Il-Ħmar fil-Bir

Minn Edward Tagliaferro

Kien hemm bidwi li kellu ħmar.  Darba waħda, ma jafx kif, dan l-imbierek ħmar waqagħlu ġo bir li ma kienx fih ilma.  Il-bidwi sejjaħ il-ġirien biex ituh parir x’kellu jagħmel.  Dawn ġew malajr u ttawlu fil-bir, u semgħu il-ħmar jinħaq. Bdew ħerġin b’ħafna soluzzjonijiet u ma setgħux jaqblu bejniethom.  Qagħdu jxejru rashom ‘l hawn u ‘l hinn u jzekzku.  Minn flok għenuh lill-bidwi aktar ħawduh.  Fl-aħħar qallhom, “Isimgħuni, ħbieb.  Dan il-povru ħmar dejjem qdieni tajjeb, imma dan l-aħħar kien qed jgħeja malajr.   Għalhekk  qtajtha  li nidfnu ħaj ħalli jmut malajr u ma jbatix ħafna.   Araw,  hemm dak il-munzell terrapin inħallat b’ħamrija maħmuġa.  Hawn ħa.  Ħudu pala kull wieħed u tuni daqqa t’id, jekk jogħġobkom.”   “Mela le,” weġbuh il-ġirien għalenija.   Xammru l-kmiem u bdew jidfnu il-povru ħmar.

Il-ħmar reġa’ beda jinħaq, iżda wara ftit waqaf.   Il-bidwi mar jittawwal fil-bir.  B’għaġeb kbir tiegħu, beda jara li wara kull pala ħmieġ li bdew iwaddbulu, il-ħmar beda jfarfru minn fuqu u jitfgħu taħt saqajh.  U mbagħad beda jitla’ fuqu u beda jservieh bħala taraġ.  Bil-mod il-mod, tarġa wara l-oħra, beda  tiela’ ‘l fuq sakemm wasal viċin biżżejjed tal-fetħa.  Hawn il-ħmar ta s-salt u qabeż ‘il barra, u telaq jiġri liberu minn problema kbira li kienet se twasslu għall-mewt.

Kemm-il darba il-ħajja twaddbilna kull xorta ta’ ħmieġ – problemi żgħar u kbar li jtaqqluna, jgħaffġuna, joħonquna u jkunu se jidfnuna taħthom.  Jiħtieġ li dawn il-problemi nitgħallmu nbiddluhom f’opportunitajiet u inċentivi li bihom inkunu nistgħu  nissuperawhom, nitfgħuhom taħt saqajna, nitlgħu fuqhom u nużawhom bħala taraġ.  B’hekk nerġgħu niksbu l-ħelsien.  Mela ibda billi tfarfar it-trab u l-ħmieġ tal-mibegħda minn qalbek.  Ipprova għix ħajja aktar sempliċi.   Agħti aktar u ippretendi ftit lura.  Aħseb aktar fl-oħrajn milli minnek innifsek.  Saħħaħ il-fidi billi tisma’ l-Kelma t’Alla ta’ spiss.  B’hekk tkun tista’ żżid fit-talb.

Jiħtieġ li inti tkun is-soluzzjoni u mhux il-problema!

One thought on “Il-Ħmar fil-Bir”

  1. Tajjeb – l-istess diffikultajiet ighinuna – bl-ghajnuna t’Alla – nikbru u ingholew ‘ilfuq minnhom.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading