IT-TMIEN ĦADD MATUL IS-SENA C

QABEL TIPPROVA TNEĦĦI T-TIBNA MINN GĦAJN ĦUK ĦU ĦSIEB NEĦĦI T-TRAVU LI GĦANDEK F’GĦAJNEJK!

Minn Fr Michael A. Galea.

Hemm ktieb ta’ erba’ mija u erbgħin paġna stampat bl-Ingliż, imma tradott mit-Taljan, jismu: “Journal of a soul”. F’dan il-ktieb Papa Ġwanni XXIII (illum qaddis), iniżżel l-esperjenzi kollha ta’ ħajtu minn meta kellu erbatax-il sena, ittri li kien jibgħat lil dak u lill-ieħor, riflessjonijiet, talb, riżoluzzjonijiet li kien jagħmel wara xi rtir u jispiċċa bit-testment spiritwali tiegħu. Fost l-oħrajn jitkellem fuq il-korrezzjoni fraterna, jiġifieri fuq kif għandna nikkorreġu lil xulxin. Bis-sempliċita’ tiegħu, imma b’ħafna għerf, Papa Angelo Roncalli jinnota li huma u jħabbtu sidirhom għal tliet darbiet fl-att penitenzjali tal-quddiesa u jgħidu “ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-akbar ħtija tiegħi”, fil-qalb ta’ qalbhom, xi nsara ma jkunu xejn sinċieri m’Alla, magħhom infushom u ma’ ħuthom il-bnedmin…Forsi bla jafu jkunu qegħdin jgħidu: “ħtija tagħhom, ħtija tagħhom, bl-akbar ħtija tagħhom.” Dejjem iħossu li huma għandhom raġun u l-ħtija tagħhom jitfgħuha fuq l-oħrajn.

Int u taqra din l-awtobijografija tal-qaddis Ġwanni XXIII, tinduna kemm kien iebes dal-Papa miegħu nnifsu. Dan meta jeżamina l-ħajja tiegħu, il-ħsibijiet tiegħu u l-intenzjonijiet li kien ikollu midfuna fil-fond ta’ qalbu. Hu u jikteb dan id-djarju, mhux darba u tnejn qal għalih innifsu: “Ma niddejjaq xejn nesprimi m’oħrajn li jiena ma jien xejn u ma niswa għal xejn.” Verament, dal-bniedem irnexxielu jgħaffeġ taħt saqajh ix-xitan tas-suppervja. Minħabba din id-dixxiplina fuqu nnifsu, dal-bniedem kien seren, twajjeb, ħelu u twajjeb ma’ kulħadd. Nies bħal dawn jistgħu jwiddbu u jikkorreġu lil min żbalja jew lil min ikun ħareġ ‘il barra mit-triq tas-sewwa.

Wara din l-introduzzjoni kemm xejn twila ħa niġu għall-vanġelu li għadni kemm ħabbartilkom. L-omelija li ħejjejt, qabel xejn għalija u mbagħad għalikom, tajtha dan l-isem: “Qabel tipprova tneħħi t-tibna minn għajn ħuk, ħu ħsieb neħħi t-travu li għandek f’għajnejk”. Ħa nagħmel xi riflessjonijiet.

Dan li qal Ġesu’ ftit iktar minn elfejn sena ilu lin-nies ta’ żmienu, għadu jgħodd għalina wkoll. Huwa diskors attwali għax sal-ġurnata tal-lum għad baqa’ nsara, forsi nista’ nkun wieħed minnhom jien ukoll, li naraw it-tibna f’għajn l-oħrajn u ma nindunawx li f’għajnejna għandna travu. Jien nara li din is-silta mill-vanġelu li għadna kemm qrajna tippresta ruħha ħafna għal dik li jsejħulha “korrezzjoni fraterna”. B’dawn iż-żewġ kelmiet nifhmu l-bżonn li nikkorreġu lil xulxin: int tikkorreġi lili u jien nikkorreġi lilek għax nemmnu li aħna lkoll aħwa ta’ xulxin, ulied l-istess Missier, u verament irridu l-ġid ta’ xulxin. Waħda mill-opri tal-ħniena li jmissu r-ruħ hija din: “Widdeb lill-midinbin”. Xi ħadd qal li dal-vanġelu nistgħu nqisuh bħala grammatika għal dawk li jħossuhom fid-dmir li jwiddbu lill-oħrajn.

Ċertu patri kapuċċin, jismu Francis Maple, jgħid hekk: “Kulħadd irid li ħaddieħor jinbidel, imma x’ ħin jiġi għalih innifsu, id-diskors jinbidel totalment. Dal-patri jġib xi eżempji…Ħafna rġiel miżżewġa jeżiġu li l-mara tagħhom tinbidel. Ħafna nisa miżżewġa jeżiġu li l-irġiel tagħhom jinbidlu. Ħafna ġenituri jeżiġu li wliedhom għandhom jinbidlu. Ħafna żgħażagħ jippretendu li l-ġenituri tagħhom għandhom jinbidlu ħalli jagħmlu dak li jaqblilhom. Kappillani jippretendu li l-parruċċani tagħhom għandhom jinbidlu. Il-parruċċani jistennew wisq mill-kappillan tagħhom; allura meta jħoss li għandu jgħidilhom li fil-komunita’ tiegħu hemm il-mard: arahom joħorġu bl-espressjoni: “aħjar nibdlu t-tabib”.

Fil-vanġelu ta’ San Mattew, Ġesu’ jitkellem b’mod ċar ħafna dwar din il-korrezzjoni fraterna. Jgħidilna hekk: “Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu. Jekk jisma’ minnek tkun irbaħt lura lil ħuk. Jekk ma jismax minnek, erġa’ mur u ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra, biex kull ma  jingħad jissaħħaħ bil-kelma ta’ żewġ xhieda jew tlieta. Jekk imbagħad anqas minnhom ma jkun irid jisma’, mur għid lill-Knisja. U jekk anqas mill-Knisja ma jkun irid jisma’ żommu b’wieħed pagan u pubblikan.” (18,15-17) Din l-espressjoni: “żommu b’wieħed pagan u pubblikan” ma tfissirx “itilqu u ħallieh jogħdos fid-dnub tiegħu”, imma “agħdru bħalma jaf jagħmel Ġesu’ u kompli itlob għalih ħalli jerġa’ lura għat-triq tas-sewwa.” Nispiċċa b’talba…

Mulej Ġesu’, ilkoll kemm aħna niżbaljaw: m’aħniex anġli imma bnedmin tad-demm u l-laħam; agħtina l-grazzja li meta niżbaljaw insibu min jikkorreġina u noqogħdu għal dak li jgħidulna. Fl-istess ħin agħtina tjubija, ħlewwa, ġentilezza u kuraġġ nagħrfu nikkorreġu lil dawk li jinsabu fl-iżball.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading