Inbid ġdid. Niċċelebraw l-Evanġelju tat-2 Ħadd tas-sena.

Minn Fr Jimmy Bonnici

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Xandru fost il-popli kollha l-għeġubijiet tal-Mulej.

1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla   

F’dak iż-żmien, sar tieġ f’Kana tal-Galilija, u omm Ġesù kienet hemm. Ġesù kien mistieden għat-tieġ hu wkoll flimkien mad-dixxipli tiegħu.

Billi ma kienx fadal iżjed inbid, omm Ġesù qaltlu: “Ma għandhomx inbid”. U Ġesù qalilha: “X’hemm bejni u bejnek, mara? Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx”. Omm Ġesù qalet lill-qaddejja: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu”.

Issa kien hemm sitt ġarar tal-ħaġar, imqiegħda hemm għar-rit tal-purifikazzjoni tal-Lhud, kull waħda minnhom tasa’ xi mitt jew mija u għoxrin litru. Ġesù qal lill-qaddejja: “Imlew il-ġarar bl-ilma”. U dawk imlewhom sax-xifer. Imbagħad qalilhom: “Issa ħudu minnu u newluh lil dak li qiegħed jieħu ħsieb il-mejda”. U huma marru jagħtuhulu. Hu daq l-ilma mibdul fi nbid; u billi ma kienx jaf mnejn ġie, għalkemm il-qaddejja li ħadu mill-ilma kienu jafu, sejjaħ lill-għarus u qallu: “Kulħadd l-inbid it-tajjeb iservi l-ewwel; meta mbagħad ikun ħadhom iġibu dak li jkun inqas tajjeb. Imma int l-inbid it-tajjeb erfajtu sa issa”.

Dan li għamel Ġesù f’Kana tal-Galilija kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu. Bih wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih. (Ġw 2, 1-11)

2. Riflessjoni/talba: 

i. Sar tieġ f’Kana tal-Galilija, u omm Ġesù kienet hemm. Ġesù kien mistieden għat-tieġ hu wkoll flimkien mad-dixxipli tiegħu.

Fil-ħajja hemm l-istampa l-kbira

u hemm id-dettall

Hemm It-tieġ li jimmarka l-kalendarju tar-raħal – Kana

u hemm il-mistednin u dak li jġibu magħhom.

Hemm iż-żifna tal-miżżewġin il-ġodda

u l-ħidma minn wara l-kwinti li tagħmel iż-żifna possibbli.

Irrifletti:

  • X’hemm jiġri fis-skiet?

ii. Billi ma kienx fadal iżjed inbid, omm Ġesù qaltlu: “Ma għandhomx inbid”. U Ġesù qalilha: “X’hemm bejni u bejnek, mara? Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx”. Omm Ġesù qalet lill-qaddejja: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu”.

L-inbid spiċċa

iżda x’ser jiġri mhux ċar.

Omm Ġesù tinfurmah

iżda x’ser jagħmel mhux ċar.

Lill-qaddejja kellmithom

iżda x’ser jgħidilhom mhux ċar.

Xejn m’hu ċar, iżda xorta tagħmel il-pass:

taf li ż-żifna l-Mulej iridha.

.

Irrifletti

  • Fejn mistednin nagħmlu l-pass qabel ikollna kollox ċar?


iii. [Dak li jieħu ħsieb il-mejda]: Hu daq l-ilma mibdul fi nbid; u billi ma kienx jaf mnejn ġie, għalkemm il-qaddejja li ħadu mill-ilma kienu jafu, sejjaħ lill-għarus u qallu: “Kulħadd l-inbid it-tajjeb iservi l-ewwel; meta mbagħad ikun ħadhom iġibu dak li jkun inqas tajjeb. Imma int l-inbid it-tajjeb erfajtu sa issa”.

L-għarus ma jafx li spiċċa l-inbid

u dak li jieħu ħsieb il-mejda ma jafx mnejn ġie

Imma l-qaddejja jafu

li hemm min jibdel l-ilma f’inbid

li l-ħajja tibda miċ-ċokon

li Alla jkellem lill-umli

li s-sorpriża t’Alla tasal minn fejn ma tistennihiex

li ma’ Alla l-ewwel passi taż-żifna jibdew mill-qaddejja

li jagħmlu dak li jgħidilhom Hu.

Irrifletti

  • Fejn issorprendiek Alla?

3. Missierna

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading