OMELIJA GĦAT-TIENI ĦADD TAR-RANDAN SENA Ċ

IT-TBATIJA U L-MEWT MHUMIEX L-AĦĦAR KELMA …
GĦAL MIN JEMMEN HEMM GLORJA TISTENNIEH!

Minn Fr Michael A. Galea

Kien it-8 t’Awwissu 1936, ġewwa Dovadola, belt żgħira ftit ‘il-bogħod mill- Provinċja ta’ Forli’ l-Italja, twieldet Benedetta Bianchi Porro, it-tieni wild minn sitt aħwa. Missierha kien jismu Guido u ommha Elsa: flimkien irnexxielhom irabbu familja tajba u skont il-valuri nsara. Għalkemm ftit marradija, Benedetta kienet intelliġenti ħafna u ta’ ħames snin bdiet iżżomm djarju li fih kienet tikteb l-esperjenzi kollha tagħha. Biex insemmi xi ħaġa żgħira ħafna imma fl-istess ħin ta’ min jaħseb fuqha…Benedetta kitbet hekk: “L-univers u l-ħolqien jimmeraviljawni! Kemm hi xi ħaġa sabiħa li jkollok skop għal xiex tgħix!” Ta’ sbatax-il sena daħlet fl-universita’ ta’ Milan u ħadet bħala suġġett il-kors tal-mediċina. Bdiet timrad ħafna…

Ħa naqralkom ittra li kitbet din Benedetta lil ċertu Natalino, li hu wkoll kien marid u kien qed ibati ħafna. Kitbitlu hekk Benedetta: “Għandi 26 il-sena…Kont wasalt biex intemm b’suċċess il-kors tal-mediċina ġewwa Milan meta ħakmitni marda li mermritni…L-aħħar eżamijiet għamilthom f’qiegħ ta’ sodda u l-lawrja ta’ tabiba servitni biss biex nagħraf il-marda tiegħi għaliex sa dak iż-żmien, ħadd ma kien għadu nduna minn xiex kont qegħda nbati. Sa tliet xhur ilu, il-vista t’għajnejna kienet mill-aħjar, illum ma narax! Iżda f’dan il-kalvarju li għaddejja minnu, ma nħossnix iddisprata. Jien naf li Ġesu’, ħaj u glorjuż,  qed jistennieni f’tarf it-triq. Konvinta li wara dit-tbatija li ninsab fiha se ngħaddi għall-glorja.”

Benedetta mietet fit-23 ta’ Jannar 1964 u ġiet beatifikata minn Papa Franġisku fl-14 ta’ Settembru 2019.

Is-suġġett tal-omelija tal-lum huwa dan: “It-tbatija u l-mewt mhumiex l-aħħar kelma…Għal min jemmen hemm glorja tistennieh!”

Ħa nagħmel erba’  riflessjonijiet.

L-ewwel riflessjoni. Qabel xejn ħa npoġġu dal-vanġelu li għadna kemm smajna fil-kuntest propju tiegħu. Eżattament qabel dan ir-rakkont tat-trasfigurazzjoni ta’ Ġesu’ li tela’ fuq muntanja biex jitlob, l-evanġelista San Luqa jitkellem mill-ewwel tħabbira tal-mewt u tal-qawmien tiegħu. Ħa miegħu (donnu biex ikunu xhieda ta’ dak li se jiġri) lit-tliet appostli preferiti tiegħu: jiġifieri lil Pietru, lil Ġakbu u lil Ġwanni. Fil-fatt, fit-tieni ittra tiegħu, Pietru jgħid hekk: “Aħna smajnieh dan il-leħen ġej mis-sema meta konna miegħu fuq il-muntanja mqaddsa” (1,18) Fuq dan il-leħen nitkellmu iktar tard. Għal issa importanti ngħidilkom li l-iskop ewlieni tat-trasfigurazzjoni kien biex meta tasal is-siegħa tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu mill-imwiet, l-appostli ma jispiċċawx jiskuraġġixxu ruħhom, jitilfu l-fiduċja u t-tama tagħhom f’Ġesu’, għax ngħid jien: “Ara kemm kienu dgħajfin ċerti dixxipli li ġrew wara Ġesu’, semgħuh jgħallem u rawh jagħmel tant u tant mirakli. X’ħin waslet is-siegħa tal-prova, tfixklu ħafna.” Nirreferikom għall-ġrajja taż-żewġ dixxipli li minn Ġerusalem kienu sejrin lura lejn Għemmaws, ir-raħal tagħhom. Kien l-ewwel jum tal-Ġimgħa, dak inhar li Ġesu’ qam mill-imwiet. Ġesu’ beda miexi magħhom u huma ma għarfuhx. Ir-rakkont tafuh. Ħa ngħid biss dak li qal Kleofa lil Ġesu’: “Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; imma issa, fuq kollox ġa’ għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja!” (Luqa 24,21)

It-tieni riflessjoni. Ma’ Ġesu’ trasfigurat, fuq naħa u fuq l-oħra tiegħu dehrulhom żewgt irġiel trasfigurati wkoll. Dawn kienu Mose’ u Elija. Il-fissiera tal-Iskrittura jgħidulna li Mose’ kien qed jirrappreżenta l-liġi u l-kmandamenti t’Alla għax kien hu li minn fuq il-muntanja Sinaj niżel bit-twavel tal-kmandamenti t’Alla f’idejh. U Elija kien qed jirrappreżenta l-profeti. Min kienu dawn il-profeti? Minn żmien għal żmien, Alla kien jibgħat dawn il-profeti tiegħu, mhux tant biex iħabbru x’se jiġri fil-ġejjieni, imma biex permezz tagħhom jgħallem, jikkorreġi u jwiddeb lill-Poplu tiegħu għax moralment, mhux darba u tnejn qabad triq żbaljata.

It-tielet riflessjoni. Fit-Testment il-Qadim, it-tagħlim u kull twissija tal-profeti kienu importanti, imma llum, li ftit iktar minn elfejn sena ilu Ġesu’ ġie fostna, għandna lilU. Il-Bxara t-Tajba li ġabilna, imfissra mill-Knisja li waqqaf, hija biżżejjed. Fil-fatt, l-Awtur tal-Ittra lil-Lhud, jgħidlna: “Fl-imgħoddi, Alla kellem lil missirijietna ħafna drabi u b’ħafna manjieri permezz tal-profeti. Issa f’dan l-aħħar żmien, Huwa kellimna permezz ta’ Ibnu.” (1,1)

Ir-raba’ riflessjoni. “Ġiet sħaba u għattiethom,” jgħidilna San Luqa. Fl-Iskrittura Mqaddsa, is-sħaba tfisser il-preżenza t’Alla. Hekk pereżempju fil-Ktieb tal-Eżodu nsibu: “Is-sħaba ksiet it-tinda tal-laqgħa u l-glorja tal-Mulej imliet it-tabernaklu.” (40,34) Hekk ġara fil-vanġelu tat-trasfigurazzjoni. Mela Alla l-Missier kien hemm. Minn ġos-sħaba nstema’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-maħtur; isimgħu lilu.” Nistaqsi: aħna lil min qegħdin nisimgħu? Lill-politikanti? Ta’ naħa jgħidu ħaġa u tan-naħa l-oħra jgħidu l-kuntrarju? Lil xiex qegħdin nagħtu każ l-iktar? Tar-reklami fuq it- television li jwegħduna l-ġenna fl-art jew tal-ħafna programmi ta’ formazzjoni li jkun hemm fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali? F’dan iż-żmien tar-randan li għadna kif bdejna għandna bżonn nagħrblu lilna nfusna fuq ħafna ħwejjeġ u nitolbu lil Ġesu’ jgħinna biex ninbidlu…

Nikkonkludi bi kwotazzjoni li sibt fi ktieb Ingliż. Jgħid hekk dan l-awtur: “Iż-żmien tar-randan jiġi sabiex dak li qed jgħix ħajja ħażina jgħarbel lilu nnifsu u jagħmel ħbieb ma’ Alla. Dak li hu biered u kiesaħ spiritwalment iqum fuq tiegħu u jitħeġġeġ. Dak tajjeb dejjem jista’ jsir aħjar. Il-konverżjoni mhijiex ħaġa “optional” imma dmir ta’ kull min hu mgħammed.” 

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading