Rhine-Westphalia, fil-Ġermanja.

Norbertu, kien jappartieni għal familja ta’ grad għoli b’rabtiet mal-qorti Imperjali.

Kien jaqdi lill-Imperatur Ġermaniż Enriku V, f’pożizzjoni li kienet tinvolvi t-tqassim ta’ għajnuniet lill-foqra. Madankollu, Norbertu ma wera l-ebda ħeġġa partikolari f’din il-ħidma soċjali u għex ħajja pjuttost laxk, pjaċevoli u lussuża.

Fis-sena 1115 waqt li kien riekeb fuq iż-żiemel  Norbertu inqabad f’maltemp u kważi nqatel minn sajjetta. Huwa waqa’ minn fuq iż-żiemel,u baqa’ mitluf minn sensih. Qam siegħa wara, Norbertu ħass il-vojt ta’ ħajtu jixgħel quddiem għajnejh. Norbertu qal, “Mulej, x’tista’ nagħmel?” It-tweġiba li sema’ kienet: “ Ħalli l-ħażen u agħmel it-tajjeb; fittex il-paċi, u segwiha” (Salm 34:14). Ġrajja u Missjoni li tixbaħ ħafna lil dik li għadda minnha San Pawl fit-triqtu lejn Damasku!

Wara dil-esperjenza,  Norbertu ħalla l-kariga Imperjali tiegħu u beda perjodu ta’ talb u dixxerniment spiritwali f’monasteru.

Ta’ 35 sena, ġie ordnat saċerdot .Konvertit radikalment għall-ideali Evanġeliku, Norbertu ta ġidu kollu lill-foqra,u kompla jgħix bħala pellegrin li ma kellu xejn ħlief il-mezzi biex jiċċelebra Quddiesa.

Il-Papa Ġelasju II tah permess biex jgħix bħala predikatur itineranti,u kien mitlub iwaqqaf Ordni Reliġjuż sabiex ħaddieħor jgħix fuq l-eżempju tiegħu. Hu stabbilixxa ruħu fir-reġjun tat-Tramuntana ta’ Franza ta’ Aisne, flimkien ma’ grupp żgħir ta’ dixxipli li kienu jgħixu skont ir-Regola monastika ta’ Santu Wistin. Fil-25 ta’ Diċembru, 1121,Norbertu waqqaf l-Ordni Reliġjuż ta’ Kanonċi Regolari ta’ Prémontré, magħrufa bħala l-Premonstratensi jew Norbertini. Huwa bena l-Ordni tiegħu fuq il-prinċipji nsara ta’ imħabba,l-għajnuna u l-karità lejn il-foqra u l-morda.

Wara viżjoni tal-Verġni Marija. Norbertu bena l-ewwel monasteru tiegħu fit- tramuntana taʼ Pariġi f’post li dak iż-żmien kien magħruf  u msejjaħ bħala “id-deżert taʼ Prémontré”. Ħafna ħasbu li  Norbertu kien iblah li waqqaf l-Ordni tiegħu f’post daqstant imbiegħed, moħbi u għeri, imma Norbertu kien jemmen li dal-Ordni kien se jagħti frott abbundanti lis-Saltna ta’ Alla.

Ftit żmien wara, fuq insistenza tal-Papa, Norbertu ġie kkonsagrat Arċisqof ta’ Magdeburg, fil-Ġermanja.

Imħabba u Appostolat Ewkaristiku

Norbertu ddefenda l-verità u t-twemmin tal-Preżenza reali ta’ Kristu fl-Ewkaristija waqt l-ereżija fil-Belġju fil-bidu tas-seklu tnax. In-nies ta’ Antwerp bdew jemmnu lill-eretiku Tanchelm li kien jgħallem li l-Preżenza ta’ Kristu fl-Ewkaristija ma kenitx reali. Norbertu qatta’ il-bqija ta’  ħajtu jippromwovi d-devozzjoni lejn il-Preżenza reali ta’ Ġesù fl-Ewkaristija fi żmien li fih din il-verità kienet sfidata.

Bil-predikazzjoni tiegħu, Norbertu kkonverta ħafna nies tal-belt għall-fidi fil-Preżenza reali ta’ Kristu fl-Ewkaristija. B’hekk kien miżmum bħala mudell ta’ Fidi Nisranija u bħala  “ L-Appostlu tal-Ewkaristija”. Bħala predikatur itineranti spiss kien jiċċelebra il-quddies fit-triq. Bosta mill-mirakli tiegħu kienu jitwettqu waqt il-Quddiesa.

Mirakli Ewkaristiċi f’ħajtu:

Darba waħda seħħ Miraklu Ewkaristiku kbir waqt li Norbertu kien qiegħed iqaddes. Fuq il-patena, eżatt qabel it-Tqarbin, innota qatra ħamra kbira tad-Demm Prezzjuż, kollha mdawra b’raġġi ta’ dawl, li ħarġu mill-Qalb ta’ Ġesù. Huwa dar lejn id-djaknu tiegħu u staqsieh: “Qiegħedtara dak li qed nara jien?” Id-djaknu wieġeb:“Iva,Padre!

Il-ġebla tal-artal li fuqha seħħ dal-Miraklu għadha tinżamm fil-Monasteru ta’ Floreffe.

Norbertu, tant kien devot tal-Ewkaristija li meta brimba velenuża waqgħet fil-kalci, xorobha biex ma jirriskjax li jxerred xi ftit minn dak id-Demm Qaddis. Norbertu ħaseb li se jmut, iżda ftit wara l-brimba ħarġet minn imnieħru mingħajr ma għamlitlu ebda deni.

Fejjaq ukoll mara għamja billi nefah fuqha wara li hu kkunsma l-Ewkaristija, u keċċa ix-xitan minn tfajla li kienet preżenti għall-quddiesa li kien qed jiċċelebra Norbertu.

San Norbertukien ġie kkanonizzat fit-28 ta’ Lulju 1582, mill-Papa Gregorju XIII.

San Norbertu ta’ Xanten hu figura ewlenija fl-istorja tal-Knisja u l-fundatur ta’ Ordni Reliġjuż li, wara 900 sena, baqgħet vitali madwar id-dinja.

Statwa ta’ San Norbertu  tinsab fuq  il-kolonat tal-Bażilka ta’ San Pietru f’Ruma. San Norbertu hu rappreżentat iżomm Ostensorju bl-Ewkaristija li turi d-devozzjoni kbira li kellu dal-qaddis lejn das-Sagrament l-aktar Qaddis.  

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading