Nhar il-Ħadd 30 t’April 2023 il-Mulej ħadni sal-Korsa tal-Marsa. L-avveniment kien dak annwali: it-tazza ta’ San Franġisk.
Hawnhekk nixtieq minn qalbi nieħu l-opportunità biex niżżi ħajr lill-Mulej, b’qalbi kollha, għall-kumitat tal-Malta Racing Club li stednuni nippreżenta t-tazza ta’ San Franġisk. San Franġisk! Ara dan ukoll! Ma baqax imsakkar fil-ħabs tal-kunvent ċkejken imma ħareġ fil-veru kunvent li eżiżta u qatt jista’ jeżiżti, id-dinja! Mhux ta’ b’xejn mela li Papa Franġisku, li jġib l-isem tal-Patrijarka u l-Fqajjar t’Assisi, qed jgħidilna, speċjalment lilna l-Franġiskani: Oħorġu! Oħorġu! Oħorġu minn dak il-kunvent u kunu viċin tan-nies!
U dan hu li qed nipprova nagħmel, dejjem fil-faqar u d-dnub tiegħi għax jien inzertajt bniedem bħalek: li noħroġ fil-kunvent tad-dinja! U noħroġ ferħan u b’wiċċi għad-dawl! Għax xejn u proprju xejn m’għandu xi jnikkittni! Ma nistax inkun imnikket meta nħalli lill-Mulej joħodni ħdejn il-poplu għażiż tiegħu. Liema poplu, għax hu ħaj, jitferrex. U jaf imur kullimkien. Inkluż fil-Korsa tal-Marsa. Bil-ħaqq għax jien hekk imsejjaħ li nkun ta’ Kapuċċin, il-patri tal-poplu, il frate del popolo. U jekk ma ngħidux jien, li jien Kapuċċin, min se jgħidu f’ismi dan id-diskors?
Storja twila
L-istorja tal-inżul tiegħi fil-Korsa tal-Marsa hi waħda tassew twila. Fil-fatt tmur lura sa meta kont għadni daqxejn ta’ ħanex. Niftakar familja partikulari f’San Ġwann li kienet toqgħod it-triq tagħna u li kellha żiemel li, għal dawk iż-żminijiet, kien iġagħlna noħolmu. Kien żiemel li ma nafx minfejn inqala’ u kien jinqala’ fit-tiġrija. L-aktar fid-dritta finali! U, ta’ champion li kien, kien jagħmel tiġrija isbaħ minn oħra.
Tlett darbiet kien ġie fil-final tat-Tazza l-Kbira. U, meta kien saqu l-ġerrej Franċiż, tafu li kien rebaħha. Kemm fraħna dakinnhar! U fraħna qisu kien l-istess żiemel tagħna. Għax aħna, hemm fuq, l-Imsieraħ, f’dawk iż-żminijiet, konna qisna familja. U kien sewwa sew dan l-ispirtu ta’ familja li jien xrobt u li għandi jiġri mal-vini tiegħi. Kienu dawn il-valuri li ma jmutu qatt ta’ nies li jħossu għal min qed ibati li jien ħaddant b’qalbi kollha. U huma dawn il-valuri li għandi u jfuru minn qalbi. Dawn in-nies lili għallmuni kif tkun Patri Kapuċċin. Għax dawn in-nies, bis-sempliċità tagħhom, għallmuni xi tfisser tkun ħu għal min qed ibati.
Għalhekk, kull darba li ninżel il-korsa taż-żwiemel fil-Marsa huma dawn it-tifkiriet tan-nies tar-remissa li jiġu f’qalbi. Għal dan il-fatt lill-għażiż missieri nibqa’ nirringrazzjah u napprezzah għall-eternità. Kemm ħabbni! Daqskemm ma niżżix ħajr ukoll lill-għeżież zijiet tiegħi li, bil-mod tagħhom, ħabbewni ħafna huma ukoll. Kif jafu imma dejjem b’dik l-imħabba u ġenerożità kbira.
Storja li baqgħet għaddejja
Din l-istorja kellha l-mument fejn ħadet mistrieħ ukoll. Mhux għax qatt kellha, fil-verità, tieħu l-mistrieħ jew titwaqqaf. Safejn naf jien l-imħabba ma tieħux break. Inkella ssir stake.L-imħabba ġiet maħluqa biex tibqa’ għal dejjem. Imma ċ-ċirkustanzi ta’ ħajti kienu issa tbiddlu. Insomma, kelli ninqata’ minn dan l-ambjent b’saħħtu u ta’ kuraġġ biex nidħol fl-ambjent reliġjuż, bil-ferħat u l-weġgħat, bil-verità u l-ipokreżija tiegħu.
Biss il-Mulej, li kien beda din l-opra tajba fija permezz tal-korsa taż-żwiemel u ta’ dawk kollha nvoluti fiha, issokta jibnini biex jerġa’ joħodni fiha. Wara l-attakk ta’ qalb li ġarrabt nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Mejju 2012 u li kien kważi ħallieni tal-post, fil-konvalixxenza tiegħi l-Mulej issokta jkellimni biż-żiemel Général du Pommeau.
Il-clip tiegħu fuq You Tube, bit-titlu: Général du Pommeau YouTube,lili bih il-Mulej qalli bosta xorti. Biss biss reġa’ ħadni għal dak il-ferħ kbir li kont inħoss kull darba li kont ninżel il-korsa taż-żwiemel mal-għażiż missieri u maz-zijiet. U wara t-tiġrijiet meta konna mmorru r-remissa ta’ dawk ta’ ħdejna biex nifirħu magħhom l-għaliex iż-żiemel ikun rebaħ.
Min hu dilettant sewwa taż-żwiemel mill-ewwel jgħidlek li Général du Pommeau kien żiemel qalbu tajba. Dak li kellu kien jagħtihulek kollu. Il-ġirja qawwija, ħafifa u ġeneruża tiegħu turi l-qalb kbira li kellu. U meta s-sewwieq tiegħu, il-mibki Jules Lepennetier, kien jitlaqlu r-riedni ħallih lill-Général jiġri u jlebbet sakemm jirbaħ. Għid lil Varenne miskin x’kedda keddun tah meta rebaħlu l-Prix d’Amerique tas-sena 2000. Fid-dritta finali l-Général letteralment sploda. Jew kif ngħidu bil-Franċiż: l’ange prendre son envol…, jiġifieri l-anġlu jtir. L-isprint tiegħu kien fenomenali. U illum, lill-għażiż Général,nirringrazzjah minn qalbi għax bih il-Mulej għallimni din it-tagħlima ferm importanti fil-ħajja: Mal-Mulej letteralment intiru fil-korsa tal-ħajja ta’ ruħna, aktar u aktar meta nkunu ġenerużi, ningħataw u nuru ħniena! Eżatt mela bħalma għamel il-qalbieni u ta’ qalbu f’idu l-Général!
Ilkoll qegħdin f’korsa waħda niġru
Jiena u naħseb f’dan il-fatt qed jiġi f’qalbi l-passaġġ tassew sabiħ mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin li jgħid hekk: Ma tafux li l-ġerrejja fl-istadju kollha jiġru, imma l-premju wieħed jirbħu? Iġru, mela, ħalli tirbħuh. Kull atleta jiċċaħħad minn kollox, u dawn biex jirbħu kuruna midbiela, imma aħna, waħda li ma tidbielx. Jien issa hekk niġri, mhux qisni bl-addoċċ; ma nissarax bħallikieku qiegħed nagħti fil-vojt. Iżda ngħakkes bl-aħrax lil ġismi u njassru, biex ma jiġrilix li, wara li nkun ippridkajt lil ħaddieħor, jiena stess insib ruħi kkundannat (1 Kor 9:24-27).
Iwa sieħbi! Int u jien, bħaż-żwiemel, qed niġru. U ilkoll qed niġru għall-premju wieħed: dak tal-ħajja ta’ dejjem. Ejja niġru bħaż-żwiemel ħa naslu lkoll fuq il-ġister għal fuq il-podju tar-rebbieħa. Bħaż-żwiemel aħna atleti wkoll. Ilkoll kemm aħna għandna bżonn nagħmlu l-galoppi tagħna, nittrenjaw u nieklu ikel li jagħmlilna l-ġid. Ilkoll kemm aħna għandna bżonn niċċaħdu minn dawk l-għemejjel li lilna jfarkuna. U dan nagħmluh biex nieħdu l-premju tal-ħajja ta’ dejjem.
Niftakru f’San Franġisk
Imma dan kif se nagħmluh? U hawn għandna t-Talba ferm sabiħa u li hi attribwita lil San Franġisk t’Assisi, li għalih inġriet id-disa’ tiġrija tal-għaxar edizzjoni tal-finali tal-Ħadd 30 t’April 2023. Ma tagħmilli l-ebda differenza jekk din, b’mod “xjentifiku” jew “skolastiku”, kitibiex hu jew le. Ċertu paroli fil-vojt, anki fid-dinja akkamedika, sar idardarli l-istonku tiegħi. Għax mimli suppervja u nieqes sewwa mill-umiltà li tifdi tabilħaqq.
Ħaġa waħda naf ħuti l-għeżież: li meta naqra din it-talba ta’ San Franġisk għajnejja jimtlew bid-dmugħ. Għax fiha nara u nħoss lil dak San Franġisk li lili ġibidni għal wara Ġesù b’ħajtu. Lil dak San Franġisk li bih il-Mulej, għalkemm Patri marradi, xorta waħda baqa’ jiġbidni lejn qalbu. Ħa nipproponilkom din it-talba ferm sabiħa bil-għan li tinżel f’qalbkom u tibdilhielkom bħalma tant nitlob li tibdel lil tiegħi. Għalhekk inħeġġek li titlobha kuljum ħalli ġġib l-imħabba u l-ferħ li kienu jfawru l-qalb ta’ San Franġisk anki f’qalbek.
Mulej, agħmilni strument tal-paċi tiegħek:
Fejn hemm il-mibegħda ħallini nħeġġeġ l-imħabba;
Fejn hemm il-ħtija, ħallini nferrex il-maħfra;
Fejn hemm id-dubju, ħallini ndaħħal il-fidi;
Fejn hemm il-qtigħ il-qalb, ħallini nqawwi t-tama;
Fejn hemm id-dlam, ħallini nkebbes id-dawl;
Fejn hemm in-niket, ħallini nxerred il-ferħ.
Mgħallem divin, la tħallix:
Li iżjed infittex li nkun imfarraġ, milli nfarraġ jien,
Li iżjed jifhimni ħaddieħor, milli nifhem lil ħaddieħor jien,
Li iżjed inkun maħbub, milli nħobb jien.
Għaliex meta nagħtu, aħna naqilgħu,
Meta naħfru, aħna niġu maħfura;
Meta mmutu, nerġgħu nitwieldu għall-ħajja ta’ dejjem.
Nifs ġdid
Din l-għaxar edizzjoni tat-Tazza ta’ San Franġisk 2023 tibqa’ speċjali. Mhux biss l-għaliex kellna rebbieħ ġdid bħal dejjem imma wkoll l-għaliex bdejna b’talba. Tlabna t-tlett Ave Marijiet u għamilna appell għall-qrar u li wieħed jieħu sehem fl-Ewkaristija. Għaliex jien m’għandix nibda’ l-jum tiegħi bi tlett Ave Marijiet lill-Madonna? Għalfejn m’għandix immur għall-quddiesa tal-Ħadd u, jekk jista’ ikun, ta’ kuljum, u nqerr ta’ spiss? Mhux din hi l-isbaħ u l-aqwa tħejjija biex nikseb il-premju tal-Ġenna?
Jekk il-Mulej bagħtni fil-Korsa tal-Marsa għal dan biss, barra milli nippreżenta t-Tazza ta’ San Franġisk lir-rebbieħ, allura dak kien nifs ġdid għan-nies u għalija wkoll. Għax midneb jien. U min qallek li biex tirbaħ il-korsa kemm dik tal-Marsa u anki l-oħra tal-ħajja ta’ dejjem mhux nifs irid ikollok? F’kelma waħda l-Ispirtu s-Santu li jaħdem ġewwa fik u fija?
Patri Mario Attard OFM Cap