Talba Marjana adattata għat-tfal fl-okkażjoni tar-Randan Imqaddes f’din is-Sena Marjana
Uffiċċju tal-Katekeżi tad-Djoċesti ta’ Għawdex (2019)
Ritratt: Id-Duluri tar-Rabat, meqjuma fil-knisja ta’ San Ġakbu
Introduzzjoni
Leader Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen.
Lettur 1 Għeżież tfal, ninsabu fir-Randan Imqaddes. Ir-Randan hu żmien li fih aħna lkoll mistiedna nitolbu iktar, nisimgħu l-kelma t’Alla, nagħmlu xi sagrifiċċju u ngħinu lil min hu fil-bżonn. Ir-Randan jgħinna nippreparaw ruħna biex niċċelebraw l-ikbar ġimgħa tal-Knisja: Il-Ġimgħa Mqaddsa u l-festa l-kbira tal-Għid tal-Qawmien ta’ Ġesù mill-Mewt.
Lettur 2 Ġimgħa qabel il-Ġimgħa l-Kbira aħna nagħmlu festa sabiħa lill-Madonna tad-Duluri. Kull parroċċa għandha xi statwa tad-Duluri. Dawn l-istatwi ma jurux lill-Madonna titbissem imma wiċċ il-Madonna hu mnikket, imdejjaq u spiss bid-dmugħ nieżel fuq il-ħaddejn. Ħafna drabi, l-istatwi li għandna tal-Madonna tad-Duluri għandhom ukoll ‘stallett’ jew ‘sejf’. L-istallett jew sejf huwa bħal sikkina li titpoġġa qrib il-qalb tal-Madonna. Din mhijiex sikkina bħal dik li biha naqtgħu l-ħobż jew li nieklu jew naħdmu biha. Dak l-istallett jew sejf qiegħed hemm biex jurina t-tbatija kbira li batiet il-Madonna f’ċerti mumenti ta’ ħajjitha! Għalhekk, meta xi ħadd ikun iddispjaċut ħafna, jgħid il-frażi: “għandi qalbi maqsuma”!
Leader Mela l-Madonna batiet? U żgur li batiet! Ma jfissirx li għax kienet Omm il-Mulej, allura ma kinitx tbati! U għalhekk inġbarna hawn illum, biex naraw ftit meta kienu dawk il-mumenti fejn Marija batiet ħafna. Għax anki bil-biki u bit-tbatija tagħha, il-Madonna għandha ħafna x’tgħallimna.
It-talba li ser nitolbu llum jisimha “Via Matris”, żewġ kelmiet mil-Latin li jfissru “It-Triq tal-Omm”. Fiha ser naraw 7 mumenti li fihom il-Madonna batiet ħafna hi u tkun qrib Binha Ġesù.
Isir il-kant.
L-ewwel mument: Il-preżentazzjoni fit-Tempju
Qari mill-Vanġelu ta’ San Luqa:
Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! – biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna.” (Lq 2, 34-35)
Lettur 1 Ġesù kien għadu tarbija ta’ 40 ġurnata. Kif kienu suppost jagħmlu, Marija u Ġużeppi marru fit-Tempju biex jippreżentaw lit-tarbija lil Alla waqt li joffru sagrifiċċju b’ringrazzjament. Huma u deħlin sabu lil wieħed anzjan jistennihom. Kien jismu Xmun.
Lettur 2 Xmun refa’ lil Ġesù fuq dirgħajh u, wara li qal grazzi lil Alla li tah iċ-ċans jara lil din it-tarbija li kellha ssalva lid-dinja kollha mid-dnub, dar fuq il-Madonna u qalilha: “Sejf ta’ dulur ser jinfidlek ruħek”.
Lettur 1 Nimmaġinaw lil Marija tħoss għafsa ta’ qalb dak il-ħin, hi u tisma’ dawk il-kelmiet. Għax Xmun induna li Ġesù tarbija, meta kien ser jikber, kellu jbati ħafna u miegħu, kienet ser tbati wkoll Ommu Marija.
Talba 1 O Ġesù, nitolbuk biex tagħti ħafna faraġ lil dawk l-ommijiet li qed jibku ħafna għax uliedhom huma morda. Nitolbu.
Talba 2 O Ġesù, nitolbuk għal dawk l-ommijiet li qed ibatu ħafna fil-familja tagħhom. Nitolbu.
Talba 3 O Ġesù, nitolbuk għal dawk il-familji li ma jistax ikollhom tfal u għal dawk li mitilhom xi wild għażiż. Nitolbu.
Leader Ngħidu flimkien: Sliema…
O Madonna tad-Duluri
nagħtuk bewsa u nħobbuk!
Isir il-kant.
It-tieni mument: Il-ħarba lejn l-Eġittu
Qari mill-Vanġelu ta’ San Mattew:
“Deher anġlu tal-Mulej f’ħolma lil Ġużeppi u qallu: “Qum, ħu miegħek lit-tifel u ‘l ommu, u aħrab lejn l-Eġittu. Ibqa’ hemm sa ma ngħidlek jien, għax Erodi se jfittex lit-tifel biex joqtlu.” Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u ‘l ommu billejl u telaq lejn l-Eġittu. (Mt 2, 13-14)
Lettur 1 Ġesù kellu biss sentejn u diġà kien hemm min ried jagħmillu l-ħsara! Erodi kien sema’ li kienet twieldet tarbija speċjali u ħaseb li meta tikber, din it-tarbija kienet ser issir re floku. U tant irrabja li ordna lis-suldati biex imorru joqtlu t-trabi subien kollha ta’ Betlem!
Lettur 2 L-anġlu kellem lil San Ġużepp u qallu biex jaqbad kollox u jaħrab malajr ma’ Marija u Ġesù lejn l-Eġittu. Min jaf qalb il-Madonna kemm batiet, kemm għax kellha tivjaġġa vjaġġ twil ħafna lejn art li ma kinitx taf u kif ukoll minħabba l-fatt li għalkemm Ġesù kien daqshekk żgħir, xorta kien hemm min diġà qed ifittxu biex joqtlu.
Lettur 1 Nimmaġinaw lil Marija tħoss għafsa ta’ qalb x’ħin, hi u titbiegħed minn Betlem fuq il-ħmara ma’ Ġużeppi, tisma’ l-għajjat tal-ommijiet l-oħra li kienu qed jaraw lil uliedhom imutu bla ebda tort.
Talba 1 O Ġesù, nitolbuk għal dawk it-tfal kollha li qed ibatu ħafna minħabba l-ħażen tal-adulti ta’ madwarhom. Nitolbu.
Talba 2 O Ġesù, nitolbuk għalina lkoll biex ma niddejqux nilqgħu u ngħinu lil min hu barrani u nibqgħu ngħożżu l-ħajja anki meta tkun għadha fil-ġuf. Nitolbu.
Talba 3 O Ġesù, nitolbuk tgħinna nirrispettaw dejjem lill-ġenituri tagħna u lil dawk li inti tibgħatilna biex jgħinuna nikbru. Nitolbu.
Leader: Ngħidu flimkien: Sliema…
O Madonna tad-Duluri
nagħtuk bewsa u nħobbuk!
Isir il-kant.
It-tielet mument: It-tfajjel Ġesù jibqa’ Ġerusalemm
Qari mill-Vanġelu ta’ San Luqa:
Meta kellu tnax-il sena, telgħu wkoll fit-tempju, skont id-drawwa ta’ dik il-festa. Wara li għaddew dawk il-ġranet, qabdu t-triq lura imma t-tfajjel Ġesù baqa’ Ġerusalemm bla ma kienu jafu l-ġenituri tiegħu. Huma ħasbuh qiegħed ma’ xi wħud li kienu fit-triq magħhom; iżda meta wara jum mixi fittxewh fost qrabathom u n-nies li kienu jafuhom, ma sabuhx, u għalhekk reġgħu lura Ġerusalemm ifittxuh. Wara tlitt ijiem sabuh fit-tempju, bilqiegħda f’nofs l-għalliema, jismagħhom u jistaqsihom; u kull min semgħu baqa’ mistagħġeb bid-dehen u t-tweġibiet tiegħu. Kif rawh, instamtu, u ommu qaltlu: “Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma!” (Lq 2, 42-48)
Lettur 1 Ġesù kellu tnax-il sena. Ma kienx daqshekk żgħir imma xorta ma kienx kbir biżżejjed biex jibqa’ waħdu ġo belt kbira bħal Ġerusalemm.
Lettur 2 Min jaf x’ħasset Marija meta, għal tlett ijiem u tliet iljieli, hi u Ġużeppi fittxew fuq li fittxew lil Ġesù imma baqgħu ma sabuhx!
Lettur 1 Jista’ jkun li aħna wkoll nagħtu l-istess dulur lill-Madonna, għax aħna spiss nitilfu t-triq għax nagħmlu d-dnub.
Talba 1 O Ġesù, nitolbuk għal dawk kollha li jinsabu ’l bogħod mill-għeżież tagħhom u qed jimmissjawhom ħafna. Nitolbu.
Talba 2 O Ġesù, nitolbuk għall-familji li huma mifruda minn xulxin minħabba problemi, gwerer, mard jew ħabs. Nitolbu.
Talba 3 O Ġesù, nitolbuk tgħinna ngħinu lil dawk li jkollhom bżonn l-għajnuna tagħna. Nitolbu.
Leader Ngħidu flimkien: Sliema…
O Madonna tad-Duluri
nagħtuk bewsa u nħobbuk!
Isir il-kant.
Ir-raba’ mument: Marija miexja ma’ Ġesù mgħobbi s-Salib
Qari mill-Vanġelu ta’ San Luqa:
B’ħafna għajjat baqgħu jinsistu u jitolbu li jkun imsallab, sakemm fl-aħħar għaddiet tagħhom. Għalhekk Pilatu qatagħha li jsir kif talbu huma. Telqilhom lil min talbu, jiġifieri lil dak li kien mitfugħ il-ħabs minħabba rewwixta u qtil, u lil Ġesù tahulhom bħalma xtaqu. (Lq 23, 23-25)
Lettur 1 Ġesù kiber, ħareġ jipprietka għal tliet snin sħaħ, għamel ħafna mirakli, fejjaq ħafna nies, xandar il-kelma t’Alla… imma ħafna nies m’emmnux fih, ma laqgħuhx, u saħansitra rnexxielhom jigżawh b’ħafna gideb u spiċċa kkundannat għall-mewt bla ħtija.
Lettur 2 Min jaf x’ħasset Marija meta marru jiġru jgħidulha li Biha Ġesù kien ġie ttradut minn Ġuda, wieħed minn ħbiebu, li ġie arrestat, li n-nies li tant kien għamlilhom ġid issa daru kontrieh u li, wara ħafna tgħajjir u tbatija, spiċċa kkundannat għall-mewt bla ħtija!
Lettur 1 Imma avolja l-qalb tal-Madonna kienet qed tbati ħafna minħabba dak li kien qed jiġri lil Ġesù, hija xorta ma ħallietx lil Ġesù waħdu u marret timxi warajh mgħobbi s-salib u tagħmillu l-kuraġġ biex ikompli triqtu lejn il-Kalvarju ħa jsalva lill-bnedmin kollha.
Talba 1 O Ġesù, aħna nafu kemm batejt int u ġġorr is-salib. Il-Madonna stess, f’Ta’ Pinu, qalet lil Franġisk Portelli biex nitolbu b’devozzjoni f’ġieħ il-pjaga kbira u moħbija li Ġesù sofra fi spallejh minħabba s-salib. Agħtina l-grazzja li ma ninsew qatt l-imħabba kbira tiegħek għalina. Nitolbu.
Talba 2 O Ġesù, nitolbuk għal dawk in-nies kollha li għaddejjin minn mumenti diffiċli u għal dawk it-tfal kollha li huma morda. Nitolbu.
Talba 3 O Ġesù, għinna ntaffulek xi ftit mit-tbatija tas-salib billi nitolbu maħfra għal dnubietna u, jekk nistgħu, nersqu ferħana għall-Qrar. Nitolbu.
Leader Ngħidu flimkien f’ġieħ il-pjaga moħbija li Ġesù sofra fuq spallejh:
Missierna, Sliema, Glorja.
O Madonna tad-Duluri
nagħtuk bewsa u nħobbuk!
Isir il-kant.
Il-ħames mument: Marija tibqa’ wieqfa ħdejn Ġesù msallab
Qari mill-Vanġelu ta’ San Ġwann:
Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala. Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: “Mara, hawn hu ibnek.” Imbagħad qal lid-dixxiplu: “Hawn hi ommok.” (Ġw 19, 25-27)
Lettur 1 Tiftakru x’qalet Marija lill-Anġlu Gabrijel meta ħabbrilha li kellha tkun Omm Alla? Qaltlu: “Jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek.” Dak il-kliem, il-Madonna reġgħet qalitu f’qalbha taħt is-salib meta Ġesù talabha biex tkun omm ta’ Ġwanni u għalhekk, omm tagħna lkoll.
Lettur 2 Min jaf x’ħasset Marija meta, għal tliet sigħat sħaħ, rat lil Ġesù jbati fuq is-salib mingħajr ma tista’ tgħinu f’xejn! Min jaf x’ħasset x’ħin Ġesù ħa l-aħħar nifs u miet. Min jaf x’ħasset x’ħin rat lis-suldat riesaq lejn is-salib u jinfed il-ġenb ta’ Ġesù bil-lanza biex hekk ikun żgur li Ġesù miet.
Lettur 1 Marija taħt is-salib saret l-omm tagħna. Omm tal-kbar u omm taż-żgħar, omm tan-nies kollha tad-dinja. Marija tibki meta aħna nibku u tifraħ magħna meta aħna nifirħu. Fuq kollox, il-Madonna titlob dejjem għalina u tħarisna f’kull ħin.
Talba 1 O Ġesù, grazzi talli batejt tant għalina fil-passjoni u talli mitt għalina. Nitolbuk tgħinna nkomplu nirringrazzjawk billi nsiru ċittadini onesti u Nsara tajbin. Nitolbu.
Talba 2 O Ġesù, grazzi talli tajtna lil Marija ommok bħala l-omm tagħna. Nitolbuk tgħinna ma noffenduha qatt bid-dnub u l-ħażen tagħna. Nitolbu.
Talba 3 O Ġesù, grazzi talli ħsibt fina anki f’dak il-mument ta’ tbatija kbira fuq is-salib. Għin lil dawk kollha li m’għandhomx min jgħinhom u li għalhekk qed jaqtgħu qalbhom. Nitolbu.
Leader Ngħidu flimkien: Sliema…
O Madonna tad-Duluri
nagħtuk bewsa u nħobbuk!
Isir il-kant.
Is-sitt mument: Ġesù mejjet jitniżżel minn fuq is-Salib
Qari mill-Vanġelu ta’ San Ġwann:
Ġużeppi minn Arimatija, li kien dixxiplu ta’ Ġesù bil-moħbi għax kien jibża’ mil-Lhud, mar u talab lil Pilatu biex jieħu l-ġisem ta’ Ġesù. Pilatu ħallieh, u hu ġie u ħa l-ġisem tiegħu. Ġie wkoll Nikodemu, dak li qabel kien mar għand Ġesù billejl, u ġieb miegħu taħlita ta’ morr u sabbara, tiżen xi mitt libbra. (Ġw 19, 38-39)
Lettur 1 Bdiet nieżla x-xemx u beda jiksaħ. L-għada kienet ser tkun festa kbira għal-Lhud u għalhekk kellhom jgħaġġlu biex iniżżlu lil Ġesù minn fuq is-salib u jidfnuh qabel jidlam. Imma ma setgħux ma jpoġġux lil Ġesù mejjet għal ftit ħin fuq ħoġor ommu Marija.
Lettur 2 Min jaf x’ħasset Marija meta rat lil dak l-għażiż Binha, li tant ħabbet u rabbiet b’għożża, mejjet fuq ħoġorha. Min jaf kemm bkiet hi u tħares lejn il-feriti li kellu fuq ġismu kollu. Min jaf kemm bisitu waqt li naddfitlu wiċċu mid-demm.
Lettur 1 Kemm batiet il-Madonna dak il-ħin. Imma x’aktarx dak il-ħin il-Madonna qalet talba għalina lkoll biex il-mewt ta’ Ġesù tgħinna naħarbu d-dnub u nimxu dejjem fit-triq it-tajba.
Talba 1 O Ġesù, grazzi talli ħabbejtna daqshekk. Għinna npattulek xi ftit billi ngħinu lil xulxin mill-qalb u qatt ma nweġġgħu lil xulxin. Nitolbu.
Talba 2 O Ġesù, nitolbuk tfarraġ lil dawk kollha li qed jibku lill-għeżież tagħhom mejtin. Nitolbu.
Talba 3 O Ġesù, bierek lil dawk kollha li jaħdmu jew inkella joffru ħinhom b’mod volontarju biex jgħinu lil dawk il-persuni li waslu fl-aħħar ta’ ħajjithom. Nitolbu.
Leader Ngħidu flimkien: Sliema…
O Madonna tad-Duluri
nagħtuk bewsa u nħobbuk!
Isir il-kant.
Is-seba’ mument: Marija tara lil Ġesù jitqiegħed fil-qabar
Qari mill-Vanġelu ta’ San Ġwann:
Fejn kienu sallbu lil Ġesù kien hemm ġnien, u f’dan il-ġnien kien hemm qabar ġdid li fih kienu għadhom ma difnu lil ħadd. Hemm qiegħdu lil Ġesù, għax kien Jum it-Tħejjija għal-Lhud, u għax il-qabar kien fil-qrib. (Ġw 19, 41-42)
Lettur 1 Kienet ġurnata kiefra ħafna. Marija rat ħafna kefrija mingħand in-nies u rat lil Binha jiġi kkundannat għall-mewt bla ħtija. Ratu jbati ħafna, ratu msallab mas-salib u fl-aħħar ratu jmut. Issa qed timxi miegħu lejn il-qabar.
Lettur 2 Min jaf x’ħasset Marija meta rat lil Binha jiddaħħal fil-qabar u tingħalaq fuqu l-ġebla! Min jaf x’ħasset tarah jinħeba minn quddiem għajnejha bla ma tkun tista’ tarah!
Lettur 1 Imma minkejja t-tbatija kollha li l-Madonna batiet, xorta kienet taf li lil Ġesù kienet ser terġa’ tarah għax kienet taf li Ġesù kien ħa jqum mill-mewt!
Talba 1 O Ġesù, meta kont f’din id-dinja, Ommok Marija ħabbitek ħafna u issa qed tħobb ħafna lilna. Għinna biex, fuq l-eżempju tagħha, inħobbu dejjem lil xulxin. Nitolbu.
Talba 2 O Ġesù, Ommok Marija ħadet ħsiebek u issa qed tieħu ħsieb tagħna. Għinna biex, fuq l-eżempju tagħha, nieħdu dejjem ħsieb xulxin, l-iktar dawk l-iktar dgħajfin fostna. Nitolbu.
Talba 3 O Ġesù, Ommok Marija wriet fidi kbira f’Alla u fik, anki fil-mumenti ibsin li għexet f’ħajjitha. Għinna biex, fuq l-eżempju tagħha, nikbru dejjem fil-fidi u nagħtu xhieda tagħha b’ħajjitna. Nitolbu.
Leader Ngħidu flimkien: Sliema…
O Madonna tad-Duluri
nagħtuk bewsa u nħobbuk!
Isir il-kant.
Talba tal-aħħar
Leader (jagħlaq b’dan il-kliem jew bi kliem ieħor spontanju)
O Marija, omm Ġesù u omm tagħna, għadna kif rajna seba’ mumenti mill-ħajja tiegħek li fihom int batejt ħafna. Imma aħna nafu li kien hemm ħafna iktar mumenti fil-ħajja tiegħek fejn int batejt u bkejt. U din it-tbatija kollha int għaddejt minnha għax inti tħobbna u tixtiqilna l-ġid. Bit-tbatija tiegħek, inti mxejt ma’ Ġesù hu u jifdina mid-dnub tagħna.
Aħna u naraw id-dmugħ fuq wiċċek u l-qalb tiegħek maqsuma b’sejf in-niket, inwegħduk li aħna ħa nagħmlu ħilitna kollha biex, bħala tfal u bħala kbar, ma noffendu qatt lil Ibnek u nħobbu lilu, lilek u lill-bnedmin kollha ta’ madwarna, kif ħabbejtuna int u Ibnek Ġesù.
Ejjew insellmu tal-aħħar lil din l-Omm tagħna, li tħobbna daqshekk, billi ngħidlu tliet Slimiet f’ġieħ it-tlitt ijiem li ġisimha dam fil-qabar, kif talbitna nagħmlu hi stess meta kellmet lil Karmni Grima f’Ta’ Pinu.
Sliema… Sliema… Sliema…
Isir il-kant tal-aħħar.
Jekk qed imexxi saċerdot, jista’ jagħlaq din it-talba bil-barka. Jekk le, kulħadd irodd is-salib.
NOTI OĦRAJN:
- Din il-Via Matris tista’ ssir kemm fiċ-ċentru/Qasam u kemm fil-knisja.
- Is-saċerdot/djaknu jilbes stola bajda.
- Ikun tajjeb li ċ-ċelebrazzjoni ssir madwar statwa jew inkwatru tal-Madonna tad-Duluri u f’ambjent adattat.
- Jekk issir fil-knisja, tkun ħaġa xierqa li ċ-ċelebrazzjoni ssir madwar l-istatwa li s-soltu toħroġ f’purċissjoni nhar id-Duluri.
- Il-kant għandu jkun kant adattat għat-tfal u, jekk jista’ jkun, ikun jaqbel maż-żmien liturġiku tar-Randan.
- Kemm l-animazzjoni u kemm it-talb għandu jsir minn persuni differenti biex it-tfal ma jgħejjewx.
- Il-kreattività hi dejjem apprezzata. Il-mumenti tal-Via Matris jistgħu jiġu akkumpanjati minn vidjows adattati għat-tfal jew inkella powerpoints bi stampi relatati mal-mument immeditat.Toqogħdux lura milli ddaħħlu xi ġest, xi talba speċjali eċċ…
