Sabiex dan il-Ġublew issaħħaħ il-fidi tagħna …
Fil-bidu ta’ kull xahar, il-Papa jistieden lill-Knisja kollha sabiex tingħaqad miegħu f’talba speċjali. Hija dik li aħna nsejħulha l-fehma jew l-intenzjoni tal-Papa u li regolarment nitolbu waqt kull viżta li nagħmlu lil Ġesù Ewkaristija jew fi tmiem ir-rużarju. Mhix talba għall-Papa, kif jistgħu jaħsbu uħud, imma hija talba mal-Papa.
F’Diċembru ta’ din is-sena, propju lejliet il-Milied, il-Papa ser iniedi l-bidu tal-Ġublew 2025 bit-tema Pellegrini tat-Tama. Huwa propju għal din l-intenzjoni li qed jistedinna ningħaqdu miegħu biex nitolbu.
Nitolbu sabiex dan il-Ġublew issaħħaħ il-fidi tagħna, jgħinna nagħrfu lil Kristu Rxoxt fil-qalba ta’ ħajjitna, u jagħmilna pellegrini ta’ tama Nisranija.
Huma bla dubju ta’ xejn tliet talbiet miġbura f’waħda, li juruna dak li jixtieq il-mexxej spiritwali tagħna minn din is-sena ta’ grazzja speċjali, dak …
- li matulha nissaħħu fil-fidi tagħna,
- li nagħrfu lil Kristu Rxoxt fil-qalba ta’ ħajjitna,
- u li nsiru tassew, pellegrini tat-tama nisranija.
Jalla mhux biss ningħaqdu mal-Papa f’din it-talba, imma li nixtiequha tassew isseħħ f’ħajjitna u fil-Knisja kollha.
Jalla niftakru li l-attivitajiet u ċelebrazzjoni kollha li ser nagħmlu b’rabta ma’ dan il-ġublew, iqarbuna aktar biex titwettaq fina lkoll din it-talba tal-Papa, it-talba li issa saret ukoll it-talba tagħna u tal-Knisja kollha.
joe Farrugia
Ara minn hawn il-fehma talp-Papa għal matul Diċembru 2024…
Ara wkoll aktar tagħtif dwar il-Ġublew 2025: Pellegrini tat-Tama …
