Minn Fr Jimmy Bonnici
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!
- Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
F’dak iż-żmien, Ġesù telaq lejn l-Għolja taż-Żebbuġ. Imma l-għada qabel is-sebħ raġa’ mar fit-tempju, u l-poplu kollu ġie ħdejh, u hu qagħad bilqiegħda jgħallimhom. Imbagħad il-kittieba u l-Fariżej ħadulu quddiemu waħda mara li kienet inqabdet fl-adulterju. Huma qegħduha fin-nofs u qalulu: “Mgħallem, din il-mara nqabdet fil-fatt fl-adulterju. Issa fil-Liġi tagħna Mosè ordnalna biex nisa bħal dawn inħaġġruhom. Int, imma, xi tgħid?”. Dan qaluhulu biex iġarrbuh, ħalli jkollhom fuqiex jixluh.
Imma Ġesù tbaxxa lejn l-art u beda jikteb b’sebgħu fit-trab. Billi dawk baqgħu jistaqsuh, qam dritt u qalilhom: “Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla”. U raġa’ tbaxxa jikteb fit-trab. Kif semgħuh jgħid dan, qabdu u telqu wieħed wara l-ieħor, ibda mix-xjuħ.
Ġesù baqa’ waħdu mal-mara, wieqfa fin-nofs. Qam dritt u qalilha: “Dawk fejnhom, mara? Ħadd minnhom ma kkundannak?”. “Ħadd, Sinjur”, qaltlu. “Mela anqas jien ma nikkundannak”, qalilha Ġesù. “Mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed”. (Ġw 8:1-11)
- Riflessjoni/talba:
i. Imbagħad il-kittieba u l-Fariżej ħadulu quddiemu waħda mara li kienet inqabdet fl-adulterju. Huma qegħduha fin-nofs u qalulu: “Mgħallem, din il-mara nqabdet fil-fatt fl-adulterju. Issa fil-Liġi tagħna Mosè ordnalna biex nisa bħal dawn inħaġġruhom. Int, imma, xi tgħid?”. Dan qaluhulu biex iġarrbuh, ħalli jkollhom fuqiex jixluh.
U l-mara reġgħet spiċċat oġġett
biex tintuża minn dawk li jridu l-poter
ħalli jeliminaw lill-innoċenti.
Irrifletti:
• Fejn tara min qed juża’ persuni għal skop ħażin?
ii. Imma Ġesù tbaxxa lejn l-art u beda jikteb b’sebgħu fit-trab. Billi dawk baqgħu jistaqsuh, qam dritt u qalilhom: “Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla”. U raġa’ tbaxxa jikteb fit-trab. Kif semgħuh jgħid dan, qabdu u telqu wieħed wara l-ieħor, ibda mix-xjuħ..
Dak li b’sebgħu kiteb l-għaxar kmandamenti –
it-triq biex il-poplu ma jitlifx il-libertà mill-iskjavitù li għadu kif kiseb –
Huwa Dak li issa jinżel jikteb fit-trab
u jwaqqaf il-ġirja u l-pressjoni li twassal għal qerda ta’ persuna.
Huwa biss meta tieqaf quddiem il-qalb t’Alla
li d-dnub tiegħek ma tibdlux f’ġebel li jkisser lil ħaddieħor.
Irrifletti
• Fejn għandek stedina biex tieqaf ftit quddiem il-qalb t’Alla?
iii. Ġesù baqa’ waħdu mal-mara, wieqfa fin-nofs. Qam dritt u qalilha: “Dawk fejnhom, mara? Ħadd minnhom ma kkundannak?”. “Ħadd, Sinjur”, qaltlu. “Mela anqas jien ma nikkundannak”, qalilha Ġesù. “Mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed”.
Hija biss il-qalb t’Alla –
il-ħniena u l-maħfra tiegħu –
li tagħti futur lil hinn mid-dnub u l-ħażen.
Huwa biss il-bniedem li, fid-dnub tiegħu,
ma jaħrabx imma jibqa’ ħdejn dak li jikteb fit-trab
li jista’ jlissen kliem mhux ta’ kundanna iżda ta’ ħelsien.
Irrifletti
• Fejn doqt il-ħniena li għenitek tħares ‘l quddiem b’fiduċja?
- Missierna