Għadni kemm, għall-grazzj tal-Mulej, skorrejt il-ħamsin u dieħel sewwa fil-wieħed u ħamsin. Meta naqbad dan is-suġġett ħafna jintefgħu jgħiduli kważi f’kantaliena waħda: Kemm għadek żgħir!
Din ta’ kemm għadek żgħir! ma toġgħobnix! Veru li minn barra nidher żgħir jew għadni l-istess. Imma, minn ġewwa, minix le l-istess. Tant hu hekk li aqta’ kemm inħossni li nbdilt. Ta’ ġewwa dejjem ta’ ġewwa. U jien miegħi nnifsi nkun. Minn hemm nitgħallem li l-kedded tal-inkwiet, bħalma wkoll il-mewġiet ta’ ferħ, ilkoll minn ġewwa noħduhom. M’hawn l-ebda ferħ li jiġi minn barra.
Dan ngħiduh fit-taħdit tagħna, li xi kultant jieħu wkoll forma ta’ swied il-qalb l-għaliex kulħadd għandu qalb. Kemm sirna materjalisti, nilmentaw. U, ngħid jien, x’irridu ngħidu b’daqshekk jekk mhux għax imnikktin bil-qabda li ħajjitna sirna niffokawha fuq l-affarijiet li jlelxu. Jaħasra, bħal dawk it-tfal ta’ tlettax u erbatax-il sena donna qed naħsbu li fil-ħajja aktar ma nidhru sbieħ aktar se niġu milqugħa mill-oħrajn. Imma jien l-għaliex għandi nissodisfa xi kriterji biex ħaddieħor jilqagħni? L-għaliex m’għandix inkun jien? Fi kliem ieħor, xi problema hemm u teżiżti għax inkun jien?
Problema
Aktar mhu l-Mulej qed jagħtini l-grazzja nikber aktar qed nintebaħ kemm qed ninsa. Mhux l-ewwel darba li jkolli xi biċċa xogħol importanti fuq il-computer u ninsa nittrasferieha għall- email tiegħi biex nissokta naħdem fuqha minn xi mkien ieħor. U meta dan iseħħ xi nħoss? Delużjoni kbira u totali! Inħossni qed nirrabja miegħi nnifsi. Ikun bil-grazzja tal-Mulej li ma nagħtix xi marċ warrab wiċċek lili nnifsi!
Din li ninsa ddejjaqni. Kemm ikun irrid li niftakar f’kollox ħuti u li ma jaħrabli xejn! Ovvjament, dan nagħmlu mhux biex ikolli xi kontroll bħal control freaks tafux! Aktar mal-Mulej qed jagħtini grazzja li nikber fiż-żmien aktar qed inħoss il-bżonn li ngħix, kemm jista’ ikun, fil-paċi. Għax x’hawn isbaħ mill-paċi ħuti? Madankollu ma nieħux gost meta xi ħaġa ma tmurx kif ippjanajtha. U, aktar u aktar, meta nkun insejtha.
Xi kultant tabilħaqq niskanta kif xi ħaġa tkun ħarġet minn rasi. Fil-verità tkun ħarbet ħarba papali minni! U ma tiġix lura kif ġieb u laħaq! Imma dan xi jfisser? Li hemm is-sintomi tax-xjuħija. X’uħud, meta jisimgħu din il-kelma aqta’ kif jaqbadhom ferħ ta’ ġenn! Għax, fil-computer ta’ moħħhom, jiġihom il-ħsieb iebes u qares kemm tridu tal-iżmagar! Minn irid jiżmaga? U x’dinjità hemm f’li wieħed ikun u jgħix ta’ żmagat? X’responsabbiltà jibqagħlu fuqu nnifsu bniedem żmagat? Inħalli għalikom biex taħsbu. Imma anki jekk dan iseħħ ma jfissirx li għandek toqtlu bl-ewtanasja. Kull bniedem għandu d-dritt li jgħix għax il-ħajja f’idejn il-Mulej waħdu u huwa hu li jiddeċiedi meta din tirritorna għandu. U la jien, int u ħadd.
Barra issa minn din il-linja mportantissma u ċara kristall: jien ninsa. U dan il-fatt mhux l-ewwel darba li nikkittni mhux ftit. Madankollu, wara li tgħaddhieli l-mewġa tan-niket f’qalbi, quddiem għajnejja jibdew jinfetħuli orizzonti ġodda ta’ tifsir għal ħajti.
Opportunità
U hawn tippreżenta ruħha l-imbierka opportunità dwar il-fatt li qed ninsa. Xi snin ilu xi wħud kienu ssuġġerewli li nikteb fuq biċċa karta dak li għandi nagħmel. Ġieli għamiltha u ħadmet. Imma, l-esperjenza tal-ħajja, b’għaqal kbir għallmittni li din hi l-ewwel parti tal-istorja. Jonqos it-tieni parti tagħha: Kemm għandi saħħa nwettaq dak kollu li ppjanajt li nwettaq.
Biż-żmien u bl-esperjenza tal-ħajja l-Ispirtu s-Santu qed jgħallimni li anki l-moħħ għandu l-istonku tiegħu. Anzi, xi stonku għandu l-moħħ! Biżżejjed naraw l-eċċessi li ġieli nidħlu fihom fil-ħajja u li xejn ma jagħmlulna ġid u wisq aktar ġieħ. Eċċess diżażtruż hu dak tax-xeħħa. Kemm hawn min hu xħiħ u xħiħa. Hawn min lest li jbiegħ l-għażiż missieru u lill- għażiża ommu basta jiggwadanja minn fuqhom. U dan l-għaliex? Kemm se ngħixu? X’ħa nagħmlu b’dawk il-flus kollha? Mela xi stonku, biex ma ngħidx ukoll x’qalb taż-żonqor irid ikollok, biex lil ommok u lil missierek tqishom fondi biex minnhom terda flus bir-radam?
Lil hinn minn din is-sitwazzjoni tassew iebsa u tal-biża tippreżenta quddiem wiċċna orizzont ta’ tama: Insejt biex niftakar! Kif? Mela n-nar u l-ilma jmorru flimkien? F’dan il-każ mhux li jmorru flimkien imma allaħares jekk ma jmorrux ‘il quddiem u ma jimxux id f’id flimkien! Inkella diżażtri jkollna! Meta ninsa xi ħaġa dritt għid li se tqum opportunità ġdida. Int immaġina jekk ninsa, allaħares qatt, il-passaport. X’ħa nagħmel mingħajru? Fejn se mmur? L-aktar jekk il-ħin jibda’ jagħmel tiegħu u l-ajruplan jibda’ jħabbat saqajh l-għaliex ikun irid itir. Ħeqq! Ma jkollux lili biss fuqu hux! U ejja ma ninsewx li sidienu, li jridu jagħmlu balla profitti fi profitti minn fuq dahru, l-aktar wara d-daqqa taħt iċ-ċintorin li l-ekonomija dinjija ħadet bil-covid-19, moħħhom hu li dan l-imbierek ta’ ajruplan itir, itir u jtir basta nġibu naqra dak li tlifna.
X’ma nagħmlux hux f’dawk iċ-ċirkustanzi? Liema alternattivi nużaw? Għax min minna jrid jitlef safra? L-aktar jekk dik is-safra nkunu ilna nħejju għaliha minn tant żmien qabel tant li narawha bħala l-punt tas-salvazzjoni tagħna?
Dan l-eżempju sempliċi imma rejali jurina li f’waqt ta’ kriżi għid li jew ningħalqu fina nfusna inkella ninfetħu aktar għall-possibiltajiet biex dik il-problema nsolvuha. Jew almenu jekk ma nsolvuhiex nieħdu tagħlima kbira li fil-ħajja hemm ħwejjeġ li jiġu qabel oħrajn. Naf. Ġieli l-pressjoni li jkollna f’ħajjitna ġġagħlna nagħmlu tratti tal-imġienen għax twassalna f’punt fejn naqilbu l-ordni tal-prijoritajiet. Hekk, dak li jiġi l-ewwel jaf jispiċċa fl-aħħar u dak li m’għandux importanza jaf joħdilna l-ħin prezzjuż li jkollna għad-diżpożizzjoni tagħna fil-mument, jaħlihulna u jħallina lampa stampa.
Niftakru fl-essenzjal
Kull kriżi fil-ħajja, inkluż dik meta ninsew, turina kemm għandna nkunu responsabbli f’li niftakru f’dak li jibqa’ għal dejjem. Dan hu mportantissmu u kemm nagħmlu tajjeb fuq li tajjeb li naħsbu fuqu ta’ spiss. Kemm nieħu gost meta l-Mulej ilaqqagħni ma’ nies li, wara tant preparazzjoni, jiġu u jagħmlulek qrara tassew sabiħa għax sinċiera. Minn qabel jgħidulek: Meta nkun lest u lesta niġi. Inkella jgħidulek: Ħalli l-ewwel nipprepara ruħi sewwa.
U tarahom jieħdu din l-opportunità li l-Mulej ikun qed joffrilhom fis-santwarju taż-żmien li jippreparaw ruħhom sewwa ħalli jagħmlu qrara tajba. U l-qrara tiġi l-għaliex tassew ikunu jridu li l-memorja tagħhom ma tibqax aktar vittma ta’ gwerra tal-memorja biex jiftakru x’għandu jiġi l-ewwel, it-tieni, it-tielet u l-bqija. Le. Moħħhom u qalbhom ikunu fil-fatt li l-memorja tagħhom tiġi pplakkjata mal-MEMORJA vera, li hi L-ISPIRTU S-SANTU. Li, fi kliem Ġesù nnifsu fil-vanġelu skont San Ġwann, hu Dak li jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom (Ġw 14:26).
Tgħid għandna bżonn nitgħallmu jew aħjar niġu mgħallma dak li għandna nitgħallmu u niftakru ħuti? Għandna bżonn lil xi ħadd li jfakkarna f’dak li għandna niftakru? F’kelma waħda, għandna bżonn li niftakru fl-essenzjal? L-esperjenzi ta’ ħajjitna jitħaddtu waħedhom. It-tumakki kulħadd joħodhom. U l-barka f’dawn it-tumakki dejjem tkun: Reġġagħna għal li konna, Alla ta’ l-eżerċti; itfa’ fuqna d-dija ta’ wiċċek, u nkunu salvi (S 80:4). Mhux ta’ b’xejn ħuti li l-istess frażi nsibuha ripetuta mhux anqas minn tlett darbiet fis-Salm 80 (S 80:4. 8. 20) daqskemm hi meħtieġa!
Triqtna ‘l quddiem
Fid-dawl ta’ dan kollu nħoss li għandi nitlob lill-Ispirtu s-Santu din it-talba: Spirtu s-Santu fakkarni f’dak li tara li għalija hu mportanti li niftakar u nessini f‘dak li mhux ta’ ġid għalija li niftakar. Amen.
U l-istorja … tkompli …
Patri Mario Attard OFM Cap