Il-Ħadd, 27 ta’ April 2025: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Ħadd tal-Ħniena Divina bis-sehem tal-parteċipanti ta’ MED25 – il-proġett Bel Espoir. Konkatidral ta’ San Ġwann, Valletta.
Għeżież ħuti, għeżież żgħażagħ minn pajjiżi differenti tal-Mediterran,
Għeżież pellegrini ta’ Le Bel Espoir,
Kristu qam mill-imwiet! Hallelujah!
Illum, permezz tal-Evanġelju skont San Ġwann, nidħlu fi ġrajja ta’ tifsira profonda: naraw id-dixxipli miġburin wara bibien magħluqa, imbeżżgħa, inċerti, imħawdin wara dak kollu li ġara fil-Passjoni. B’mod profond, din l-istampa tirrifletti wkoll ir-realtà tar-reġjun tagħna. Il-Mediterran – bejta ta’ ċiviltajiet, fidi, lingwi u kulturi – għex is-sbuħija ta’ laqgħat siewja li ħallew il-frott, imma wkoll il-ġrieħi tal-gwerer, tan-nuqqas ta’ fehim, tal-migrazzjoni.
U madankollu, proprju f’dan l-ispazju ta’ biża’ u dubju, jidħol Ġesù Rxoxt. Mhux bl-istorbju jew bil-korla, imma bil-qawwa ħelwa tal-paċi. “Is-sliem għalikom,” jgħid, mhux darba, imma tliet darbiet (Ġw 20:19.21.26).
U hawnhekk, f’Med25, f’din il-mixja msejħa Le Bel Espoir – “Tama Sabiħa” – aħna wkoll imsejħin nisimgħu dawn il-kliem b’mod personali. Għax din mhux sempliċi laqgħa spiritwali jew kulturali. Hija laqgħa profetika, fejn il-preżenza tagħkom, il-vuċijiet tagħkom, il-ħolm tagħkom qed jiddikjaraw li l-ġdid hu possibbli.
Mill-biża’ għal-laqgħa
Bħad-dixxipli, ħafna drabi nagħlqu l-bibien ta’ qalbna – biża’ mill-“ieħor” jew mill-“oħra”, biża’ li mmorru żmerċ, biża’ mill-ġejjieni. Imma Ġesù jinfed dawn il-ħitan, mhux biex iċanfarna, jew biex joqgħod isemmi dak li jaqtgħalna qalbna, imma biex jibgħatna b’missjoni. Hu jibdel kamra mimlija biża’ f’għalqa tal-missjoni. Idawwar min hu midrub f’xhud tiegħu.
U intom, għeżież żgħażagħ, imsejħin tagħmlu l-istess – tittrasformaw il-Mediterran minn baħar ta’ firda għal pont ta’ tama.
Qawmien bis-sinjali tal-ġrieħi
Ġesù juri l-ġrieħi tiegħu. Ma jneħħihomx fil-Qawmien tiegħu. Dan hu messaġġ li jkellem b’mod qawwi lill-ġenerazzjoni tagħna, speċjalment f’reġjuni fejn in-nies iġorru ġrieħi – xi drabi viżibbli, oħrajn inviżibbli – tal-vjolenza, tal-faqar jew tal-għajbien.
It-tiġdid tal-ħajja tagħna ma jfissirx li ninsew il-weġgħat tal-passat qishom qatt ma eżistew. Ifisser li nqumu mill-ġdid permezz tagħhom. Ifisser li nagħrfu li anke mit-tbatija, Alla jista’ jikteb il-ġmiel.
F’Med25, kull wieħed u waħda minnkom iġġibu magħkom stejjer uniċi – stejjer ta’ reżiljenza u xhieda mill-Marokk, Alġerija, Tuneżija, Eġittu, Libanu, Palestina, Bożnija, Rumanija, Sirja, Ġeorġja, Franza, Spanja, l-Italja u Malta. Intom paġni ħajjin tal-Evanġelju li għadu qed jinkiteb.
Tumas: l-appostlu tal-fidi onesta
F’din il-ġrajja, tajjeb li nħarsu lejn Tumas, li fuqu qrajna fl-Evanġelju llum. Hu ddubita dak li qalulu sħabu. Staqsa. Ried imiss. U x’jagħmel Ġesù? Jistiednu. “Ġib sebgħek hawn u ara jdejja, u ressaq idek u qegħidha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen” (Ġw 20:27). Qed jgħidlu: ara l-ġrieħi tiegħi. Ġesù jonora qalb li tfittex.
Li tiddubita mhuwiex sinjal ta’ dgħufija. Ħafna drabi huwa l-punt tat-tluq għal fidi iktar profonda. Tajjeb li nistaqsu, li nissieltu bil-fidi, li ngħajtu għaċ-ċarezza – għax il-ġdid dejjem jitwieled minn tfittxija awtentika.
“Kif bagħatni l-Missier, hekk ukoll jiena nibgħat lilkom”
Hu proprju hawnhek li sseħħ il-bidla. Ġesù mhux biss jgħidilna kliem ta’ konfort. Jibgħatna b’missjoni: “Kif bagħatni l-Missier, hekk ukoll jien nibgħat lilkom” (Ġw 20:21). Fil-laqgħa tagħkom f’Malta, Med25, f’dan il-mument ta’ kairos, Ġesù jgħid lil kull wieħed u waħda minnkom: intom mibgħutin. Mibgħutin biex tibnu l-paċi, biex tisimgħu lil xulxin minkejja l-fruntieri, biex tirrakkontaw stejjer ġodda – ta’ għaqda, mhux ta’ firda; ta’ mħabba, mhux ta’ mibegħda; ta’ tama, mhux ta’ qtigħ ta’ qalb.
M’intomx biss il-mexxejja tal-ġejjieni. Intom mexxejja issa. Intom dawk li jibnu pontijiet, mhux ħitan; dawk li jġibu l-paċi, dawk li joħolqu l-kultura.
Le Bel Espoir – manifest ta’ tama
Le Bel Espoir mhux biss isem; hija dikjarazzjoni. Hija tama sabiħa, mhix ottimiżmu inġenwu. Hija l-fidi tal-Għid. Hija ċ-ċertezza li l-aħħar kelma m’hix tal-mewt, imma tal-ħajja. Li l-baħar tagħna – Mare Nostrum – jista’ jkun baħar ta’ komunjoni, mhux ta’ konflitt.
Nixtieq infakkar kliem il-Papa Franġisku, li tant ħeġġeġ din l-inizjattiva tal-Mediterran, u li nibqgħu dejjem ngħożżu t-tifkira tiegħu:
“Il-Mediterran huwa proprju baħar li huwa wkoll salib it-toroq. Jekk ma nifhmux dak is-salib it-toroq, ma nistgħux nifhmu lill-Mediterran. Hu baħar li ġeografikament huwa magħluq għall-oċeani, imma kulturalment dejjem miftuħ għal-laqgħa, djalogu u inkulturazzjoni reċiproka. Madankollu hemm bżonn ta’ narrattivi imġedda u kondiviżi li – bbażati fuq is-smigħ tal-passat u tal-preżent – ikellmu lill-qlub tan-nies, narrattivi li fihom nistgħu naraw lilna nfusna b’mod kostruttiv, paċifiku u li jġib tama” (Diskors fil-Konferenza “It-Teoloġija wara Veritatis Gaudium fil-kuntest tal-Mediterran”, Napli, 21 ta’ Ġunju 2019).
Il-preżenza tagħkom hawnhekk hija xhieda tat-tama, tal-Bel Espoir. Flimkien, intom qed tiktbu storja ġdida tal-Mediterran – mhux biss bil-kitba, imma bl-istess ħajja tagħkom li tgħid “iva” għall-paċi, għad-djalogu, għal Ġesù li jgħaddi minn qalb bibien magħluqa biex jagħtina l-kuraġġ u jibgħatna ’l barra b’missjoni.
Allura morru issa bil-ferħ, b’dan il-kuraġġ. Bi ġrieħi li jidhru imma li huma mifdija. Jalla Kristu Rxoxt jimxi magħkom u jberikkom, u jimla qalbkom bit-tama, bil-kuraġġ u bis-saħħa.
† Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju ta’ Malta