Nhar is-Sibt 1 ta’ Lulju 2023 il-Knisja f’Malta ċċelebrat it-tifkira tal-Beatu Nazju Falzon. Bħal kull sena din it-tifkira hi ħelwa imma, u fl-istess ħin, qawwija ħafna. Jekk noqgħodu nixtarruha ftit tgħidx kemm tagħmel sens għaż-żminijiet li fihom qed ngħixu.
Ħjiel fuq ħajtu
Min hu dan il-Belti tal-Beltin u l-Malti tal-Maltin? Nazju Falzon kien iben l-Imħallef Giuseppe Francesco Falzon u Maria Teresa née Debono. Twieled fil-Belt Valletta nhar l-1 ta’ Lulju 1813. Ħutu kienu l-Monsinjur Francesco Falzon-Debono, Dun Calcedonio u Antonio li kien avukat.
Il-qawl Malti jgħid li x-xemx minn filgħodu turik x’ġej. U tassew l-għaliex, sa minn meta kien għadu daqs naqra, iċ-ċkejken Nazju letteralment kien jimpressjona lil kulħadd bil-ħlewwa u l-ġenerożità kbira li biha kienet mimlija qalbu. Kemm kien jitlob minn qalbu u għall-qalbu kemm fil-knejjes u kif ukoll fil-kappella privata tal-familja. Nazju kien jattendi bi ħġaru għall-klassi tal-katekiżmu f’żewġ knejjes fil-Belt Valletta. Irċieva s-sagrament tal-konfirmazzjoni nhar it-3 t’Awwissu tal-1822.
Kien missieru, l-Imħallef Giuseppe Francesco Falzon, li ħajru kemm felaħ biex jibda’ it-triq tal-liġi. Għalhekk, misjuq mit-tħeġġiġ ta’ missieru, Nazju daħal l-università u ggradwa b’suċċess kbir fil-liġi ċivili u dik kanonika fis-sena 1833. Madankollu, anki jekk kien ibbrilla fil-kors f’ħajtu qatt ma pprattika ta’ avukat.
Is-sitwazzjoni ta’ Malta f’dawk iż-żminijiet rat influss kbir ta’ suldati Ingliżi li kienu ġejjin f’Malta biex jieħdu sehem fil-Gwerra tal-Krimea. Kien għalhekk li Nazju ħass il-bżonn li jibda’ jitgħallem sewwa l-Ilsien Ingliż bil-għan li jkun jista’ jikkomunika ma’ dawn is-suldati u n-nies tas-servizzi Ingliżi. Nhar il-21 ta’ Diċembru tal-1828 libes il-libsa ta’ kjeriku u, tlett snin wara, irċieva l-ordnijiet minuri fil-mixja lejn is-saċerdozju. Tajjeb ngħidu li Nazju, bħala terzjarju Franġiskan, seħħlu li, fuq l-eżempju ta’ Missieru u Missierna San Franġisk, ma jissuktax it-triq li kellha twasslu għas-saċerdozju mqaddes. Dan l-għaliex quddiem il-Mulej ma ħassux dehen li jirċievi s-sagrament daqshekk kbir tal-ordni sagri.
Il-ħajja ta’ Nazju kienet mgħaddsa fit-talb. Biżżejjed ngħidu li kien jattendi għall-quddiesa kuljum. Fiha kien jirċievi l-Ewkaristija Mqaddsa. Nazju kellu mħabba kbira lejn Ommna Marija u San Ġużepp. Kif nafu, hu kien wieħed mill-benefatturi l-kbar tal-Knisja ddedikata lil San Ġużepp fl-Imsida.
It-talb aktar fetaħ il-qalb ta’ Nazju lejn il-foqra li, f’dawk iż-żminijiet, tassew li kienu ħafna fostna. Fil-fatt, imħabbtu lejhom kienet mingħajr limiti. X’ma għamilx għall-foqra t-twajjeb Nazju! Minbarra li kien jgħinhom b’ġenerożità liema bħala, Nazju kien ukoll jagħtihom is-servizzi tiegħu ta’ avukat mingħajr ħlas.
Il-Mulej dejjem jaħdem fil-qafas tal-istorja tagħna l-bnedmin. Għalhekk, f’Malta ta’ dawk iż-żminijiet inħasset ħtieġa kbira tat-tagħlim tal-Fidi Nisranija. Hawn joħroġ l-eżempju mill-isbaħ ta’ Nazju li ngħata kollu kemm hu għal din il-missjoni daqshekk nobbli, jiġifieri dik li jgħallem il-katekiżmu. Kemm ħadem Nazju f’din l-għalqa tal-Mulej. Minbarra li kien jgħallem il-katekiżmu lit-tfal kien ukoll iħejji s-suldati u l-baħħara Ingliżi biex jirċievu l-magħmudija. Għall-bidu kien jgħallimhom f’daru. Meta n-numru beda jiżdied sewwa nħasset il-ħtieġa li jmur f’post akbar u aktar ċentrali bil-għan li jilqa’ aktar u aktar nies. Nazju ngħata l-knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt Valletta biex ikun jista’ jiżvolġi din il-missjoni kateketika tiegħu. L-istorja tiegħu tgħidilna li Nazju ħejja minn tal-inqas 650 persuna Protestanta biex jirċievu s-sagrament tal-magħmudija. Huwa kien jorganizza wkoll gruppi ta’ talb għan-nies tas-servizzi li kienu Kattoliċi qabel ma’ dawn kienu jħallu xtutna biex imorru jiġġieldu fil-Gwerra tal-Krimea. In-nies tas-servizzi lil Nazju kienu jafdawlu l-ħwejjeġ għeżież għalihom biex jibgħathom lill-maħbubin tagħhom f’każ li jmutu fil-konflitt imdemmi tal-gwerra.
L-esperjenza kateketika ta’ Nazju wasslietu biex jikteb u jippubblika ktieb tat-talb bit-titlu: The Comfort of the Christian Soul (Il-Faraġ tar-Ruħ Nisranija). Dan il-ktieb kitbu sewwa sew għan-nies tas-servizzi li kien jieħu ħsieb. Barra minhekk, biex aktar isaħħaħ il-missjoni li kien qed iwettaq fosthom, Nazju seħħlu jġib kotba reliġjużi mill-Ingilterra u jqassamhom qalb is-suldati u l-baħħara Ingliżi.
Minħabba li saħħtu ma kinitx mill-gwappi tant li, minn żmien għall-ieħor, mhux l-ewwel darba li kien isoffri xi attakk tal-qalb, Nazju miet f’jum għeluq snienu, nhar l-1 ta’ Lulju 1865 fl-età żgħira ta’ 52 sena. Il-kawża tal-mewt kienet attakk f’qalbu. Nazju ġie midfun fil-Knisja ta’ Ġieżu fil-Belt Valletta.
Il-proċess tal-beatifikazzjoni tiegħu
Kien nhar it-23 t’Ottubru tal-1987 meta l-mibki Papa San Ġwann Pawlu II, permezz ta’ digriet apposta li kien ħareġ għall-okkażjoni, kien iddikjara li Nazju Falzon tabilħaqq kien għex il-virtujiet teologali (jiġifieri l-fidi, it-tama u l-imħabba) u l-virtujiet kardinali (jiġifieri l-għaqal, il-ġustizzja, il-qawwa u l-qjies) b’mod erojku. Nhar id-9 t’April 2001 il-fdalijiet tiegħu ġew eżumati u ttrasportati għall-kunvent tal-Patrijiet Franġiskani Minuri fil-Belt Valletta. Tajjeb ngħidu wkoll li l-ġisem ta’ Nazju Falzon kien eżumat mill-anqas f’żewġ okkażjonijiet oħra, jiġifieri fl-1869 u fl-1952 meta l-arċidjoċeżi ta’ Malta kienet bdiet il-proċess tal-beatifikazzjoni tiegħu. Il-fdalijiet ta’ Nazju Falzon kienu mpoġġija taħt altar fil-knisja ta’ Ċejlu fil-Belt Valletta.
Fl-1981 niltaqgħu mal-każ tal-fejqan straordinarju ta’ Anthony Gambin. Anthony kien operat minħabba tumur serju li kien sofra. It-tobba kienu tal-fehma li kien se jmut. Kif sar jaf b’dan Anthony talab bil-ħerqa lil Nazju Falzon biex jitlob għall-fejqan tiegħu. Għalkemm ħareġ mill-isptar b’ras daqshiex bl-inkwiet li kellu. Madankollu, u għal raġuni li ma tistax tfissirha bil-kliem, saħħet Anthony bdiet ġejja dejjem għall-aħjar. U dan seħħ meta ma kienx qed jirċievi t-trattament tal-kimoterapija.
Meta dan il-każ tressaq lill-Kongregazzjoni tal-Kawżi tal-Qaddisin, wara li kien studjat bir-reqqa kollha, ġie deċiż li kien it-talb ta’ Nazju Falzon li wassal biex Anthony Gambin jiġi mfejjaq. Esperti mediċi li eżaminaw sewwa l-każ iddikjaraw li ma kien hemm l-ebda spjegazzjoni medika għall-fejqan ta’ Gambin. Anthony miet nhar il-15 ta’ Frar 2021, eżattament daqs 40 sena wara li ġie mitqal lilu li kien fadallu biss jiem biex jgħix.
Kien nhar l-24 t’April 2001 li d-digriet tal-beatifikazzjoni ta’ Nazju kien ippubblikat. Nhar id-9 ta’ Mejju 2001 Papa San Ġwann Pawlu II ibbeatifikah flimkien ma’ San Ġorġ Preca u l-Beata Maria Adeodata Pisani fuq il-Fossos tal-Furjana.
Id-deskrizzjoni ta’ Nazju minn Papa San Ġwann Pawlu II
Fl-omelija tal-beatifikazzjoni ta’ Nazju l-Papa San Ġwann Pawlu II iddeskrivieh hekk:
Injazju Falzon xorob il-qawwa u l-ispirazzjoni tiegħu mill-Ewkaristija, mit-talb quddiem it-Tabernaklu, mid-devozzjoni lejn Marija u r-Rużarju, u mill-imitazzjoni ta’ San Ġużepp. Dawn huma egħjun tal-grazzja li minnhom kull Nisrani jista’ jixrob. Il-qdusija u l-ħeġġa għas-Saltna ta’ Alla jwardu speċjalment fejn il-parroċċi u l-komunitajiet iħeġġu għat-talba u għad-devozzjoni lejn Ġesu’ Ewkaristija. Inħeġġiġkom, għalhekk, biex tgħożżu t-tradizzjonijiet maltin tagħkom ta’ devozzjoni, waqt li ssafuhom fejn meħtieġ u tqawwuhom b’tagħlim u katekeżi sodi. M’hemmx mod aħjar kif tistgħu tqimu t-tifkira tal-Beatu Nazju Falzon.
Int imsejjaħ u msejħa tkun bħall-Beatu Nazju
Int ukoll tista’ tissokta l-ħidma mprezzabbli li wettaq l-Beatu Nazju f’Malta tallum. Meta tinforma ruħek fuq il-fidi bħal meta tistudja minn fuq il-website LAIKOS, il-Vatican News, My Catholic Life, Radju Marija u l-bqija tkun qed taħżen ħafna għerf tal-Mulej. Imbagħad meta tgħin lil min hu fil-bżonn bl-għaqal, bil-ġenerożità u bil-ħlewwa, kemm jekk ikunu Maltin, Għawdxin u anki barranin li hawn jgħixu fostna, tkun qed tlaħħam dak li tgħallimt. Ibqa’ tkellem ma’ kulħadd, Maltin, Għawdxin u barranin u aqsam magħhom il-ġmiel tal-fidi Nisranija Kattolika tiegħek.
Nies bħall-Beatu Nazju Falzon iħobbu l-ħajja umana u jħarsuha mit-twelid sat-tmiem naturali tagħha. Kun wieħed u waħda minnhom u għin lill-awtoritajiet jimxu dejjem f’din id-direzzjoni qaddisa. Filwaqt li nirringrazzja lill-membri parlamentari tagħna li huma favur il-ħajja umana f’kull stadju tagħha nħeġġek tgħinhom jippromovu l-ħajja billi fuq il-Facebook u l-midja soċjali tibqa’ tapprezzaha u tiddefendieha u tħajjar lil ħaddieħor japprezzaha u jiddefendieha bħalek.
Kemm hawn bżonnok Nazju f’Malta tagħna tallum!
Patri Mario Attard OFM Cap