Is-Sibt, 3 ta’ Mejju 2025: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi lejlet il-Festa ta’ San Publju. Parroċċa ta’ San Publju, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi
“Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Dan il-kliem ta’ Ġesù għandu sinifikat qawwi ħafna fil-festa ta’ San Publju, il-qaddis li ħajtu ngħaqdet b’mod mill-aktar straordinarju ma’ dik ta’ San Pawl, meta dan ġarrab nawfraġju fuq il-gżira ta’ Malta.
Ġesù qed jitkellem fuq l-opri tal-ħniena, u waħda minnhom li jsemmi hi: “Kont barrani u lqajtuni” (Mt 25:35). U Publju, qabel ma sema’ dal-kliem ta’ Ġesù, kien diġa qed jagħti eżempju kif tgħixu. Publju jagħti xhieda sabiħa tal-virtujiet tal-ospitalità, tal-ġenerożità u tal-ġentilezza mal-barranin, u jfakkarna fil-qawwa trasformattiva tal-laqgħa ma’ Ġesù permezz ta’ avvenimenti mhux mistennija.
Kont barrani u lqajtuni
Ir-rakkont fl-Atti tal-Appostli juri kif Pawlu, fi triqtu lejn Ruma bħala priġunier, sab ruħu f’nawfraġju f’Malta. Fl-Atti tal-Appostli nsibu dan: “Meta ħlisna mill-għarqa, sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta. In-nies tagħha ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha” (Atti 28:1-2). Il-Maltin ta’ dak iż-żmien, minkejja li ma kinux jafu lil Pawlu u lil sħabu, urew attenzjoni u ħlewwa straordinarja lejn il-vittmi tan-nawfraġju. Qabdu ħuġġieġa biex isaħħnuhom, u tawhom kenn.
Minn mexxej għal dixxiplu
Ewlieni fost dawk li laqgħu lil Pawlu kif ukoll lil dawk li kienu miegħu fuq il-ġifen kien hemm Publju, deskritt bħala l-protos, jiġifieri l-prinċep tal-gżira – “dan laqagħna u bil-qalb kollha żammna għandu għal tlett ijiem” (Atti 28:7). Il-ġenerożità ta’ Publju marret lil hinn minn sempliċi att ta’ kortesija; huwa fetaħ daru lil dawn in-nies barranin li kienu għaddew minn trawma. Meta fl-Atti nsibu “laqagħna”, mhux qed jgħid li bħala kap tal-gżira laqa’ għandu kap ta’ gżira oħra. Laqa’ diversi nies li kienu priġunieri barranin, fosthom Pawlu. Publju ma qalx: nilqa’ biss lil min nista’ niggwadanja minnu xi ħaġa, min jista’ jpattili tal-ġid li nagħmel miegħu. Publju laqa’ lill-barranin għax kien mexxej b’qalb kbira.
San Ġwann Kriżostmu jinnota li Publju, raġel sinjur u ta’ setgħa, laqagħhom għax għaraf l-għawġ li kienu għaddew minnu u kellu qalb mimlija kompassjoni.
U proprju b’dal-mod hu kellu l-isbaħ esperjenza tal-ġid li jġib Ġesù u d-dixxipli tiegħu, għax Pawlu ħa l-okkażjoni u żar lill-missier Publju, li kien marid bid-deni u d-dissenterija, u “daħal ħdejh, għamel talba, qiegħed idejh fuqu, u fejqu” (Atti 28:8). Imbagħad, “bdew jersqu għandu l-morda l-oħra tal-gżira, u hu fejjaqhom” (Atti 28:9)
Sinjal tal-Providenza ta’ Alla
L-ospitalità ta’ Publju u l-fejqan ta’ missieru għandhom sinifikat qawwi. Il-Papa Franġisku qal li “l-ospitalità spontanja u l-ġesti ta’ għożża jwasslu xi ħaġa mill-imħabba ta’ Alla” (Udjenza Ġenerali, 22 ta’ Jannar 2020). It-tjieba li wera Publju u li wrew in-nies tal-gżira wasslet għall-mirakli ta’ fejqan li Alla wettaq permezz ta’ Pawlu f’Malta.
Il-waqfa ta’ Pawlu f’Malta saret okkażjoni favorevoli biex jagħti “laħam” lill-Kelma li kien qed ixandar u biex jeżerċita ministeru ta’ ħniena billi jfejjaq lill-morda. Dan jirrifletti prinċipju ewlieni tal-Evanġelju: meta wieħed jesperjenza s-salvazzjoni, m’għandux iżommha għalih, imma jaqsamha ma’ ħaddieħor. Il-fejqan ta’ missier Publju wassal biex oħrajn fuq il-gżira jfittxu l-fejqan mingħand Pawlu, u dan juri aktar il-ħniena u l-imħabba ta’ Alla.
Ospitalità u kompassjoni llum
Publju kien ta’ ispirazzjoni għan-nies ta’ żmienu. Imma huwa wkoll ta’ ispirazzjoni għalina llum. Aħna msejħin biex nimxu fuq l-eżempju ta’ Publju fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Kif Publju laqa’ lil dawk li kienu barranin għalih, bla ma ħaseb x’se jiggwadanja hu minnhom, hekk ukoll aħna msejħin biex nuru ospitalità u kompassjoni lejn min hu fil-bżonn. It-tjieba dejjem tixtered. Kull esperjenza vera ta’ verità u ġid, min-natura tagħha stess, tfittex li tikber fina, u tgħinna nkunu aktar sensittivi għal bżonnijiet ħaddieħor. Publju jgħallimna niftħu qalbna għal dawk li huma mwarrba, minsijin jew ibatu, u noffrulhom l-istess tjieba u kura li wera hu lil Pawlu u sħabu.
Protezzjoni tal-ħajja
Nixtieqkom tinnutaw valur ieħor sabiħ ħafna fl-istorja ta’ Publju u Pawlu. In-nawfraġju rrakkuntat fl-Atti tal-Appostli juri kemm nies salvaw fuq ix-xatt ta’ pajjiżna. Dak inhar, pajjiżna kien il-protettur tal-ħajja ta’ dawk kollha li kienu fuq il-ġifen. Il-bidu tal-fidi Nisranija f’Malta hu preċisament marbut mal-istorja tal-protezzjoni tal-ħajja waqt in-nawfraġju.
Tul is-snin, aħna bqajna ngħożżu l-valur tal-ħajja umana. Dan hu messaġġ tant importanti għal żmienna, meta hemm min qiegħed jirraġuna li jekk bniedem ikun qed ibati, tkun qed tgħinu jekk ittemmlu ħajtu ħalli jitlaq għal ħajja oħra u b’hekk ittaffilu t-tbatija. Il-Papa Franġisku għallimna: dan ikun “falliment tal-imħabba”.
Publju jagħmlilna appell: min qiegħed ibati jeħtieġ li nieqfu miegħu jew magħha b’kompassjoni, b’azzjoni pożittiva, bil-kura neċessarja. Irridu nuru lil min qiegħed ibati li l-ħajja tibqa’ għażiża, li l-ħajja mhijiex f’idejna biex niddisponu minnha. Kemm hu sabiħ meta tara mexxej bħal Publju li jipproteġi l-ħajja b’konvinzjoni! Publju l-protettur tal-ħajja jgħidilna llum: ipproteġu l-ħajja f’kull waqt: mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha. Tagħmlux lilkom infuskom sidien tal-ħajja, tkunux kompliċi b’ebda mod fil-qtil ta’ ħajja umana.
Sinjali ta’ tama
“Publju mqaddes u ħanin, ħares dejjem lill-Maltin”. Dal-kliem ta’ Dun Frans Camilleri hu t-talba li nagħmlu lil San Publju llum. Nitolbu li l-eżempji tiegħu ta’ ospitalità u kompassjoni, ta’ azzjoni pożittiva b’għajnuna lill-barrani, u ta’ protezzjoni tal-ħajja jmexxuna dejjem fl-għażliet li nagħmlu personali u bħala poplu. Nitolbu l-grazzja biex nimxu fuq il-passi tiegħu, u nsiru strumenti tal-imħabba u l-ħniena t’Alla – sinjali ta’ tama fis-soċjetà Maltija llum. Għażiż Publju, “ismek jibqa’ ma’ qalbna marbut”.
Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju
Ritratt: www.knisja.mt/ritratti