Wara li nhar il-Ħadd li għadda iċċelebrajna s-Solennità tal-Ġisem u d-Demm ta’ Sidna Ġesù Kristu, Corpus Christi, f’moħħi u f’qalbi telgħet frażi li spiss nismagħha ddur madwari: “Basta jmur u tmur jiblagħha u tiblagħha!”
Waqt li qiegħed għall-kwiet qed nisma’ tant rejazzjonijiet li kienu jitilgħu kull darba li kont nassisti lil xi ħadd li kien espost bħali għaliha. Ħafna jgħidu: “Kemm tweġġagħni dil-frażi! Kif? Mela lill-Ewkaristija Mqaddsa tgħidilha hekk? Dan x’diżrispett hu?”. Nifhimhom sewwa lil dawn l-aħwa. Għax meta lil Alla nnifsu tqabblu ma’ biċċa ħobż u tqisu ta’ ħobż u mhux ta’ Alla li jista’ kollox, kif fil-fatt hu, allura vera nkunu mhux biss waqajna għall-baxx imma maqdarna u ħqarna għall-aħħar id-dinjità tagħna ta’ bnedmin. Le! Jekk ma nagħtix qima lil Alla jien ma nibqax bniedem. Jien bniedem daqskemm nagħraf li Alla hu Alla f’ħajti. Għax f’Alla biss jien bniedem. Hu ħalaqni. U bħalma ħaġa ma tagħmilx sens mingħajr dak li għamilha anki jien, mingħajr dak li ħalaqni u fdieni, minix bniedem u ma baqagħlix id-dinjità ta’ bniedem. Immalla li Alla jibqa’ jieħu ħsiebna xorta waħda anki meta, fil-bluha u l-ġenn prim tagħna, inwarrbuh minn ħajjitna.
Id-diżappunt
Imma f’dil-frażi, li hi tant mimlija diżappunt: “Basta jmur u tmur jiblagħha u tiblagħha!” hemm karba kbira ta’ uġiegħ li tiela’ ‘il fuq. Kif? Int li tmur titqarben u iġġib ruħek kontra dak li tgħid li temmen fih?
Ilkoll nafu min hu Ġesù. Nafu x’jirrapreżenta. Ġesù ma ġiex biex ikun moqdi, paxxut u servut. Ġesù kellu fejn jgħix ta’ paxxut. Hu s-Sultan tiegħi u tiegħek. Hu s-Sultan ta’ min iridu u ta’ min ma jaħmlux pinġut. U nafu xi jrid minna. Iridna nkunu viċin min qiegħed ibati. Iridna nibku ma’ jibki u nifirħu ma’ min jifraħ. Iridna nħossu għal kulħadd hekk li ngħinuhom u nkunu solidali magħhom, l-aktar fis-siegħa tat-tiġrib.
Għalhekk ma jinftiehemx meta persuna titqarben u ġġib ruħha kuntrarju għal dak li Ġesù għamel u għallem. Biss dan ma jfissirx li nagħlqu l-bieb għat-tqarbin. Ejjew inkunu rġiel u nisa u noħorġu niġru minn dal-isqaq tal-biża’ u mdallam ta’ raġunament dejjaq pesti. Papa Franġisku jgħidilna li s-sagrament tal-Ewkaristija mhuwiex l-ikel għal min hu b’saħħtu imma mediċina mill-aktar qawwija għal min hu dgħajjef.
Għalhekk, aħna li nikkritikaw u nikkundannaw lil dawk li jmorru għall-quddies u jitqarbnu u, ta’ bnedmin bħalma aħna aħna, jiżbaljaw u jgħidu fuq in-nies bħalna, m’għadniex għalfejn noħduha bi kbira u nagħmlu plejtu għax dawn ħutna jiżbaljaw. Fuq kollox, dawn ħutna jippruvaw qegħdin. Almenu indenjaw ruħhom jippruvaw.
In-naħa l-oħra tal-munita
Forsi l-iżball tagħhom, aktar milli qed ipinġiehom xjaten quddiemna, abbli aktar qed jurina bil-miżerja tagħna ta’ ħajja u ħsieb li mhux biss niġġudikawhom u nikkundannawhom bla ħniena ta’ xejn imma wkoll li mhux qed naraw il-qagħda imsejkna ta’ ruħna. Forsi wasal iż-żmien li nibda’ tabilħaqq nistaqsi lili nnifsi, jien li ili ma nqerr u nitqarben: “Ili ma nqerr u nitqarben? X’qed inħoss f’ħajti? L-għaliex qed inċaħħad lili nnifsi minn rigal hekk kbir li hu Ġesù Kristu Sidi, Alla nnifsu, milli jiġi jgħammar ġewwa fija?” Jekk l-Ewkaristija hi l-mediċina ta’ min hu dgħajjef mhix ukoll il-mediċina tiegħi li ma rridx naf b’quddies u bi qrar? Tgħid wasal iż-żmien li dawn iż-żewġ sagramenti nibda’ nagħtihom aktar u aktar importanza f’ħajti?
Mill-esperjenzi li l-Mulej jagħtini magħkom dejjem nitgħallem kemm, aktar ma nikbru, aktar nirrejalizzaw li fil-ħajja hemm post għal kollox. Biż-żmien nibdew nintebħu li l-aktar u l-ewwel bżonn importanti huwa li ngħixu u inħarsu l-ħelsien ġewwieni tagħna. Min minna ma jixtieqx u ma jieħux gost imur jorqod b’kuxjenza kwieta? Min ma jaspirax għal dak il-mument fejn, meta jqiegħed rasu fuq l-imħadda, tassew li ma jkollu xejn xi jtaqqallu ruħu u l-ispirtu tiegħu?
Tqajjimna minn ngħas tagħna
Meta niftakru li Alla nnifsu, li jista’ kollox, u li jekk irid idewwibna f’nifs wieħed, għax ħadd mhu b’saħħtu għajru, xorta waħda jagħżel li jiġi fostna permezz ta’ nies dgħajfa bħalna, aħna l-qassisin u l-patrijiet, nibdew nifhmu aktar kemm għandna bżonn lil xulxin.
Kull darba li tiġi ċċelebrata l-quddiesa din toħloq komunità, familja. X’inhi l-ħajja tagħna mingħajr familja? L-istess, il-fidi tagħna Nisranija din tfehmilna tajjeb meta tgħallimna li Alla nnifsu mhux biss wieħed imma Hu tabilħaqq familja għax hu Missier, Iben u Spirtu s-Santu. F’kelma waħda, it-Trinità Qaddisa.
U jekk Alla, li hu Trinità, meta jiġi fostna l-bnedmin mhux bħala Trinità wkoll ħa jiġi? Tgħid miegħu Ġesù mhux ħa jkollu wkoll lill-Missier u lill-Ispirtu s-Santu? Mela dan jista’ jgħaddi mingħajrhom? Mhux dejjem miegħu qegħdin? U jekk dawn qegħdin miegħu u fih mhux naturali li se jgħaddihom lilna? Mhux għalhekk li meta tiġi ċċelebrata l-quddiesa wieħed, b’mod naturali, jħoss il-bżonn li jistieden lill-oħrajn ħalli miegħu jiċċelebrawha flimkien? U din ix-xewqa, li l-quddiesa tiġi ċċelebrata flimkien, mhux ovvja li qed turi li aħna familja?
Ġieli fil-Knisja kien hemm min kien jgħid: “Mela f’kull ħaġa li nagħmlu hemm bżonn li nagħmlu l-quddiesa?” Illum, l-esperjenza tal-ħajja qed turini li, kemm jista’ ikun, ejjew nerġgħu ndaħħluha mill-ġdid il-quddiesa. Is-soċjetà u l-ħajjiet personali tagħna qed jokorbu biex dil-mentalità mhux biss tibqa’ f’moħħna imma tibda’ isseħħ f’ħajjitna. Għandna fuq li għandna bżonn li nerġgħu niskopru mill-ġdid il-qawwa tal-quddiesa li tgħaqqadna u tagħmilna familja. Kemm hu sabiħ li meta jitlaqqa’ grupp imdaqqas ta’ nies biex jiċċelebraw xi ħaġa sabiħa bejniethom dawn jistiednu xi patri jew qassis ħalli jqaddsilhom il-quddiesa. Hekk kien isir qabel, fl-ewwel żminijiet tal-Knisja, u hekk hemm bżonn li nerġgħu nibdew nagħmlu fostna.
Mill-jien għal aħna
U meta nibdew nindunaw kemm għandna bżonn lil Ġesù f’ħajjitna u li Ġesù qatt ma jiġi waħdu għax miegħu iġib lill-Missier u lill-Ispirtu li jgħixu fina allura nibdew moviment tabilħaqq importanti u meħtieġ: “Mill-jien għal aħna”.
L-Ewkaristija tgħinna nwessgħu ħarsitna lil hinn mill-egoiżmu kollu niket u diżappunti li nġorru fina u magħna u toħodna f’rejaltà li tagħmilna familja waħda. U familja mhux biss fuq il-karta imma familja ta’ veru. Hemm frażi fl-Ewwel Ittra ta’ San Pietru, li tagħmilli biżibilju kuraġġ u li tgħid hekk: “Fl-aħħarnett ngħidilkom, kunu lkoll fehma waħda, ħossu għal xulxin, inħabbu bħal aħwa b’qalb ħanina u umli” (1 Pt 3:8). Dil-frażi qed tfakkarni f’eżerċizzju li int u jien imsejħa bil-bosta għalih li nwettqu: Kemm qed inħoss għal ħija u oħti fil-bżonn? Kemm qed nara lil Ġesù f’dan ħija u f’din oħti li qed jgħidli u tgħidli, bid-dmugħ f’għajnejh u f’għajnejha: “Ħu ħsiebi. Tħallinix waħdi!”
Kemm hu sabiħ meta jkollna waqtiet fejn, imqanqlin mill-ħniena, noħorġu minna nfusna u ngħinu. Tant hu hekk li ngħidu: “Ma tanix li ma nieqafx. Ma tanix li ma mmurx nara x’għandu u x’għandha bżonn”. Kemm inħossuna ferħanin meta nagħmlu hekk. Il-famuża Oprah Winfrey tgħid li l-ferħ qiegħed f’ħames kelmiet: ‘Do something for someone else’, jiġifieri ‘agħmel xi ħaġa għal ħaddieħor’.
Mhux il-quddiesa stess li ġġagħlna noħorġu minna nfusna billi nitolbu maħfra lill-Mulej u lil xulxin, nagħmlu paċi ma’ xulxin, nerfgħu qlubna ‘il fuq ħa nfaħħru l-Mulej, inqisu lil xulxin bħala aħwa, nitolbu għal min qed ibati u li tagħtina l-qawwa li ngħinu lill-batut?
Għandna bżonn nirċevuha
L-Ewkaristija għandna bżonn niekluha għax napprezzawha u naqsmuha flimkien. Hi tagħmilna aħwa u tfakkarna bil-qawwa fid-dinjità tagħna ta’ bnedmin. Min jibla’ u jaħtaf la japprezza u lanqas qed jgħix ta’ bniedem. Għax ma jafx jaqsam ma’ ħaddieħor.
L-Ewkaristija tgħallimni nħobb billi naqsam li għandi u mhux li nibla’ id-dinja u mbagħad ngħatti dnubi fil-ġudizzju fieragħ kontra l-oħrajn. Mela ejja nerġa’ nibda’ immur għall-quddiesa ħalli nirċievi l-Ewkaristija u hekk ngħix tassew ta’ bniedem u mbagħad ta’ persuna ta’ fidi.
Patri Mario Attard OFM Cap