QABEL AGĦTI RUĦEK LIL ĠESÙ
Inħaraq bix-xewqa li tagħti erwieħ lil Ġesù iżda l-ewwel aħseb li tagħtih tiegħek.
Minn Joe Galea
Meta San Domenico Savio mar għall-ewwel darba għand il-qassis qaddis Don Bosco, impressjona ruħu b’talba li kien hemm fuq karta mal-ħajt tal-kamra. Bil-Latin, li bil-Malti hi; “Agħtini l-erwieħ.” Meta ngħidu erwieħ, nifhmu persuni, nies. Bħal meta ngħidu, fil-Vanġelu tal-miraklu tal-ħobż u l-ħut: “kien hemm ħamest elef ruħ“.
Don Bosco kellu l-missjoni li jressaq lil ħafna nies lejn Ġesu’, fosthom tfal u żgħażagħ li hu ġabar mit-toroq ta’ Turin fl-Oratorju tiegħu. Don Bosco għadu jagħti erwieħ sal-lum lil Gesu’ b’tant saċerdoti tiegħu mad-dinja. Imma ma kienx jagħti erwieħ lil Ġesu’ kieku l-ewwel ma tahx lilu nnifsu. U dan jgħodd għal ħafna qaddisin u beati tal-Knisja li ddedikaw ħajjithom għal Alla. Kemm nisimgħu b’nies kuraġġjużi, mhux ‘il bogħod minn żmienna, li huma eżempji għalina lkoll.
X’eżempju ħallew il-Beatu Pier Giorgio Frassati, Santa Gianna Beretta Molla, u l-Beatu Carlo Acutis! Pier Giorgio Frassati kien żagħżugħ ħabrieki f’Għaqda Kattolika, impenja ruħu għal inizjattivi ta’ żvilupp soċjali u ta’ karita’ lejn il-foqra u l-morda. Miet qabel ma ggradwa, ta’ 24 sena. Il-ħajja tajba tiegħu tant ressqet nies lejn Ġesu’.
Gianna Beretta Molla hi qaddisa ta’ żmiena. Kienet tabiba speċjalista tat-tfal u membru tal-Azzjoni Kattolika. Omm ta’ 3 itfal u għażlet li tmut biex twelled lir-4 tarbija. Tat ħajjitha għat-tarbija. Il-Papa Ġwanni Pawlu II iddikjaraha qaddisa fl-2004 fil-preżenza ta’ żewġha u tal-4 itfal tagħha. Hi persuna oħra li tat ruħha għal Ġesu’ b’mod erojku. Kellha 40 sena.
Carlo Acutis, adolexxent li ħabb lil Ġesu’ bil-mod tiegħu, bi stejjer li kien iqiegħed fl-internet ta’ mirakli ewkaristiċi. Stil ta’ devozzjoni lejn l-Ewkaristija. Miet ta’ 16-il sena. Il-Papa Franġisku qal li Acutis hu eżempju għaż-żgħażagħ f’din id-dinja diġitali. Sar tant popolari mad-dinja. Se jiġi dikjarat qaddis f’din is-sena tal-Ġublew.
Dawn u ħafna oħrajn min jaf kemm ressqu nies lejn Ġesu’. Imma ma kinux jagħmlu hekk li kieku l-ewwel ma tawx qalbhom lil Ġesu’. F’Malta għandna wkoll lil Gilbert Simiana li bit-tbatija tiegħu ta xhieda tal-imħabba tiegħu lejn Ġesu’. Kien imur il-Museum tar-Rabat. Miet ta’ 15-il sena u ħalla eżempju sabiħ lil dawk li kienu jafuh u lil dawk li issa saru jafuh.
Jgħallmuna li kif jgħid San Ġorġ Preca innisslu fina xewqa li nagħtu erwieħ lil Ġesu, imma l-ewwel naħsbu biex nagħtuh lilna nfusna. It-tazza tagħna trid tkun mimlija. Inkella ma nistgħux ngħaddu lil Ġesu’ lill-oħrajn. Jista’ jiġri li fil-ħidma tagħna biex nagħmlu dan, tant inkunu mħabbtin li nittraskuraw l-essenzjal, it-talb, u forsi anke s-Sagramenti. U bil-mod naqgħu fi kriżi ta’ fidi, ta’ nuqqas ta’ tama u nitilfu kollox.
Nistgħu bil-mod il-mod naqgħu f’attiviżmu, li l-ħin kollu għaddejjin b’ħidma u ideat ġodda, norganizzaw bla nifs u nagħmlu affarijiet sbieħ, u ninsew l-għan ewlieni tagħna: “Kunu qaddisin”, jgħid il-Mulej, bħalma jien qaddis.”
Ikollna bżonn ftit brejkijiet, li ma nkunux marbutin ma’ rutina komda għalina, li nieqfu għal mumenti, naħsbu fuq ħajjitna, naħsbu fuq l-intenzjoni tagħna. Importanti wkoll ftit mistrieħ li jikkalmana minn entużjażmu żejjed li ma jħalliniex naħsbu.
Jekk ma jkunx hemm dan il-bilanċ fil-ħidma tagħna, kif jiġi l-kuntrarju, inċedu. Għalhekk dejjem inkunu preparati. U spiss neżaminaw ruħna: Għaliex qed inħabirku għal din il-kategorija ta’ nies. U għaliex le għal oħrajn? X’inhu li jimmotivana, l-imħabba lejn Ġesu’ jew għax nieħdu gost fl-appostolat tagħna tagħna?
Dan id-dixxerniment jgħinna biex inkomplu bix-xewqa li nagħtu erwieħ lil Ġesù iżda l-ewwel naħsbu li nagħtuh lilna nfusna.