Il-wirt

Wieħed mill-aktar suġġetti li jitla’ fil-lingwaġġ tat-triq hu l-imbierek jew il-misħut wirt. Imbierek għax hawn ġenituri u wlied li jirraġunaw. Misħut l-għaliex hawn min super tħanżer u qed jitħanżer għax irid mhux biss jaħtaf sehmu imma sehem ħutu wkoll.

Insomma, m’hemmx limiti għall-ħniżrija fil-bniedem. Bħalma m’hemmx limiti wkoll għall-ħlewwa fil-bniedem. Is-sabiħa hi li jien, fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija, narahom it-tnejn li huma jħarħru sa ma jmutu quddiemi. Iħarħar min jitħanżer għall-flus u min jaħseb fl-oħrajn. Is-sabiħa hi li t-tnejn li huma ma jieħdu xejn magħhom. U allura l-għaliex dan il-ġlied kollu?

‘Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid

Waħda mit-tħanżiriet kbar li nsibu fil-vanġelu skont San Luqa hi dik li l-iben iż-żgħir mar għandu missieru hu, b’dik l-arja u l-pulikarja, ta’ iblah li kien, qallu: ‘Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid.’ (Lq 15:12).

Anzi dan l-iben iż-żgħir ma tħanżirx ta’ barra billi qabad ġid missieru u ġagħlu jagħtik prezz hu! Le! Imma xorta b’dak li għamel tħanżer. U se ngħid l-għaliex. Iwa x’qalb irid ikollok biex titlob lill-għażiż missierek jew lil għażiża ommok biex, waqt li għadhom ħajjin u mimlijin bil-għomor, toħdilhom ġidhom! Dan x’rispett hu? X’imħabba hi? Għalhekk jekk il-kilba tal-flus tant kemm qed tagħmini li addijo ħija u oħti għax sirt crasher jew bulldoser mill-kbar aħjar nidħol daħla fija nnifsi.

Min qed jaġixxi b’dan il-mod qed jinsa’ ħaġa tassew importanti: mietu l-ħrief qabel in-nagħaġ. U, dan l-għerf tassew sabiħ tal-Mulej l-ewwel ma tgħallmuhuli intom, bl-esperjenzi tagħkom. Barra minhekk, il-Kelma ta’ Alla lanqas ma toqgħod lura milli tfakkarni f’dan. Naħseb li tiftakruha l-parabbola tal-għani l-iblah. Għal min nesieha qiegħed hawnhekk nagħti t-test sħiħ tal-vanġelu skont San Mattew li jqaxxar din il-parabbola u dak li qegħdin ngħidu.

Xi ħadd mill-folla qallu: “Mgħallem, għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi.” “Ħabib,” wieġbu Ġesù, “min qegħedni mħallef fuqkom, jew qabbadni nqassmilkom il-ġid bejnietkom?” Mbagħad qal lin-nies: “Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba, għax imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu.” U qalilhom parabbola: “Wieħed raġel għani ġabar kotra ta’ frott mir-raba’ tiegħu. U beda jaħseb u jgħid bejnu u bejn ruħu, ‘X’se nagħmel? Għax dan il-frott kollu ma għandix fejn naħżnu! Ara x’nagħmel,’ qal, ‘inħott l-imħażen li għandi u nibni oħrajn akbar, u naħżen fihom il-qamħ u l-ġid kollu li għandi. Mbagħad ngħid lili nnifsi: Ruħi, għandek ħażna kbira ta’ ġid għal bosta snin; mela strieħ, kul, ixrob, ixxala!” Iżda qallu Alla, ‘Iblah li int! Dan il-lejl stess jitolbuk ruħek lura. U l-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu?’ Hekk jiġrilu min jiġma’ l-ġid għalih innifsu bla ma jistagħna quddiem Alla.”

Ħa noħodha ma saqajja jekk jien wieħed u waħda minn dawk li qed nara lil ommi u lil missieri xjuħ jew forsi anqas xjuħ, bħala mezz qawwi ta’ flus bir-radam! It-tagħlima hi ċarissima: jekk jien ma nindimx u moħħi kif ħa nistagħna minn fuqhom u addijo ħuti għax naħtaf kollox f’idejja jien ma ngawdihomx! Din mhux saħta. Imma din hi s-saħta li nġib fuq innifsi bil-ħniżrija tax-xeħħa tiegħi. Messaġġ aktar ċar, dirett u li jolqot fil-laħam il-ħaj minn hekk ma nistax nieħu. Mela ejja nindem qabel ikunli tard wisq! M’għandix aktar skuża li ma kontx naf! Il-Kelma t’Alla, iswed fuq l-abjad, qed turini bid-dettall il-konsegwenzi tal-moqżież għemili ta’ xeħħa tal-infern.

Mhux flus biss

F’kultura ta’ xeħħa li qed tipproduċi mhux persuni imma mostri li jissejħu vacum cleaners għall-bwiet ħaddieħor tajjeb li nwessgħu l-kunċett ta’ wirt. Le, il-wirt mhux biss tal-flus. L-aktar ħaġa importanti fil-ħajja hu l-valuri li lkoll imsejħa li jkollna.

Għalhekk, qabel nibda’ nitħaddet fuq il-flus li ħallewli l-ġenituri tiegħi, il-kontijiet tal-bank, il-cashling, il-proprjetà u kull ħaġa li setgħu jħalluli, jekk jien bniedem u bniedma li almenu nħobb u nirrispetta lili nnifsi u mhux paljazza tax-xeħħa tax-xitan li taħkimni u ħarġitni barra minn sura ta’ bniedem u bniedma li suppost jien, ejja nistaqsi lili nnifsi: Ommi u Missieri x’għallmuni fil-ħajja? X’inhuma l-valuri li għaddewli?

Fil-verità, m’hawn l-ebda omm u missier fil-ħajja, għamlu kemm għamlu żbalji, li m’għaddewx xi ħaġa tajba lil uliedhom. Jekk jien tassew inħobb lili nnifsi għandi noqgħod bilqiegħda u nikkonsidra u nara ftit x’valuri għaddewli ommi u missieri. Personalment kull darba li nagħmel hekk dejjem il-Mulej jissorpendini tgħidx kemm. Dan l-għaliex, f’dan l-eżeriċizzju ferm importanti aqta’ kemm niskopri kwalitajiet u tagħlimiet tassew sbieħ li għallmuni l-għeżież ġenituri tiegħi.

Imma biex nasal li nagħmel hekk irrid nagħmel bħal Kapuċċini l-antiki! F’kelma waħda nibni l-kunvent tiegħi daqs żewġ kilometri mill-belt ħalli, filwaqt li nkun viċin tal-belt ikolli ċans nirrifletti sewwa fuq dak li għamilt, se nagħmel u rrid nagħmel. Meta nsib ftit ħin għar-riflessjoni malajr nintebaħ kemm Ommi u Missieri ħallewli ħafna u ħafna ġid li l-kilba għall-flus qed tagħmini għal kollox milli nagħraf u napprezza tabilħaqq. Ħija, oħti, ejjew ninżlu fil-qiegħ f’dan il-metodu tal-bini Kapuċċin billi nkunu viċin is-sitwazzjoni imma mhux megħrqa fiha u lanqas maqtugħa għal kollox minnha.

Wirt li jibqa’ għal dejjem

Il-Bibbja, l-Għerf tassew tal-għorrief u l-Ktieb tal-kotba, tgħallimna li l-wirt veru mhuwiex dak tal-flus u l-karti tal-bank Diġà rajna li min jisraq l’ommu u l’ missieru u jgħaddi fuq ħuti l-flus stess li seraq jistuħ u joqtluh huma stess. Ma ninsewx il-prinċipju bibbliku fuq dan: Il-ħażin ħżunitu teqirdu (S 34:22). Nemmen jew ma nemminx dan id-diskors dan hu li jiġrili! Għalhekk jaqbilli nkun umli, ninħeles mill-ħniżrija tiegħi u nkun bniedem u bniedma u mhux inħalli lix-xitan tax-xeħħa jagħmilni bħalu, bhima.

Minn naħa l-oħra l-Bibbja tkellimna fuq il-wirt li ma jintemmx. Jiġi l-wirt tal-ħajja ta’ dejjem. L-Ewwel Ittra ta’ San Pietru tfakkarni u tkellimni fuq dan it-tip ta’ wirt meta tgħidli mingħajr tidwir ta’ kantunieri: Ikun imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, li fil-ħniena kbira tiegħu raġa’ wilidna għal tama ħajja bil-qawmien ta’ Ġesù Kristu mill-imwiet u għal wirt li la jitħassar, la jittabba’, u lanqas jinxef. Dan il-wirt hu merfugħ għalikom fis-sema għax intom tinsabu taħt il-ħarsien tal-qawwa ta’ Alla fil-fidi tagħkom li twassal għas-salvazzjoni li lesta biex tidher fl-aħħar taż-żminijiet (1 Pt 1:3-5).

Kos hux kemm hu differenti dan il-wirt minn dak tal-flus u tal-proprjetà li bħall-iljun li qed jilgħaq xufftejh qabel ma jaħtaf il-priża tiegħu jien qed nirranka, nimmira ħa naqbeż qabża fuqu! Għax x’taħsbu li se jibqagħli f’idejja jekk naqbeż fuq dan il-wirt ta’ din il-ħajja, li jgħaddi malajr? F’każ li nsejt ħa nerġa’ inħalli lil Ġesù Sidi jfakkarni fi kliemu: Tgeddsux għalikom teżori f’din id-dinja, fejn kollox jitmermer bil-kamla u s-sadid, u fejn il-ħallelin jinfdu u jisirqu. Iżda ġemmgħu għalikom teżori fis-sema, fejn xejn ma jitmermer u la bil-kamla u lanqas bis-sadid, u fejn ma hemmx ħallelin jinfdu u jisirqu. Għax fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek ukoll (Mt 6:19-21).

Il-Mulej ħanin imma mhux babbu. U jagħmel ġustizzja u jagħmilha bl-għeruq u x-xniexel. Mela ejja ma nitħanżirx imma niftakar li l-kejk nieklu ma’ ħaddieħor. Hekk la nieħu battikata hawn għax ninsteħet minn dak li sraqt u lanqas ma nikkundanna lili nnifsi għan-nar ta’ dejjem minħabba l-misħuta xeħħa. Ħa nitgħallem ngħix u ngħin lil ħaddieħor jgħix miegħi. Hekk ikolli ċans, bil-grazzja tal-Mulej, li ngawdi l-wirt li tħejja għalija mill-eternità, il-ħajja ta’ dejjem. Hemm wirt isbaħ u aktar imbierek minn dan?

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading