Waslet is-siegħa

Kien jum it-Tlieta 13 t’Ottubru 2023, l-aħħar dehra ta’ Sidtna Marija ġewwa Fatima, tas-sena 2023, sewwa sew fil-5.57 pm ta’ filgħaxija meta, il-Wisq Reverendu Arċipriet ta’ dil- Bażilika Kolleġġjata u Proto-Parroċċa ta’ San Pawl hawn fir-Rabat, il-Kanonku Joe Mizzi, ċempilli u qalli, b’dak il-leħen ħelu u sod tiegħu: “Waslet is-siegħa. F’idejk il-paniġierku għall-festa ta’ San Pawl tas-sena li ġejja”.

Dak kien il-kliem li l-Ispirtu s-Santu tani l-grazzja li nibda bih il-paniġierku iddedikat lill-Appostlu Missierna San Pawl fil-Bażilika Kolleġjata tiegħu fir-Rabat. Paniġierku jfisser li waslet is-siegħa. Fi kliem Ġesù, is-siegħa kienet il-waqt fejn kellu jingħata kollu kemm hu għalina l-bnedmin fuq is-salib. Hawnhekk ma nistax ma nsemmix dak li qalilna l-Papa Franġisku fid-diskors sabiħ u minsuġ b’tant reqqa u għaqal u, fl-istess ħin, tant ħafif biex wieħed jifhmu, li għamel fl-Angelus tal-Ħadd 17 ta’ Marzu 2024: Illum hu u jitkellem dwar il-Passjoni tiegħu, Ġesù jgħid: “Waslet is-siegħa li Bin il-bniedem ikun igglorifikat” (v. 23).  X’irid jgħidilna biha? Irid jgħidilna li għal Alla, il-glorja ma tfissirx is-suċċess uman, il-fama, il-popolarità; fil-glorja Alla ma jarax awtoreferenzjalità, mhix manifestazzjoni ta’ setgħa grandjuża li tirċievi l-applaws tal-pubbliku.  Għal Alla l-glorja tfisser imħabba sa ma wieħed jagħti ħajtu.  Għalih il-glorja tfisser għotja, li jkun aċessibbli, joffri mħabbtu.  U dan sab il-milja tiegħu fuq is-Salib, propju hemm, fejn Ġesù wera sħiħ il-quċċata tal-imħabba t’Alla, wera verament il-wiċċ tal-ħniena ta’ Alla bl-għotja ta’ ħajtu u l-maħfra ta’ dawk li kienu qed isallbuh.

Il-paniġierku ta’ San Pawl tar-Rabat, li l-Mulej tani l-grazzja li nwettaq u li kien l-ewwel wieħed tiegħi għal din is-sena, mill-ewwel sammarli l-importanza tal-għotja. Is-siegħa hi li nagħti ħajti għall-oħrajn, jiġifieri li nagħmel ħajti aċċessibbli biex ħaddieħor ikun jista’ jieħu l-għajnuna tiegħu u tagħha li għandu u li għandha bżonn. U meta dan isir tabilħaqq mill-qalb it-tnejn li aħna ngawdu. Kemm tfarraġt l-għada tal-paniġierku meta ħabib tassew bgħattli dal-messaġġ fuq il-WhatsApp: We rise by lifting others. B’ilsienna, aħna ngħollew meta ngħollu lill-oħrajn.

Huwiex dan ukoll il-messaġġ ta’ Ġesù li meta intrefa’ fuq is-Salib ma qagħadx waħdu, jixxaħxaħ għalih innifsu, imma ġibed lilna ilkoll, lill-bnedmin kollha, ħa nixxaħxħu u nsaltnu miegħu? Qalilna hu stess fil-wegħda li għamlilna: U meta nintrefa’ ‘l fuq mill-art, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja (Ġw 12:32).

Il-ħajja qasira imma hi mitqlu deheb! Ejjew, bil-għajnuna ta’ Ġesù u bl-eżempju ta’ San Pawl missierna u ħuna fil-fidi, ngħollu lill-oħrajn billi naqduhom minn qalbna. Hekk, l-imħabba li hemm fina mhux biss tingħata lil kulħadd imma tkun hi li ssalvana ilkoll kemm aħna.

Ejjew ma nitnikkrux! Inxammru jdejna u naqdu lil xulxin! Waslet is-siegħa!

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading