L-avventura f’Disneyland Paris ma waqfitx hawn. Fil-fatt, niftakarna inżuru wkoll il-Pirates of the Caribbean.
Din hi waħda mill-attrazzjonijiet tant sbieħ f’Disney Paris. Sa minn meta infetħet il-Eurodisney fl-1992, il-Pirates of the Caribbean għamlet hit kbira. Din kienet attrazzjoni li tistieden lill-viżitaturi biex letterlment jgħoddsu fid-dinja tal-avventurieri u l-pirati. Hemm il-vapur lest għalik! Trid timbarka ħa salpa int wkoll għall-avventura? Ejja ħa immorru!
U aħna mill-ewwel weġibna għall-istedina! Ilkoll kemm aħna morna fuq id-dgħajjes, qfilna ċ-ċintorin u d-dgħajjes ħaduna f’rotta maħsuba minn qabel. L-ispedizzjonijiet li wettqu dawn id-dgħajjes ħaduna fi pjanuri mill-aktar misterjużi u, saħansitra, wassluna fuq gżira infestata mill-pirati. Din il-gżira kienet mimlija festi, kant, żfin u ġlied ukoll. Id-dettalji realistiċi għall-aħħar tal-avventura Pirates of the Caribbean tfakkar fi stil ta’ ħajja antik, mimli intriċċi, ġlied, xalar u x’ma nafx jien. Tajjeb wieħed jgħid li din l-avventura f’Disneyland Paris hi dovuta għall-fatt għall-kwalità fir-rakkuntar tal-ambjent li fih ġiet minsuġa din l-istorja. Il-Pirates of the Caribbean timpressjona lil dawk kollha li jżuru Disneyland Paris minħabba l-abbiltà li għandha li tfakkar l-univers kollu. F’ċertu sens hija cruise fiċ-ċokon f’dinjiet oħra.
Matul l-istorja kien hemm persuni li kienu lesti jisirqu l-merkanzija ta’ ħaddieħor fl-ilmijiet. Dawn in-nies, li nafuhom bħala pirati, fil-mira tagħhom kellhom il-vapuri. Għalkemm uħud minnhom kienu anki jagħmlu attakki fuq l-ibliet mal-kosta.
Ħafna minnhom kellu fama tassew tal-biża. Biżżejjed wieħed ifakkar ftit il-bnadar li kienu jtajru fuq l-iġfna tagħhom, inkluża l-famuża bandiera tradizzjonali Ingliża li biha wieħed seta’ jidentifika vapur pirata qabel jew waqt attakk, l-hekk imsejħa Jolly Roger matul il-bidu tas-seklu tmintax. F’din il-bandiera wieħed isib is-simbolu tar-ras ta’ mewt u l-għadam imsallbin fuq bandiera sewda. Din il-bandiera kienet użata għall-ħabta snin 1710 minn numru ta’ pirati li kienu jinkludu Black Sam, Bellamy, Edward England u John Taylor. Tajjeb infakkru li l-Jolly Roger saret l-aktar bandiera tal-pirati użata matul l-1720 għalkemm diżinji oħra tagħha kienu wkoll fl-użu. Dawk li kienu jinqabdu kienu jiġu imġegħla jimxu fuq biċċa planka li kienet tkun in-naħa tal-vapur, b’għajnejhom mgħottija, sakemm jaqgħu fil-baħar u jegħrqu. Tajjeb insemmu li din l-għamla ta’ mewt aktar kienet imsemmija fil-fiction milli fir-realtà. Fil-fatt, hu aktar storikament veru li ħafna mill-vittmi tal-piraterija kienu jintremew il-baħar.
Il-pirati eżiżtew minn żminijiet tassew antiki. Fl-istorja dejjem kienu magħrufa bħala dawk il-baħħara li kienu jheddu ir-rottot tal-kummerċ tal-Greċja l-antika. Kemm kienu jaħtfu vapuri mimlija b’ħażniet ta’ qamħ u żejt ġejjin mix-xwieni Rumani. Il-pirati l-aktar li kienu ġejjin minn imkejjen ‘il bogħod kienu l-Vikingi. Dawn kienu jbaħħru fil-bidu taż-żmien medjevali fl-Ewropa.
Eluf ta’ pirati kienu attivi bejn l-1650 u l-1720. Fl-istorja tal-piraterija dan iż-żmien jissejjaħ bħala ż-Żmien tad-Deheb tal-piraterija. Fost pirati magħrufa fl-istorja wieħed ma jistax ma jsemmix lil Henri Morgan, William ‘Captain’ Kidd, ‘Calico’ Jack Rackham, Bartholomew Roberts u l-pirata li tant kienu jibżgħu minnu Blackbeart (Edward Teach). Għalkemm dan iż-Żmien tad-Deheb intemm fis-seklu tmintax, il-piraterija għadha teżiżti sallum f’xi partijiet tad-dinja, l-aktar fin-Naħa t’Isfel tal-Ibħra taċ-Ċina.
L-esploratur Kristofru Kolombu kien dak li waqqaf il-kuntatti bejn l-Ewropa u l-artijiet li, aktar tard, ġew imsemmija bħala Amerika fit-tmiem tas-seklu ħmistax. Meta kien qed jaħdem għall-monarkija Spanjola, dawn ‘l-artijiet il-ġodda’ ġew f’idejn l-Ispanjoli. Dawn mill-ewwel intebħu li kienu riżorsi tassew għanja ta’ fidda, deheb u ġawhar.
Mis-seklu sittax, vapuri kbar Spanjoli, l-hekk imsejħa galljuni, bdew ibaħħru lura lejn l-Ewropa. Dawn kienu jkunu mimlija sewwa b’tagħbija tal-merkanżija li l-pirati kienu jsibuha impossibbli li jħalluha għaddejja. Tant kemm dawn il-galljuni soffrew attakki mill-pirati li dawn kienu kostretti jbaħħru flimkien fi flottot ma’ biċċiet tal-baħar armati bil-għan li jkunu imħarsa. Meta l-kolonizzaturi Spanjoli bdew iwaqqfu bliet ġodda fil-gżejjer tal-Karibew u fuq l-art Amerikana, dawn ukoll ġew taħt l-attakk tal-pirati.
Rigward ir-reġjun tagħna tal-Mediterran, il-kursara kienu pirati li kienu jbaħħru bejn is-sekli 15 u 18. Il-kursara Misilmin, bħall-aħwa Barbarossa (tad-daqna ħamra), kellhom il-bażijiet tagħhom matul il-kosta Barbarika tal-Afrika ta’ Fuq filwaqt li l-kursara Insara kienu ibbażati f’Malta, f’pajjiżna. It-tnejn li huma kienu jaħtfu dawk il-priża tagħhom bis-saħħa ta’ dgħajjes tal-imqadef li kienu jissejħu xwieni. Dawn ix-xwieni kienu jġorru kemm baħħara u kif ukoll passiġġieri. Sakemm dawn l-imsejknin ma kienux għonja biżżejjed biex iħallsu somma ħalli jifdu lilhom infushom, huma kienu jinbiegħu bħala ilsiera.
Il-pirati msejħa buccaneers kienu jgħixu fuq il-gżira tal-Karribew Hispaniola u f’dik ta’ maġenbha li għandha l-għamla ta’ fekkruna, Tortuga, fis-seklu sbatax. Fil-bidu kienu jgħixu bħala kaċċaturi. Madankollu, aktar tard, il-gvernaturi tal-gżejjer tal-Karibew kienu jħallsu lil buccaneers biex jattakkaw l-iġfna Spanjoli li kienu jġorru t-teżor. Għalkemm l-attakki bdew b’dan il-mod, bl-approvazzjoni uffiċċjali, bil-mod il-mod il-buccaneers spiċċaw bla kontroll tant li bdew jattakkaw kull ġifen li kienu jaħsbu li kien qed iġorr merkanzija li tiswa l-flus, kemm jekk dan kien tal-għadu u kemm le. B’hekk il-buccaneers saru pirati tassew.
Fl-aħħar nett, insibu għamla oħra ta’ pirati, dawk l-hekk imsejħa privaterrs. Dawn kellhom iġfna privati tagħhom mgħammra bil-kanuni għall-piraterija. Il-privateers kienu joperaw fi żmien il-gwerra. L-Ammiraljat kien joħorġilhom dawk li jissejħu letters of marque, jew aħjar ittri uffiċjali mill-awtoritajiet li kienu jawtorizzaw persuna li tattakka u li taħtaf iġfna tal-merkanzija ta’ nazzjon li kien fi gwerra mal-awtorità li ħarġet din l-ittra. Permezz ta’ dawn l-ittri, dawn il-privateers qatt ma setgħu jiġu mixlija b’piraterija.
Wara dan kollu donnu insejna nistaqsu mistoqsija tabilħaqq importanti: L-għaliex il-pirati saru pirati? Fl-Ingilterra kien hemm firda soċjali. Bdiewa żgħar ġew imkeċċija mill-artijiet tagħhom minn sidien tassew bla qalb filwaqt li ħaddiema tas-sengħa żgħar ġew iċċalinġjati minn negozji ferm akbar. Dan il-fenominu qala’ lil dawn in-nies u ħawwilhom f’postijiet urbani fejn hemmhekk kienu qegħdin ifittxu x-xogħol jew biex jiġu jistejqru ftit minn din is-sitwazzjoni.
Biżżejjed wieħed iġib quddiem għajnejh kif f’Londra kien hemm tant nies fuq ikkonċentrati flimkien u ħafna spiċċaw bla xogħol. Biex taqgħad, il-fondi għall-fqar ma setgħux ilaħħqu mal-bżonnijiet li dejjem kienu qegħdin jikbru. Għalhekk, in-nies kellhom jispostaw ruħhom. Ħafna nies li kienu imnikktin sewwa minn din is-sitwazzjoni ma kellhom l-ebda tama li jkollhom ħajjithom aħjar milli kienet. Għalhekk, il-piraterija kienet tentazzjoni mill-aktar sabiħa għall-baħħara li kienu fqar l-għaliex tagħthom l-opportunità li jieħdu l-kontroll fuq ħajjithom.
Fi żmien fejn ftit nies kienu jivvjaġġaw u rġiel żgħażagħ kellhom jaħdmu tal-inqas seba’ snin t’apprentistat qabel setgħu jaqilgħu ħobżhom ta’ kuljum b’mod indipendenti, ħafna kienu ittentati li jmorru fuq il-baħar għalkemm il-ħajja kienet iebsa. L-adoloxxenti li xtaqu jaħarbu setgħu jkollhom xogħol billi jbaħħru fuq ġifen qabel kienu jsiru maturi. Li kellhom bżonn kienet ħeffa u anki saħħa kbira.
Madankollu, baħħara ordinarji kienu jqattgħu bi snienhom biex jaqilgħu pagi modesti. U dan f’kuntest fejn kienu suġġetti għad-dixxiplina stretta. F’kuntrast, il-piraterija mhux biss kienet qed toffri l-opportunità li wieħed isir għani f’radda ta’ salib imma wkoll kienet qed tagħtih iċ-ċans li jeżerċita setgħa fuq l-oħrajn. Mur obsor ħej!
Id-diskors fuq il-pirati hu wieħed ta’ qsim il-qalb l-għaliex hu riżultat tal-faqar soċjali taż-żmien. Madankollu ta’ min isemmi x’kien qal wieħed mill-pirati li kien juża l-ittrattar u l-għaqal ħafna aktar mill-forza, u li kien jagħżel li jaħrab mill-aktar sitwazzjonijiet perikolużi u li jiġġieled biss fejn kien hemm bżonn, jiġifieri Jack Sparrow, il-protagonist prinċipali tas-serje tal-film Pirates of the Carribean: Jekk tagħżel li taqfel qalbek titlifha żgur.
Il-qalb mhux biex tinfetaħ qegħdha? Fuq din għandek raġun għażiż Jack Sparrow! Hawnhekk, aħtar milli pirata int ħellies mill-kbar nett!
Patri Mario Attard OFM Cap