Insellimlek ħarriesa tal-umanità

Ma nafx kif ħa naqbad nesprimi dawn il-kelmtejn li għandni f’qalbi.  Ħaġa naf: li jekk nibda’ nitħaddet fuqhom żgur li ma nieqafx!

U ferħan li ma nieqafx għax naf li fuqek hemm xi ngħid fuq li ngħid. Is-seħer tat-tjubija tal-Mulej, li kont mimlija bih, saħħar lil ħafna nies, nibda’ minni l-ewwel wieħed. Donnu dan is-seħer tefa’ fuq fommi dak il-kliem li qabel kien bil-wisq iebes għalija li nsibu ħalli nlissnu u, waqt li qed inlissnu, jispiċċa jsabbarni kif imiss. Mela x’qawwa li ssabbar għandu dan il-kliem?

Qed nikteb dawn il-kelmtejn, fis-skiet u fil-ġabra ta’ kamarti tal-kunvent tal-ġebel, u qed inħoss it-tbissima tiegħek li qed timlini bil-ferħ. Għax it-tbissima tiegħek hi t-tbissima tal-veru kunvent, dak ta’ fejn jgħammar l-Ispirtu s-Santu. U hawn ma nistax ma nistħajlekx tikkwotali vers tant u tant sabiħ li Ġesù kien qal lil Nikodemu, fil-qalba tal-lejl, u li nħossu indirizzat fuq kollox, u għal kollox, lili: Tassew tassew ngħidlek li jekk wieħed ma jitwelidx mill-ġdid, ma jistax jara s-Saltna ta’ Alla (Ġw 3:3).

Imma xi twelid mill-ġdid u dan għażiża Sandra? Hu biss dak it-twelid li wieħed ikun jaf il-Bibbja bla amment biex imbagħad ma jkollux fih u fiha dik l-umiltà li torbtu u torbotha ma’ Kristu u mal-Knisja, hi kif inhi, bit-tlajja u l-inżul tagħha? U dan twelid mill-ġdid? Emminni oħti, waqt li qiegħed għall-kwiet u infaħħar lill-Mulej għad-don mill-isbaħ ta’ ħajtek, qed joħroġli spontanju l-vers li qalilna Ġesù fil-vanġelu skont San Mattew: Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif (Mt 11:28-30).

Eminni fuq li emminni Sandra, oħti, hu dan it-tip ta’ ferħ, li żgur li mhux ta’ din id-dinja, li għajnejk kienu tant jiddu bih. Kien dan il-ferħ ta’ Kristu, li fik sab għamara tajba fejn seta’ jġoġġi l-ħlewwa u l-umiltà tiegħu li huma s-sisien għal dan il-ferħ li ma jintemm qatt, li laqat mhux biss lilek imma wkoll lil ħafna li kellhom il-grazzja li jiltaqgħu miegħek mhux biss meta kont tiflaħ kantuniera imma meta kont tinħtieġ l-għajnuna tagħna biex twettaq il-ħtiġijiet tiegħek ta’ kuljum.

Esperjenza li qatt mhu ħa ninsew

Niftakrek tiġi għall-quddiesa speċjali li kellna fis-sala li kont int. Meta kont ġejt ngħidlek f’dak il-jum, għodu għodu, li f’dik l-istess sala konna se nagħmlu quddiesa, kif ħtaftni fil-kelma! Kemm fraħt u kemm ridt tattendi għaliha!

U dak kien li seħħ għażiża oħti! Għaliex mat-3.40 ta’ wara nofsinnhar, rajtek ġejja mgħejjuna minn wieħed mill-ħbieb kbar tiegħek, għall-quddiesa. Ġejt, bil-pass il-pass, imma determinata għall-aħħar li tattendi għall-festa ta’ dak li qalbek tassew ħabbet. Tibżax, il-ħeġġa mill-isbaħ tiegħek għalih mill-ewwel bdiet tagħti l-frott.

Għadni niftakar sewwa f’dik il-quddiesa fejn int żammejt l-id ix-xellugija tal-pazjenta li ħdejha konna miftehma li nagħmlu l-quddiesa minn jiem qabel. Kemm ferraħtha bil-ferħ u t-tama li kellek fik! Kemm għannaqtha ma’ qalbek! Kemm tajtha u sabbartha bi kliem ta’ fidi. Għażiża, għadni niftakar x’għedtilna wara li temmejna dik il-quddiesa fejn fiha tlabna l-Kurunella tal-Ħniena Divina u anki t-Talba qawwija ta’ San Ġużepp: Jiena mħejjija biex niltaqa’ mal-Mulej. Ma nitlobx li nfiq imma biss li nkunu maqgħuda miegħu fis-sema. Tiftakar kif ħallejtna bla kliem f’dak il-waqt? Xi stajna ngħidulek? L-eżempju tiegħek xaqqaq kull ħajt samm fi qlubna! Kemm kienet qawwija l-fidi u t-tama fik!

Ismek li fittixt

Is-soltu Sandra, meta l-Mulej jagħtini l-għerf u l-qawwa tiegħu biex infittex u nikteb fuq nies bħalek mill-ewwel immur għal isimhom. Ħa nara xi jfisser. Għax, dak l-isem, fih jaf ikun hemm ir-riċetta, jew aħjar l-ingredjenti, tal-grazzja tal-Mulej fihom.

Għalhekk, anki jien fittixt fuq li fittixt ħa nara sewwa xi jfisser tabilħaqq ismek. Qed insibha diffiċli kif se nfissirhielek din. Imma kont naf li kelli ngħidhielek għax naf li tapprezzaha bil-bosta. Waqt li bdejt infittex kont naf li se nsib teżor moħbi fl-għalqa tal-informazzjoni li bdiet tidher quddiemi. U aqta’ x’sibt meta fittixt xi jfisser ismek Sandra? Seħħli nsib, jew aħjar kien il-Mulej innifsu li tani l-grazzja li nsib, dak li int kont għalina u, fuq kollox, għalija. Ismek ifisser ħarriesa tal-umanità!

Aqta’ kemm nimmaġinak titbissem mis-sema bħalissa Sandra kif għedtlek ħarriesa. Naf li int ma kont tissindika lil ħadd. Anzi! Kont tagħti lil kulħadd l-ispazju u l-libertà meħtieġa tiegħu u tagħha li jgħixu ħajjitha. Il-libertà int kont difensura prima tagħha. U għal dan xi kliem għandi biex minn qalbi niżik ħajr? Imma naf ukoll li, għaliex qalbek kienet mimlija tilja mħabba mhux ta’ din l-art u li tidħak bina imma tas-sema u li ma tispiċċa qatt, int kont kapaċi tħares bi mħabba lil dawk li l-Missier tak f’ħajtek biex tieħu ħsiebhom.

Imħabbtek hekk universali, għax lejn kulħadd u mingħajr l-ebda distinzjoni ta’ xejn, ma waqfitx biss maż-żewġ uliedek li b’tant imħabba u għożża int ħabbejt. Kelli l-grazzja li t-tnejn li huma niltaqa’ magħhom fil-preżenza tiegħek meta kont għandna fl-isptar. Meta rajthom ma’ ġenbek, flimkien mal-familjari u l-għeżież tiegħek, stajt nintebaħ kemm hi kbira s-sejħa li tkun omm. Fihom stajt inħoss dik l-imħabba ta’ omm li dejjem kienet hemm għalihom. Lilhom int dewwaqt imħabbet il-Missier li ma tafx għajr li tibqa’ tħobb, tħobb u tħobb għall-eternità.

Kinitx ukoll din l-imħabba fik li taf tistabar u tħenn; l-imħabba m’hijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn; ma tagħmilx dak li m’hux xieraq; ma tfittixx
dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla; ma żżommx f’qalbha għad-deni, ma tifraħx bl-inġustizzja,

imma tifraħ bil-verità; kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti (1 Kor 13:4-7) li misset tant ħajjiet ta’ nies, nibda’ minn tiegħi l-ewwel wieħed, u tagħtna ferħ, faraġ u tama?

Talba li ħajtek għallmittni

U waqt, għażiża Sandra, li qed naħseb ftit dwar ħajtek, ma nistax ma nsemmix talba li persuna li għaddejja mill-istess mogħdija tal-Kalvarju li għaddejt int għallmittni dan l-aħħar. Din hi talba hi frott tal-eżempju mill-isbaħ li ħallejtilna meta sibt it-teżor veru, lil Ġesù, u biex tiksbu għal dejjem biegħejt kollox.

F’kull bżonn tiegħi nersaq lejk b’fidi umli u ngħidlek: Ġesù għinni! Kull meta, mifxul, ma nafx x’naqbad nagħmel, kif ukoll fit-tentazzjonijiet: Ġesù għinni! F’ħinijiet li nħossni waħdi, għajjien u mġarrab: Ġesù għinni! Meta jiġġarfuli l-pjanijiet u t-tamiet tiegħi, meta x-xewqat tiegħi jmorru fix-xejn, fil-gwaj u n-niket: Ġesù għinni!

Meta oħrajn jonqsuni u l-Grazzja tiegħek biss tibqa’ li tista’ tgħinni: Ġesù għinni! Meta nintelaq fl-Imħabba ħanina Tiegħek ta’ Missier u ta’ Feddej: Ġesù għinni! Meta naqta’ qalbi għax ma nara l-ebda ġid jiġi mit-taħbit tiegħi: Ġesù għinni! Meta nitlef is-sabar, u s-salib tiegħi jdejjaqni u jirritani: Ġesù għinni!

Meta nkun marid u rasi u idejja ma jifilħux jaħdmu u nħossni waħdi: Ġesù għinni! Dejjem, dejjem, bla ma tħares lejn ħtijieti u n-nuqqasijiet tiegħek ta’ kull għamla: Ġesù għinni u la titlaqni qatt! 

Kelma li m’għandhiex tmiem

Grazzi Sandra li kont ħarriesa u difensura prima tal-bnedmin, jiġifieri tagħna u tiegħi! Grazzi li dewwaqtna l-imħabba li hi ilma frisk u ħaj għax hi Ġesù u l-valuri tiegħu. Inħobbuk għal dejjem! Ibqa’ itlob għalina u ħu ħsiebna mis-sema kif dejjem kont twegħdna hawn fuq l-art filwaqt li aħna nitolbu minn qalbna għalik issa u għal dejjem ta’ dejjem, amen!

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?