Avvent li fih tassew nistennew lil Ġesù

Il-Ħadd, 1 ta’ Diċembru 2024, l-1 Ħadd tal-Avvent: Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fl-Għoti tal-Ministeru tal-Akkolitat lis-seminaristi Samuel Aquilina u Marlon Victor Bajada. Bażilika ta’ San Ġorġ Martri, Victoria.

Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

Illum il-Knisja tibda ż-żmien tal-Avvent, kelma Latina li tfisser ‘miġja’. Għandha l-oriġni tagħha fl-istorja ta’ Ruma: meta l-Imperatur Ruman kien ikun rebaħ xi belt jew xi art, xi biċċa art oħra ma’ dak li diġà kellu l-Imperu Ruman – imperu kbir fi żmien Ġesù –, kien jibgħat il-messaġġiera tiegħu, il-qaddejja qablu, fil-belt fejn kien ikun dieħel, u jgħajtu: “Adventus, adventus, adventus” – “Ġej, ġej, ġej”. U allura kienu joħorġu nies ferħanin, għax warajh l-Imperatur normalment kien ikollu l-priża, kien ikollu l-affarijiet, il-persuni, l-oġġetti li kien ikun ħa u seraq mill-belt li kien ikun rebaħ. U dik il-belt fejn ikun dieħel kienet tgawdi proprju minn dak il-frott kollu li jkun ġabar, minn dak il-ġid kollu li jkun akkwista l-Imperatur u s-suldati tiegħu fil-gwerra li tkun għaddiet. U allura “adventus, adventus” għan-nies kienet tfisser festa: ġej l-Imperatur jagħmlilna festa u jagħtina ħafna ġid; ġej l-Imperatur, u aħna se nkunu kuntenti.

U l-Knisja llum tgħajjat l-istess kelma: “adventus, adventus”, għax ġej Ġesù biex lilna jimliena bil-ġid, lil kull wieħed u lil kull waħda minna personalment. Kif ġej Ġesù? Tgħiduli: ġej fil-Milied. Imma noqogħdu ħafna attenti, għaliex jista’ jkun li l-ġrajja tal-Milied, flok li tgħinna nkunu attenti u nistennew lil Ġesù li ġej, tistordina iżjed, nitfixklu iżjed. Bħallikieku dawk in-nies li l-Imperatur Ruman ħabbrilhom li kien ġej permezz tal-messaġġiera tiegħu, flok li ħarġu barra jistennew, attenti biex meta jkun qed iqassam il-ġid huma jieħdu xi ħaġa, baqgħu id-dar… min qagħad jirranġa ħaġa u min oħra, u min telaq lejn xi mkien ieħor u tilef l-okkażjoni li jieħu l-ġid li jġib miegħu l-Imperatur. Aħna b’xorti ħażina jista’ jiġrilna hekk: aħna u nħejju ruħna għall-Milied, flok inħejju ruħna għall-miġja tal-persuna ta’ Ġesù, nistordu bl-affarijiet ta’ barra, li huma importanti, imma mhumiex kollox; huma neċessarji, imma mhumiex l-iktar essenzjali.

Kieku jkollna nieqfu ftit nirriflettu, nindunaw li aħna għandna żewġ tipi ta’ ħajja: waħda li tidher minn barra – dak li nagħmlu, għax illum qegħdin hawn; u hemm oħra ta’ ġewwa – forsi jien qiegħed hawn, u moħħi qiegħed fil-cooker li ħallejt jixgħel, moħħi qiegħed xi mkien ieħor. Jista’ jkun li jien inkun fuq ix-xogħol, minn barra nidher kuntent, ferħan, b’ħalqi mċarrat minn widna sa widna, imma mbagħad għandi dwejjaq kbar ġewwa fija. Jista’ jkun li jien qiegħed nixrob f’bar xi mkien, jew niekol, jew niddeverti, imbagħad il-ħajja tiegħi interjuri, il-ħsibijiet u sentimenti tiegħi, ma jaqblux ma’ dak il-mument. U qiegħed nipprova nagħmel kulma nista’ biex permezz tad-divertiment nistordi, u dak li qed inħoss ma nħossux, dak li qed naħseb ma naħsbux. Aħna għandna żewġ ħajjiet: ħafna drabi tidher biss il-ħajja li jkollna minn barra.

Ġesù, fl-avvent tiegħu, fil-miġja tiegħu, irid jgħinna nfejqu l-ħajja ta’ ġewwa, il-ħajja l-iktar importanti. Dik hija l-iktar ħajja importanti: dak li nħossu, dak li naħsbu. Ġesù jrid jidħol u jkellimna hemmhekk permezz tal-miġja tiegħu. Il-ħajja tagħna tkun ibbilanċjata jekk aħna ma ngħixux biss fuq in-naħa ta’ barra, ma ngħixux biss storduti. Ħafna drabi jiġrilna li ngħixu storduti apposta, biex ma nħossux u ma naħsbux. Inkunu naħlu ż-żmien, inkunu qegħdin nagħmlu kif qal San Pawl fit-Tieni Qari li smajna, u kif qal Ġesù fl-Evanġelju: “li ma ssibuhx dak il-Jum fuqkom għall-għarrieda” (Lq 21:34).

X’jiġi fuqna għall-għarrieda? Dak li aħna ma nistennewhx. Aħna nistgħu nkunu storduti b’elf mod. Ħa nġibilkom eżempji sempliċi. Jiena nista’ nkun stordut biex nakkwista biċċa art, ħalli nibni l-appartamenti. Tant nistordi li ninsa l-mara u ninsa t-tfal; tant nistordi li naħdem minn billejl sa billejl, l-importanti li nakkwista dak li jien għandi f’moħħi. Imbagħad tiġri xi ħaġa, tiġi fuqi l-mara u tgħidli: “Isma’ ħi, jien se nħallik jekk se nibqgħu sejrin hekk! Din mhix ħajja!”. Inti tiġi f’tiegħek u tgħid: x’inhu jiġri hawn? U tipprova tiġbor f’minuta jew f’ġimgħa dak li int bil-mod il-mod xerridt f’għaxar snin, fi tnax jew tlettax-il sena relazzjoni. Kif se tiġborhom f’ġimgħa? Sturdament. Ngħixu storduti!

Nistgħu nsemmu elf eżempju ieħor. Moħħi u ħajti biex inkun popolari; moħħi u ħajti biex nidher sew minn barra; moħħi u ħajti biex inkun b’saħħti… imbagħad inħoss xi ħaġa u jaqa’ kollox. Dak il-mument fejn ikun waqa’ kollox, fejn il-mara tiegħek qaltlek: “Isma’, daqshekk”, inti tista’ tieħdu jew bħala mument ta’ diżgrazzja, jew bħala mument ta’ grazzja. Inti tista’ tiġi f’tiegħek, tinduna li ‘adventus’, ġej! Inti tista’ tagħraf li l-Mulej irid jibda jfejqek, irid jibda jgħinek, irid jibda jqabbel flimkien dak li hu importanti u li tgħix ġewwa fik, li tħoss u li taħseb, ma’ dak li tgħix minn barra.

Ħafna drabi dawn iż-żewġ realtajiet, dawn iż-żewġ ħajjiet li aħna ngħixu, ikunu mbegħdin minn xulxin; u iktar ma jkunu mbegħdin minn xulxin, aktar aħna nkunu mċarrtin minn ġo fina. Aktar ma nkunu mdejqin, aktar ma jkun hemm tensjoni, aktar ikun hemm kunflitti, meta dak li ngħixu minn barra hu ’l bogħod minn dak li nħossu, u li naħsbu f’moħħna u f’qalbna. Il-Mulej irid jagħtina l-bilanċ permezz tal-Avvent. Il-bilanċ ifisser li dak li ngħix ġewwa, nipprova ngħixu wkoll barra; dak li ngħix barra, nipprova naħsbu u nħossu minn ġewwa. Ikun hemm integrità, għaqda fil-persuna, sħuħija f’kull wieħed u f’kull waħda minna.

Dan huwa wieħed mill-irwoli prinċipali tal-ministru ta’ Kristu. L-ewwel u qabel kollox il-ministru ta’ Ġesù, is-saċerdot, irid ikun l-ewwel u qabel kollox li jaħdem fuqu nnifsu. L-ewwel u qabel kollox irid iħalli lil Alla jidħol f’ħajtu, adventus, biex jgħaqqad flimkien dawk il-partijiet li ħafna drabi jkunu sparpaljati, biċċa ’l hawn u biċċa ’l hemm; min iġebbed minn hawn u min iġebbed minn hemm, b’tali mod li ma nkunux persuna sħiħa. Meta l-bniedem jiltaqa’ ma’ Ġesù permezz tal-ministru tiegħu, u permezz tal-Kelma, permezz tal-Ewkaristija, allura l-bniedem verament jista’ jiċċelebra ġewwa qalbu l-għaqda u l-paċi. Minn hemm tiġi l-paċi fina: minn kemm aħna wieħed, minn kemm m’aħniex biċċiet, minn kemm mhux biċċa ġġebbed ’l hawn u biċċa ġġebbed ’l hemm ġewwa fina.

Se nagħtu l-konsenja tal-Ministeru tal-Akkolitat, l-istituzzjoni ta’ dawn iż-żewġ żgħażagħ Marlon u Samuel bħala Akkoliti. Il-kelma akkolitu tfisser sempliċiment għajnuna: għajnuna lis-saċerdot, għajnuna fil-Liturġija. Imma fil-profond tagħha tfisser li dawn iż-żewġ żgħażagħ diġà qed jieħdu l-impenn, Alla qed jagħtihom dan il-ministeru: jitlobhom biex jgħinu lill-poplu tiegħu fil-laqgħa ma’ Alla tiegħu, fil-laqgħa mal-persuna ta’ Ġesù, permezz tal-Kelma, imma fuq kollox permezz tal-Ewkaristija, permezz tal-Liturġija. Aħna niltaqgħu ma’ Ġesù li jiġi llum! Veru se niċċelebraw il-Milied dalwaqt; veru li fl-aħħar tad-dinja jiġi Ġesù bil-glorja tiegħu, kif smajna fil-Qari tal-lum; imma veru wkoll li Ġesù jiġi issa.

Niċċelebraw tassew il-Milied: inkunu ppreparati tassew għall-aħħar tad-dinja, għat-tieni miġja ta’ Ġesù, daqskemm aħna kapaċi llum ngħixu l-miġja ta’ issa. Ġesù jiġi issa, permezz tal-Kelma li għadna kif smajna. Ġesù jiġi bl-Ewkaristija: “Dan hu Ġismi”, “Dan hu Demmi”. Ġesù jiġi f’ħija u f’oħti fil-bżonn, li jiena rrid nisma’, ngħin, nissapportja, insostni, infejjaq. Ġesù jiġi f’dawn it-tliet miġjiet. U aktar ma ngħixu l-‘avvent’ tal-Mulej illum, permezz tal-Kelma, tal-Ewkaristija, u tal-karità, aktar niċċelebraw bil-kbir il-Milied u nistennew bit-tama lill-Mulej Ġesù, li jiġi biex jeħodna miegħu fil-glorja, fl-aħħar tad-dinja.

Allaħares dan iż-żmien tal-Avvent iservi biex nistordu. It-tiżjin sabiħ, u tagħmlu sew li żżejnu. Imma noqogħdu attenti, għax ħafna drabi nżejnu mingħajr Ġesù; mingħajr Ġesù mhux biss fil-ħsieb, fil-moħħ u fil-qalb, imma anki mingħajr l-istatwa ta’ Ġesù. Araw f’ħafna ħwienet, it-tiżjin, magħmul ħafna drabi minna stess. Ġesù le! Jekk diġà minn barra Ġesù tbiegħed, aħseb u ara mill-qalb u mill-moħħ kemm Ġesù se jitbiegħed iktar, kemm se jkun ’il bogħod minna fil-Milied. X’jiswa li tiċċelebra tieġ mingħajr l-għarajjes? Kieku jkollok tmur f’tieġ, u l-għarajjes jisparixxu, kieku x’tgħid? Imma hekk qed jiġri fil-Milied, u m’aħniex nindunaw; u dan bl-aċċettazzjoni forsi muta tagħna, qisu mhu qed jiġri xejn. Ġesù telaq bil-mod il-mod, jew bgħatnieh u keċċejnieh bil-mod il-mod mill-Avvent u mill-Milied, u aħna hawnhekk ngħajtu: “adventus”, “Ejja, Mulej Ġesù”.

Ejjew inqumu ftit fuq tagħna, inkunu verament attenti, kif jitlobna l-Evanġelju tal-lum (Lq 21:25-28,34-36). Ejjew naħsbu u nirriflettu: aħna nies maturi u intelliġenti. Ejjew nagħrfu x’aħna nagħmlu, u l-abjad ngħidulu abjad, u nibqgħu ngħidulu abjad; u l-iswed ngħidulu iswed, u nibqgħu ngħidulu iswed… aħna li aħna Kristjani, aħna li aħna ta’ Ġesù.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading