Aħna t-tfal nimxu t-triq tal-Kalvarju ma’ Ġesù
Mill-Uffiċċju tal-Katekeżi, Djoċesi ta’ Għawdex. 2019.
INTRODUZZJONI
Isir kant tal-bidu.
Ċelebrant: Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Kulħadd: Ammen.
Ċelebrant: Is-sliem tal-Mulej Ġesù, li tant iħobbna li bata, miet u rxoxta għalina, ikun magħkom ilkoll.
Kulħadd: U miegħek ukoll.
Ċelebrant: Għażiż Ġesù, illum inġabarna flimkien biex nimxu miegħek it-triq tal-Kalvarju. Mhux l-ewwel darba li rajniek miexi f’xi triq. Rajniek itterraq ma’ San Ġużepp u Ommok Marija f’Betlehem, fl-Eġittu, u għal tletin sena f’Nazaret. Imbagħad, għal tliet snin sħaħ, rajniek ma’ ħbiebek id-dixxipli u ma’ ħafna nies itterraq it-toroq tal-Palestina biex tipprietka u tagħmel il-ġid. Imma t-triq tal-Kalvarju hija triq għal kollox differenti.
Lettur 1: Ftit jiem qabel kont dħalt fil-belt ta’ Ġerusalemm fuq ħmara, bin-nies jgħajtu: “Osanna! Imbierek min ġej f’isem il-Mulej”. Imma issa, in-nies li laqgħuk b’tant ħeġġa, f’daqqa waħda daru kollha kontrik. Fi ftit ħin, kulħadd telqek waħdek, Ġuda saħansitra ttradiek u Pietru ċaħdek. Miegħek fit-triq tal-Kalvarju baqgħu biss Ommok Marija, xi ħbieb nisa u Ġwanni. Imma aħna ma nixtiqux nitilquk. Irridu nibqgħu miegħek u għalhekk ser nimxu miegħek u ma’ ommok Marija din it-triq tas-Salib.
Lettur 2: Din it-triq li ser nimxu ma’ Ġesù hija triq kollha tbatija. Fiha ser naraw kemm nies irrabbjati weġġgħu lil Ġesù imma ser naraw ukoll kif Ġesù aċċetta dan kollu biex bis-salib tiegħu nsalvaw kollha kemm aħna. Għalhekk ngħidu flimkien:
Kulħadd: Nadurawk o Ġesù u nberkuk: għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Issir strofa kant.
Ċelebrant: L-EWWEL STAZZJON: ĠESÙ JIĠI KKUNDANNAT GĦALL-MEWT
Nadurawk o Ġesù u nberkuk…
Kulħadd: Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Lettur 1: Dawk in-nies li laqgħuk f’Ġerusalemm, issa qed jgħajtu quddiem Pilatu biex inti tmut. Imma x’għamiltilhom ħażin biex huma daqshekk irrabbjati għalik? Inti mhux ġid biss għamiltilhom? Kemm għallimthom! Kemm għidtilhom kelmiet ta’ ġid! Kemm mirakli għamilt magħhom!
Lettur 2: Imma aħna wkoll hekk nagħmlulu lil Ġesù! Hu li jagħmel tant ġid magħna! Meta nagħżlu d-dnub aħna nkunu qed ngħidu lil Ġesù: int m’intix ħabib tiegħi, ma rridekx! U kważi kważi nkunu qed nagħmlulu bħalma għamlu dawn in-nies meta kienu quddiem Pilatu.
Lettur 1: Mulej, nitolbuk ħniena għal kemm nagħżlu lix-xitan flok l-imħabba tiegħek.
Kulħadd: Mulej, ħniena!
Lettur 2: Għal dawk id-drabi meta kelli tort jien imma waħħalt f’sieħbi innoċenti.
Kulħadd: Mulej, ħniena!
Ċelebrant: Mulej Ġesù, nitolbuk biex tgħinna nħobbu lil kulħadd u ma nagħmlu ħsara lil ħadd. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.
Kulħadd: Ammen.
Issir strofa kant.
Ċelebrant: IT-TIENI STAZZJON: ĠESÙ JAĊĊETTA LI JERFA’ S-SALIB
Nadurawk o Ġesù u nberkuk…
Kulħadd: Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Lettur 1: Apparti n-nies, kien hemm ukoll is-suldati Rumani. Kemm daħku bik u weġġgħuk! Sawtuk u saħansitra poġġew fuq rasek kuruna tax-xewk! Min jaf kemm weġġgħajt, għażiż Ġesù, u biex iżidulek it-tbatija, issa ġew jagħtuk salib kbir biex terfgħu fuq spallejk tul it-triq kollha.
Lettur 2: Imma inti, o Ġesù, m’għedt xejn! U aħna, għal kull ħaġa żgħira li tiġi mitluba minna, nagħmlu storbju sħiħ! Kemm inweġġgħu qalb il-ġenituri meta ma nobduhomx, meta nibda nsabbat u ngħajjat għax ma rridx ngħin jew nagħmel xogħli tajjeb. U x’ħin inkunu nweġġgħu l-qalb tal-ġenituri tagħna u ta’ dawk li jieħdu ħsiebna, inkunu qed inweġġgħu wkoll il-qalb tiegħek!
Lettur 1: Meta jkollna rasna iebsa u ma nobdux lil min iħobbna.
Kulħadd: Aħfrilna, Mulej!
Lettur 2: Meta nivvintaw kull skuża biex nitgħażżnu u ma nagħmlux dmirna tajjeb.
Kulħadd: Aħrfilna, Mulej!
Ċelebrant: Mulej Ġesù, nitolbuk biex tgħinna ħa nitgħallmu ma ngergrux u ma nweġġgħux il-qalb ta’ dawk li jħobbuna. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.
Kulħadd: Ammen.
Issir strofa kant.
Ċelebrant: IT-TIELET STAZZJON: ĠESÙ JAQA’ TAĦT IL-PIŻ TAS-SALIB
Nadurawk o Ġesù u nberkuk…
Kulħadd: Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Lettur 1: Għadek bilkemm bdejt it-triq, u diġà tħossok għajjien. Ġà batejt ħafna u għadek biss fil-bidu. U wara tant tgħajjir u swat, bil-kuruna tniggeż fuq rasek u bil-piż tas-Salib fuq spallejk, inti taqa’ mal-art.
Lettur 2: Ħadd ma mar jgħinek! Anzi, kulħadd beda jimbuttak u jgħajjat miegħek biex tqum malajr. Imma int ma gergirtx, anzi, qomt kif stajt, ħadt nifs kbir u komplejt it-triq tiegħek mgħannaq mas-salib.
Lettur 1: Meta nkunu mdejqin għax ħadd m’għandu paċenzja tagħna.
Kulħadd: Għinna int, Mulej!
Lettur 2: Meta nbatu minħabba l-imġiba ħażina ta’ sħabna magħna.
Kulħadd: Għinna int, Mulej!
Ċelebrant: Mulej Ġesù, nitolbuk biex tgħinna ħa nagħmlu l-ġid anki ma’ dawk in-nies li jweġġgħuna bi kliemhom jew bl-imġiba tagħhom. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.
Kulħadd: Ammen.
Issir strofa kant.
Ċelebrant: IR-RABA’ STAZZJON: ĠESÙ JILTAQA’ M’OMMU MARIJA
Nadurawk o Ġesù u nberkuk…
Kulħadd: Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Lettur 1: Min jaf kemm kienet iebsa għalik, Ġesù, timxi dik it-triq, u madwarek ħlief nies irrabbjati u jgħajruk ma kontx tara. Ma kien hemm l-ebda wiċċ ħabib, l-ebda persuna li tagħmillek ftit kuraġġ.
Lettur 2: Imma minn ġo qalb dawk in-nies toħroġ Hi, Ommok Marija. Għajjiena bħalek, għax bħalek, kienet qed tbati. Imma bil-qawwa kollha resqet bl-għaġla ħdejk, tatek bewsa u ħarset f’għajnejk. Xtaqet tgħidlek li hi kienet hemm, miegħek. U inti apprezzajt ħafna. Din l-imħabba t’Ommok tatek il-qawwa biex tkompli miexi t-triq.
Lettur 1: Ġesù u Marija, nitolbukom għall-ommijiet kollha, speċjalment dawk li qegħdin ibatu.
Kulħadd: Ħarsuna u berkuna!
Lettur 2: Ġesù u Marija, nitolbukom tbierku lill-familji kollha tagħna biex il-membri jgħinu dejjem lil xulxin.
Kulħadd: Ħarsuna u berkuna!
Ċelebrant: Mulej Ġesù, ngħidulek grazzi għall-ġenituri tagħna u għal dawk li jħobbuna u jieħdu ħsiebna. Mingħajrhom aħna ma nistgħu nagħmlu xejn! Agħtihom dejjem dak li huma għandhom bżonn ħa jkomplu jgħinuna u jħobbuna. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.
Kulħadd: Ammen.
Issir strofa kant.
Ċelebrant: IL-ĦAMES STAZZJON: ĠESÙ JIĠI MGĦEJJUN JERFA’ S-SALIB
Nadurawk o Ġesù u nberkuk…
Kulħadd: Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Lettur 1: Imxejt ftit ieħor u issa t-triq ġiet telgħa. U għat-telgħa kulħadd jgħejja, aħseb u ara int, batut kif kont taħt il-piż tas-salib. Is-suldati ndunaw u talbu lil Xmun minn Ċirene jiġi jgħinek terfa’ s-salib.
Lettur 2: Xmun għall-ewwel ma riedx għax dakinhar kienu jemmnu li jekk tmiss ma’ salib ifisser li int kont xi midneb kbir! Imma Ġesù, x’ħin għajnejh iltaqgħu ma’ tiegħek biddel fehemtu u ġie jgħinek terfa’ s-salib. Dan il-ġest ta’ Xmun inti apprezzajtu ħafna.
Lettur 1: Mulej, int tapprezza ħafna meta aħna ngħinu lil xulxin. Għinna naraw dejjem lilek fil-proxxmu tagħna.
Kulħadd: Ismagħna nitolbuk, Mulej!
Lettur 2: Mulej, għinna biex meta naraw lil xi ħadd li għandu bżonn l-għajnuna tagħna, ma nibqgħux inħarsu imma ngħinu minnufih.
Kulħadd: Ismagħna nitolbuk, Mulej!
Ċelebrant: Mulej Ġesù, inti ħallejtilna kmandament kbir: “ħobb lill-Mulej Alla tiegħek u ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek”. Għinna ngħixu dan il-kmandament fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.
Kulħadd: Ammen.
Issir strofa kant.
Ċelebrant: IS-SITT STAZZJON: ĠESÙ JILTAQA’ MA’ VERONIKA
Nadurawk o Ġesù u nberkuk…
Kulħadd: Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Lettur 1: Inti u miexi ma’ Xmun minn Ċirene, ma bqajtx tara sew. Apparti l-għejja u t-tbatija, għajnejk kienu mimlija trab, għaraq u demm. Imma ħadd ma ta kas it-tbatija tiegħek.
Lettur 2: Imma f’daqqa waħda ħarġet mara b’maktur kbir. Qalu li kien jisimha Veronika. Din resqet lejk u malajr, qabdet il-maktur u b’imħabba kbira mesħitlek wiċċek u għajnejk. Dak il-ħin, lil din il-mara rajtha anġlu u f’qalbek beriktha.
Lettur 1: Grazzi Mulej ta’ kemm hawn nies fir-raħal u fil-parroċċa tagħna li lesti jgħinuna u jgħallmuna.
Kulħadd: Grazzi, Mulej!
Lettur 2: Grazzi Mulej ta’ dawk in-nies kollha li b’xogħolhom u b’imħabbithom jgħinu lid-dinja tkun aħjar u isbaħ milli hi.
Kulħadd: Grazzi, Mulej!
Ċelebrant: Mulej Ġesù, ara kemm hawn nies madwarna li, bħalma għamlet miegħek Veronika, jagħmlu hekk ma’ kull wieħed u waħda minna. Pattilhom kif taf int ta’ tant ġid li jagħmlu magħna. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.
Kulħadd: Ammen.
Issir strofa kant.
Ċelebrant: IS-SEBA’ STAZZJON: ĠESÙ JAQA’ GĦAT-TIENI DARBA
Nadurawk o Ġesù u nberkuk…
Kulħadd: Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Lettur 1: Is-suldati, bla ħniena, warrbu lil Xmun minn Ċirene u reġgħu tefgħu s-salib fuq spallejk. Imma din id-darba kont wisq bla saħħa u x’ħin poġġewh fuq spallejk, inti tfixkilt u waqajt għat-tieni darba fl-art.
Lettur 2: Minkejja t-tbatija kollha, inti bqajt sod fir-rieda tiegħek u, minkejja l-uġigħ kbir li kellek, erġajt qomt bilwieqfa u komplejt bil-mod it-triq lejn il-quċċata.
Lettur 1: Aħseb Mulej f’dawk kollha li għaddejjin minn mumenti diffiċli ħafna.
Kulħadd: Għinhom int, Mulej!
Lettur 2: Aħseb Mulej f’dawk in-nies imtaqqla mill-piż tal-mard u tal-età.
Kulħadd: Għinhom int, Mulej!
Ċelebrant: Mulej Ġesù, hawn ħafna nies madwarna li għaddejjin minn mumenti iebsa ħafna. Iħossuhom weħdihom u mgħaffġin taħt ħafna problemi, dnubiet, mard jew inkwiet. Wasslilhom malajr il-faraġ tiegħek u għinhom biex ma jaqtgħu qatt qalbhom. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.
Kulħadd: Ammen.
Issir strofa kant.
Ċelebrant: IT-TMIEN STAZZJON: ĠESÙ JILTAQA’ MA’ XI NISA LI KIENU JAFUH
Nadurawk o Ġesù u nberkuk…
Kulħadd: Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Lettur 1: Int u tiela’ lejn il-quċċata tal-għolja ltqajt ma’ grupp ta’ nisa li, f’kantuniera, qagħdu jarawk tbati u jibkuk. Imma dawn in-nisa m’għamlux bħal Veronika għax beżgħu jersqu lejk u jgħinuk. Beżgħu li n-nies jibdew jgħajtu magħhom u jidħku bihom.
Lettur 2: Jista’ jkun li ħafna drabi, aħna wkoll hekk nagħmlu. Naraw lil xi ħadd minn sħabna jiġi mgħajjar u bullied l-iskola: noqogħdu ngħidu: miskin! Imma mbagħad ma nagħmlu xejn biex ngħinuh u nħobbuh.
Lettur 1: Fejn hemm il-bullying, għinna Mulej biex nitkellmu ma’ min jieħu ħsiebna ħalli jittieħdu l-passi meħtieġa.
Kulħadd: Agħtina l-qawwa, Mulej!
Lettur 2: Jekk hemm uħud minn sħabna mwarrbin mill-bqija tal-klassi, għinna biex insiru ħbieb magħhom.
Kulħadd: Agħtina l-qawwa, Mulej!
Ċelebrant: Mulej Ġesù, huwa faċli li noqogħdu ngħidu Miskin! Miskina!, mingħajr ma nagħmlu xejn. Jekk nagħmlu hekk ma nkunux inħobbuk. Għinna niddefendu lil dawk li qed ikunu mwarrba mill-egoiżmu ta’ ħaddieħor. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.
Kulħadd: Ammen.
Issir strofa kant.
Ċelebrant: ID-DISA’ STAZZJON: ĠESÙ JAQA’ GĦAT-TIELET DARBA
Nadurawk o Ġesù u nberkuk…
Kulħadd: Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Lettur 1: Wasalt kważi fl-aħħar, imma issa t-triq saret iktar wieqfa. Għajjejt u spiċċajt bla saħħa għax kien ilek minn filgħodu tilqa’ biss tbatija.
Lettur 2: Erġajt waqajt, Mulej, taħt il-piż tas-salib. Kemm-il darba naqgħu aħna wkoll! Naqgħu mhux għax nitfixklu fil-lazz jew għax niżolqu. Naqgħu bid-dnub tagħna! Imma int dejjem lest biex tnewlilna idek u terġa’ tqajjimna bil-ħniena tiegħek.
Lettur 1: Aħfrilna Mulej ta’ kemm ma niħdux bis-serjetà l-imħabba tiegħek fis-sagrament tal-Qrar.
Kulħadd: Skużana Mulej!
Lettur 2: Aħfrilna Mulej ta’ kemm ma tajniex importanza lill-kelma tal-katekisti tagħna fid-duttrina.
Kulħadd: Skużana Mulej!
Ċelebrant: Mulej Ġesù, aħna nafu li kemm-il darba nispiċċaw naqgħu fl-iżball u fid-dnub. Għinna niftakru dejjem li inti dejjem lest biex, bil-maħfra tiegħek, terġa’ tqajjimna u nkunu ferħanin. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.
Kulħadd: Ammen.
Issir strofa kant.
Ċelebrant: L-GĦAXAR STAZZJON: ĠESÙ JITNEŻŻA’ MINN ĦWEJĠU
Nadurawk o Ġesù u nberkuk…
Kulħadd: Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Lettur 1: Fl-aħħar Ġesù wasal bis-salib sa fuq il-quċċata tal-Kalvarju. Imma l-kbir kien għadu ġej. Malli wasal, xi suldati qabdu lil Ġesù u, b’kefrija, neżżgħulu ħwejġu.
Lettur 2: O Ġesù, kemm batejt dak il-ħin! Għax il-feriti li kellek reġgħu nfetħu u reġa’ ħariġlek ħafna demm. Kien hemm xi nies li flok għenuk, qagħdu jidħku bik, imma inti xorta ma għedt xejn u bqajt ma gergirtx.
Lettur 1: Kemm hawn nies li minħabba l-gwerer u l-ġlied jispiċċaw b’xejn, bla saqaf, bla flus u bla ħwejjeġ. Eħlishom Mulej minn tant inkwiet.
Kulħadd: Ismagħna nitolbuk Mulej!
Lettur 2: Fost dawn in-nies li semmejna hemm ħafna minnhom li qed ibatu ħafna għax huma ħbieb tiegħek u minħabba f’hekk jiġu mkeċċijin, mitfugħin il-ħabs u saħansitra jingħataw il-mewt. Ieqaf magħhom, Ġesù, u għinhom biex ma jbatux iktar.
Kulħadd: Ismagħna nitolbuk Mulej!
Ċelebrant: Mulej Ġesù, madwarna hawn ħafna nies ibatu minħabba dak li aħna nsejħulhom ‘inġustizzji’ u dawn kollha ġejjin minn nuqqas ta’ mħabba lejn xulxin. Agħmel li aħna ma nkunux il-kawża tal-inġustizzji li jsofru dawk ta’ madwarna. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.
Kulħadd: Ammen.
Issir strofa kant.
Ċelebrant: IL-ĦDAX-IL STAZZJON: ĠESÙ JIĠI MSAMMAR MAS-SALIB
Nadurawk o Ġesù u nberkuk…
Kulħadd: Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Lettur 1: Is-suldati tefgħuk fuq is-salib u qabdu jdejk u saqajk biex isammruhom mas-salib. Uġigħ kbir ħassejt dak il-ħin, imma l-unika ħaġa li ħarġet minn fommok kienet:
Lettur 2: “Aħfrilhom Missier, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu!”
Lettur 1: Inti ħfirt lil dawk li ġagħluk tbati daqshekk. Għinna naħfru dejjem lil xulxin.
Kulħadd: Ismagħna nitolbuk Mulej!
Lettur 2: Inti ħfirt ukoll lil dawk li kienu qed jidħku bik. Għinna nħobbu lil dawk li nħossuhom għedewwa tagħna.
Kulħadd: Ismagħna nitolbuk Mulej!
Ċelebrant: F’dan l-istazzjon nitolbu flimkien il-“Missierna”.
Kulħadd: Missierna….
Issir strofa kant.
Ċelebrant: IT-TNAX-IL STAZZJON: ĠESÙ JMUT FUQ IS-SALIB
Nadurawk o Ġesù u nberkuk…
Kulħadd: Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Lettur 1: Tliet sigħat domt imdendel bejn sema u art, fuq is-salib. Ma tistax tieħu nifs sewwa u lanqas stajt tiċċaqlaq. Imma xorta, qabel mitt, ħsibt fina!
Lettur 2: “Hawn hu ibnek!” mort għedt lil ommok Marija… u lil Ġwanni għedtlu: “Hawn hi ommok!”. Dan kien l-aħħar rigal li tajtna: tajtna kollox anki lil ommok Marija biex tkun ommna. Imbagħad mitt, u bil-mewt tiegħek, salvajt lilna kollha!
Lettur 1: Ninżlu issa għarkupptejna u nagħmlu ftit ħin ta’ skiet, biex, f’qalbna, ngħidu grazzi lil Ġesù ta’ kemm ħabbna meta bata u miet għalina.
Ċelebrant: Inqumu bilwieqfa u f’dan l-istazzjon nitolbu flimkien il-“Glorja”.
Kulħadd: Glorja….
Issir strofa kant.
Ċelebrant: IT-TLETTAX-IL STAZZJON: ĠESÙ JIĠI MNIŻŻEL MIS-SALIB
Nadurawk o Ġesù u nberkuk…
Kulħadd: Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Lettur 1: Suldat, biex ikun ċert, nifidlek ġenbek u qalbek b’lanza, imma inti ma ċċaqlaqtx għax kont diġà mejjet. Imma dik id-daqqa ħassitha qalb oħra, il-qalb ta’ Ommok Marija. Għax Marija baqgħet miegħek sal-aħħar, u anki issa li mitt, ma ħallitekx waħdek.
Lettur 2: U meta niżżluk mis-Salib, qegħdu lil ġismek mejjet f’ħoġor Marija. U Marija, b’għajnejha kollha dmugħ, ipprovat timsaħlek ftit wiċċek u tagħtik il-bewsa tagħha.
Lettur 1: Kemm inġegħluha tbati lil Marija meta nduru kontra Ġesù bid-dnub tagħna.
Lettur 2: U kemm tibki Marija meta tarana nitbegħdu mill-bieb tal-Ġenna b’imġibitna ħażina fuq din l-art.
Ċelebrant: Ejjew f’dan l-istazzjon insellmu lil din l-Omm tagħna billi flimkien ngħidu:
Kulħadd: Sliema…
Issir strofa kant.
Ċelebrant: L-ERBATAX-IL STAZZJON: ĠESÙ JIĠI MIDFUN
Nadurawk o Ġesù u nberkuk…
Kulħadd: Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Lettur 1: Ommok Marija u xi ħbieb bdew jippreparaw il-ġisem tiegħek biex iqegħduh fil-qabar. Kemm imħabba wrewk f’dak il-ħin u b’kemm attenzjoni qegħdu lil ġismek l-għażiż fil-qabar imħaffer fil-blat!
Lettur 2: U kulħadd telaq, imnikket u għajjien lejn daru. Kienet ġurnata kerha ħafna, mimlija vjolenza, kefrija u tbatija. Uħud minn dawk li raw kollox ħasbu li issa kollox għadda u spiċċa kollox fix-xejn. Imma ma kienx spiċċa kollox! Għax dik il-ġebla li għalqitek fil-qabar, wara tlitt ijiem, kellha titrambal bil-qawwa biex inti toħroġ rebbieħ u rxuxtat.
Lettur 1: F’dan l-aħħar stazzjon, Mulej, nitobluk tiftakar fl-erwieħ kollha tal-Purgatorju u f’dawk kollha li qed jibku t-telfa ta’ xi ħadd għażiż.
Kulħadd: Ismagħna nitolbuk Mulej!
Lettur 2: U lilna hawn preżenti, nitolbuk tgħinna biex f’dan ir-Randan nippreparaw ruħna tajjeb ħalli nikkonvertu u nifirħu miegħek fil-Għid tal-Qawmien.
Kulħadd: Ismagħna nitolbuk Mulej!
Ċelebrant: Nirringrazzjawk b’qalbna kollha, o Ġesù, talli tajtna ċ-ċans nimxu miegħek din it-Triq tal-Kalvarju. Nitolbuk tbierek lilna t-tfal u lilna l-kbar biex ma ninsew qatt dak kollu li għamilt magħna dakinhar li ssallabt għalina ħalli b’hekk nimxu fuq dak li għallimtna u ngħixu l-imħabba lejk u lejn il-proxxmu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Inti li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.
Kulħadd: Ammen.
Ċelebrant: Insellmu tal-aħħar lil Ommna Marija billi ngħidu flimkien is-Salve Regina
Kulħadd: Sliem għalik, Sultana….
Jekk iċ-Ċelebrant ikun saċerdot jew djaknu, jagħti l-barka tal-aħħar. Jekk le, iċ-ċelebrazzjoni tagħlaq bir-radd tas-salib. Isir il-kant tal-aħħar.
Noti:
- Is-saċerdot/djaknu jilbes stola ħamra.
- Tista’ tingħata tifkira fl-aħħar tal-Via Sagra.
- Fil-Via Sagra jistgħu jiddaħħlu xi ġesti li jgħinu iktar lit-tfal jidħlu fl-ispirtu ta’ din it-talba.
- Il-Via Sagra tista’ ssir kemm fil-knisja kif ukoll fis-swali tal-katekeżi. F’kull każ tajjeb li t-tfal jiġu mgħejjuna permezz ta’ stampi u powerpointsli jkunu adattati għall-età tagħhom. Tajjeb ukoll li, kif isir fil-katekeżi Godly Play, it-tfal iżuru l-istazzjonijiet tal-Via Sagra li hemm fil-knisja tagħhom biex hekk ikunu familjari magħhom.
