Ibqa’ iżra’ xorta waħda

Dan l-aħħar, fuq WhatzApp, irċevejt messaġġ tassew ħelu u li nixtieq minn qalbi naqsmu magħkom. Dal-messaġġ bl-ilsien Ingliż jgħid hekk: We cannot force someone to hear a message they are not ready to receive. But we must never underestimate the power of planting a seed. F’ilsienna jgħid hekk: “Ma nistgħux inġagħlu lil xi ħadd jisma’ messaġġ li mhux lest jilqgħu. Madankollu m’għandniex inwarrbu l-qawwa li wieħed jiżra’ żerriegħa.

Jekk hawn żmien fejn dal-messaġġ sar attwalissmu hu ż-żmien t’issa. Illum ma tobbliga lil ħadd. Kulħadd għandu l-libertà li jiddeċiedi hu għalih innifsu. L-istatwa tal-libertà saret l-istatwa ta’ żmienna. Ħafna b’libertà jifhmu li jagħmlu li jridu u li jogħġobhom. Din mhux libertà imma libertinaġġ li jwassal għall-jasar kiefer li wieħed ikollu jagħmel il-kontijiet ferm għoljin miegħu ‘il quddiem. Papa San Ġwann Pawlu II jgħidilna ċar u tond li l-libertà ma tikkonsistix f’li wieħed jagħmel li jfettillu imma li jkollu d-dritt li jagħmel dak li hu fid-dmir li jagħmel. X’baħar jaqsam hux mill-libertà kif tifhimha l-kotra għal dik li fil-verità hi l-libertà!

F’ambjent li qed isir ostili għal dak li hu sewwa għax idejjaq, ixebba’, itella’ in-nervi u joffri biss monotonija issa hu ż-żmien li int u jien niżirgħu ż-żerriegħa t-tajba. Int u jien imsejħa li niżirgħu ż-żerriegħa ta’ prinċipji li jagħmlu ġid kbir mhux biss lil ħajjitna imma wkoll lil tant ħajjiet oħra. Qatt daqs dan iż-żmien li qed ngħixu fih l-opri tal-ħniena li jmissu r-ruħ, jiġifieri agħllem lil min ma jafx u widdeb lil midinbin ma saru daqshekk importanti li jiġu ipprattikati. Hawn bżonn min juri t-triq. Bħalma hawn bżonn ukoll ta’ min jgħid, b’kuraġġ liema bħalu, li it-tajjeb ikabbarna u l-ħażin ikażbarna u jdaħħalna għal ġol-ħajt.

Kemm-il darba nisma’ nies jgħiduli: “Kemm ngħidilhom imma ma jridu jisimgħu b’xejn”. Tikkonfondix. Kelma tajba għidha dejjem. San Pawl lil Timotju jiktiblu hekk: Xandar il-kelma, insisti f’waqtu u barra minn waqtu, ċanfar, widdeb, wissi, bis-sabar kollu u bit-tagħlim (2 Tim 4:2). Huwa b’dan l-ispirtu ta’ sabar u b’ħafna tagħlim li rridu nibqgħu niżirgħu l-kelma t-tajba. Ġesù stess ifakkarna f’dan meta jgħidilna: Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil żerriegħa tal-mustarda li wieħed raġel ikun qabad u żeragħha fl-għalqa tiegħu. Hija tabilħaqq l-iżgħar waħda fost iż-żrieragħ kollha, iżda meta tikber, tkun l-akbar waħda fost il-ħxejjex u ssir siġra, hekk li l-għasafar ta’ l-ajru jiġu jbejjtu fil-friegħi tagħha (Mt 13:31-32).

Ibqa’ iżra’ anki meta taħseb li qed tagħżaq fl-ilma għax għad tiġi ġurnata fejn jagħtuk raġun bil-bosta. Mhux imporanti li jkollok konferma tal-ġid li l-Mulej qed jagħmel bik issa. L-ssimportanti li l-ġid qed isir. Mela, ibqa’ iżra’ xorta waħda!

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading