(Fl-okkażjoni tal-Ħadd il-Kelma, fl-adorazzjoni ta’ din id-darba, lejn l-aħħar, żidna biċċa żgħira: jiġu preparati kwotazzjonijiet mill-Iskrittura Mqaddsa ġo ċestin ħdejn l-artal. U fl-aħħar parti, jitilgħu, jieħdu karta u tkun il-Kelma ta’ Alla li tkellem il-qalb. Din dejjem hija libera, u tista’ ma ssirx)
Ara kwotazzjonijiet mill-Iskrittura Mqaddsa (word format)
Ara kwotazzjonijiet mill-Iskrittura Mqaddsa (pdf format)
O Ġesù Maħbub, mill-Ewkaristija Mqaddsa, Inti ssejħilna biex nersqu lejk u nistrieħu ftit miegħek. Dan hu li qed nagħmlu bħalissa, Mulej. Ara, waqafna ftit minn kollox, minn dak kollu li konna qed nagħmlu, u ġejna hawn nistrieħu ftit miegħek. Iva, aħna nemmnu li Int, sa tagħtina il-mistrieħ tal-qalb u tal-moħħ, li tant għandna bżonn. (3 sek pawsa)
Mulej, qegħdin hawn miġburin f’ismek, bħala familja waħda, u qalb waħda, għax Int għidtilna: “Fejn tnejn jew tlieta jkunu miġburin f’ismi hemm inkun jien f’nofshom”. Dal-kliem jimliena bit-tama u bil-kuraġġ. Inti qiegħed hawn f’nofsna, qiegħed tismagħna, tarana, u tħoss kulma qed inħossu aħna. U għalhekk aħna nixxenqu u nitolbuk biex nibqgħu miegħek, għax “Int biss għandek il-Kliem tal-ħajja ta’ dejjem”.
Silenzju/background music 3 min
Innu: ____________
Qari mill-Evanġelju skond San Luqa Lq 1:1-4; 4:14-21
Bosta kienu dawk li ħadu f’idejhom ix-xogħol li jiġbru bl-ordni f’rakkont wieħed il-ġrajja li seħħew fostna, kif għaddewhom lilna dawk li sa mill-bidu rawhom b’għajnejhom stess u saru ministri tal-Kelma. Hekk ukoll jien, għażiż Teofilu, wara li bir-reqqa kollha qgħadt infittex it-tagħrif dwar kulma ġara sa mill-bidu nett, deherli li għandi niktiblek kollox ħaġa b’ħaġa, biex tagħraf sewwa l-verità sħiħa dwar kulma tgħallimt.
Jum wieħed, Ġesù, bil-qawwa tal-Ispirtu, reġa’ mar il-Galilija; u l-fama tiegħu xterdet ma’ dawk l-inħawi kollha, għax hu kien jgħallem fis-sinagogi tagħhom fost it-tifħir ta’ kulħadd. U ġie Nazaret fejn kien trabba. Daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien imdorri jagħmel nhar ta’ Sibt, u qam biex jaqra. Tawh f’idejh il-ktieb ta’ Iżaija l-profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej:
“L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,
għax hu kkonsagrani.
Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,
inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,
u d-dawl mill-ġdid lill-għomja,
irrodd il-ħelsien lill-maħqurin
u nxandar is-sena tal-grazzja tal-Mulej”.
Imbagħad raġa’ għalaq il-ktieb, tah lura lill-qaddej u qagħad bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu. U beda jgħidilhom: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu.”
Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla
Silenzju 1min
Ħsieb:
Fil-bidu tal-ministeru pubbliku tiegħu, Ġesù jinqeda bil-kelma tal-Profeta Isaija, biex jispjega l-missjoni tiegħu.
“L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,
għax hu kkonsagrani,
biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin.”
Permezz ta’ din is-silta, Ġesù juri lill-poplu, li huwa l-midluk ta’ Alla, li ġie, biex ixandar l-Aħbar it-Tajba. Din hija Aħbar li tagħmlilna l-ġid, u li tgħinna biex inkunu tassew ħielsa. L-Kelma ta’ Alla mhix xkiel f’ħajjitna, imma meta nilqgħu l-Kelma ta’ Alla u ngħixuha, tagħmel differenza kbira f’ħajjitna. (2 sek pawsa)
Fl-omelija tiegħu, Ġesù jistqarr bi ftit kliem, imma li jolqot il-qlub: “Li din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu”. Għalkemm il-Kelma ta’ Alla nkitbet eluf ta’ snin ilu, imma hija ħajja, tmiss, u tibdel il-qalb tagħna anke llum.
Kemm jien midħla tal-Kelma ta’ Alla? (3 sek pawsa)
Kemm qiegħed inħalli lil Alla jkellem lil qalbi, permezz tal-Kelma tiegħu? (3 sek pawsa)
Ejjew nitolbuh lill-Mulej, biex jgħinna nilqgħu l-Kelma tiegħu f’ħajjitna, ħalli ħajjitna tkun tassew ħielsa.
Silenzju 2 min
Waħda mill-affarijiet sbieħ fil-ħajja, hija li tkompli titgħallem; li tkompli tirsisti biex tkun taf, u biex ikollok it-tagħrif. Jekk ma nagħmlux hekk nistaġnaw. Din tgħodd fil-ħajja tal-fidi nisranija tagħna. Jekk aħna f’mument minnhom ngħidu li tgħallimna biżżejjed, li nafu kollox, inkunu żbaljati; għaliex hemm bżonn li nkomplu nikbru fit-tagħlim tul ħajjitna kollha.
Fil-bidu tal-Evanġelju tiegħu, San Luqa jurina eżempju sabiħ ta’ dan. San Luqa ma kienx wieħed minn dawk li kienu midħla ta’ Ġesù, jew li kienu jiġru miegħu. Imma meta sema’ bih, flok sempliċiment qagħad fuq dak li sema’, mar fittex bir-reqqa, staqsa, iltaqa’ ma’ min kien jaf lil Ġesù sewwa; u bis-saħħa ta’ hekk sar jaf iktar it-tagħlim tiegħu, daħal fil-fond, u seta’ jwassal l-Evanġelju tiegħu. (3 sek pawsa)
Għalhekk, fuq tħeġġiġa tal-Papa Franġisku, nhar il-Ħadd, huwa ddedikat bħala l-Ħadd tal-Kelma ta’ Alla. L-Knisja tfakkarna fl-importanza tal-Kelma ta’ Alla, fil-ħajja tagħna nisranija. Il-fidi tagħna tista’ tikber biss, jekk nikbru fis-smigħ kontinwu tal-Kelma ta’ Alla. Kelma li ddawwalna, Kelma li tmiss il-qalb tagħna u tikkonvertina; imma hi Kelma li verament tagħtina l-ħajja vera. (3 sek pawsa)
(Din il-parti ssir jekk ikun se jsir l-eżerċizzju tal-kwotazzjoni mill-Iskrittura Mqaddsa)
Il-Mulej għandu kelma għal kull wieħed u kull waħda minna. Fin-nofs ħa jkun hemm ċestin b’diversi karti b’kwotazzjoni mill-Bibbja. Ejjew nersqu u nieħdu waħda u mmorru f’postna naqrawha bil-kwiet, u naraw Alla x’inhu jgħidli permezz tal-Kelma Tiegħu. Dik il-kwotazzjoni mill-Bibbja, tajjeb li nżommuha, ħalli tkun il-Kelma t’Alla li ddawwalna.
Kant: ________________(Waqt li jkunu qed jitilgħu jieħdu l-kwotazzjoni)
Ejjew f’dan il-ħin, inħallu lil Ġesù jkellimna permezz tal-Kelma Tiegħu.
Silenzju/ soft background music 4 min
Talbiet tal-Komunitá
Ejjew issa nressqu t-talbiet tagħna lil Alla, b’fiduċja kbira fl-imħabba tiegħu għalina.
Nitolbuk Missier Qaddis, biex l-Insara, membri ta’ Knejjes mifrudin minn xulxin, jersqu aktar lejn xulxin biex jaħdmu għall-għaqda li Int trid tara bejnietna. Nitolbu.
Nitolbuk Missier Qaddis, għal dawk kollha li tajthom missjoni fost il-poplu tiegħek, biex jikkordinaw il-ħafna ħidmiet biex jinġiebu ‘l quddiem tant sforzi biex il-Knejjes mifrudin ifittxu dak li jgħaqqadhom. Nitolbu.
Nitolbu, Mulej, għall-grazzja li naħdmu flimkien ma’ ħutna Nsara ta’ Knejjes oħra, biex inwasslu l-paċi kulfejn inkunu. Nitolbu.
Nitolbuk Mulej, għall-popli li qed isofru l-ġuħ u l-faqar, biex tasal għandhom l-għajnuna li għandhom bżonn. Nitolbu.
Nitolbuk Mulej, biex bħala Nsara, naħdmu flimkien, ħa noħoġu u nersqu lejn dawk li huma ‘l bogħod minnek. Nitolbu.
Nitolbu Mulej, f’din il-ġimgħa ta’ talb għall-għaqda fost l-Insara biex flimkien nagħrfu ngħinu lil ħutna li qed ibatu f’żoni ta’ kunflitt. Nitolbu.
Ejjew issa nagħmlu t-talba personali tagħna.
Tingħata l-Barka Sagramentali: