Minn Daniel Borg
Il-Vanġelu tal-lum minn San Luqa jippreżentalna lil Ġesu li jidħol fis-sinagoga ta’ raħal twelidu (Nazaret) u filwaqt li jaqra biċċa mill-profeta Isaija li titkellem dwar il-Messija, jgħidillhom: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu”. Li ma nisimgħux illum, imma li nsibu f’Kapitlu 4 fejn tkompli s-silta hu li n-nies ta’ Nazaret ma jagħrfuhx bħala l-Messija.
Il-Papa fl-Angelus jistedinna biex nimmaġinaw is-sorpriża f’għajnejn in-nies ta’ raħal twelidu li kienu jafuh dejjem bħala iben il-mastrudaxxa Ġużeppi, hekk kif jippreżenta ruħu bħala l-Messija. Imma n-nies ta’ Nazaret ma għarfuhx bħala l-Messija. Il-fatt li kienu jafuh sa minn ċkunitu ma għenithomx biex jagħrfu min kien Ġesu verament. U l-Papa jgħid li dan jiġri wkoll lilna.
Hu jgħid li aħna nistgħu naħsbu li nafu ħafna lil Ġesu, għax qrib tiegħu, fl-iskola, fil-parroċċa, fid-duttrina, f’pajjiż ta’ kultura kattolika. U għalhekk Ġesu għalina huwa persuna qrib, anzi ħafna qrib tagħna. U dan iwassalna biex ma nagħrfux verament lil Ġesu u l-messaġġ tiegħu, ta’ salvazzjoni!
Tista’ tara dan il-ħsieb ukoll fuq din il-ħolqa ta’ facebook: https://www.facebook.com/daniel.borg.75/posts/pfbid0fshyQcFy6zibHUd1dU2zrYjixQVoCrhZrVt7oVZLQGgTprw2NvVpLXEzHNHt5nYpl