Il-Ħadd, 4 ta’ Mejju 2025, it-3 Ħadd tal-Għid: Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma f’Konċelebrazzjoni mmexxija minn Mons. Beneditt Camilleri b’suffraġju ta’ Mons. Beneditt Camilleri, eks Rettur tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu. Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, Għarb.
Quddiesa sħiħa:
Omelija biss:
Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma
Aħna llejla nixbhu ħafna lis-seba’ dixxipli li marru jistadu, u waqt li kienu jistadu, Ġesù jidher f’nofshom u ma jagħrfuhx. U kif Ġesù stieden lilhom għall-ikel, hekk ukoll illejla stieden lilna għal ikla, li fiha jagħtina lilu nnifsu: jagħtina l-Ġisem tiegħu biex nikluh, jagħtina l-Kelma tiegħu biex tixħet dawl fuq l-istorja tagħna.
Żgur li kollha kemm aħna llum għamilna ħafna affarijiet. Forsi striħajna wkoll. Anki dik importanti, li tistrieħ. Imma nimmaġina li għamilna ħafna affarijiet… forsi kellek biċċa xogħol żgħira, ġurnata mhux tax-xogħol, allura għamiltha b’xi mod. Nimmaġina li ħafna minnkom għaddew il-ħin fit-tisjir, fil-preparazzjoni, forsi fit-tindif tad-dar. Nagħmlu ħafna affarijiet matul il-ġurnata. U għada, kollha kemm aħna, jew il-parti kbira minna, nisbħu għax-xogħol!
Ħafna drabi, dak li nagħmlu nagħmluh għax tgħidilna rasna. Jew inkella nagħmluh forsi għax mingħalina hekk tgħidilna rasna, imma nkunu nagħmluh biex inkunu bħal ħaddieħor. Min jaf kemm familji żgħar lit-tfal jeħduhom għall-futbol jew għaż-żfin għax tal-oħrajn jeħduhom għaż-żfin jew għall-futbol. Allura mingħalija qed nagħmel dak li tgħidli rasi, imma nkun qed nagħmel dak li jagħmel ħaddieħor.
Il-Vanġelu tal-lum (Ġw 21:1-19) jurina li meta aħna nagħmlu dak li tgħidilna rasna, mhux dejjem il-ħajja tagħna tkun suċċess. Dan jgħidhulna permezz tal-ġrajja ta’ Pietru. Pietru qal lis-sitta li kellu miegħu: “Imxu ħa mmorru nistadu”… u marru jistadu. Kienu jiftiehmu bejniethom, żgur li kienu attrezzati għas-sajd, imma l-Vanġelu jgħidilna li għamlu lejl sħiħ jitħabtu u ma qabdu xejn.
Imbagħad Ġesù jidhrilhom u jkellimhom: “Itfgħu x-xbiek fuq in-naħa tal-lemin tad-dgħajsa”. Huma jisimgħu, jitfgħu fuq il-lemin, din id-darba mhux kif qaltilhom rashom, mhux kif għamlu s-sajjieda l-oħra, imma dak li qalilhom Ġesù; u l-Vanġelu jgħidilna li qabdu 153 ħuta kbira. Huwa messaġġ qawwi għalina dan.
Ħafna drabi aħna nagħżqu fil-vojt, naqdfu u nduru fl-istess post, għax nisimgħu biss minn dak li tgħidilna rasna u minn dak li jgħidulna l-oħrajn. Aħna dixxipli ta’ Ġesù, aħna Nsara, għax nikkommettu ruħna, għax niddeċiedu f’ħajjitna li nisimgħu wkoll minn dak li jgħidilna Ġesù, barra minn dak li tgħidilna rasna u minn dak li jgħidulna l-oħrajn. U l-esperjenza stess tgħallimna li meta nagħmlu dak li jgħidilna Ġesù, meta nisimgħu l-Kelma ta’ Ġesù u nwettquha, ingawdu aħna stess, naqbdu l-153 ħuta kbira! U bir-raġun Pietru, lill-kapijiet tal-Lhud, fil-bidu tal-Ewwel Qari (Atti 5:27b-32,40b-41) li smajna, jgħidilhom: “Aħna hawnhekk nisimgħu aktar minn Alla milli mill-bnedmin”. Ma jgħidhiex għax Pietru kien indottrinat minn Ġesù Kristu; ma jgħidhiex għax kellu rasu iebsa; imma jgħidha għax kien jaqbillu: kien jaf li jekk fil-ħajja tisma’ iktar minn Alla milli mill-bnedmin, ħa tgawdi int.
U jiena nħoss li jekk irridu nieħdu kelma u niġbru fil-qosor il-ħajja ta’ Dun Beneditt, li għex tant snin u li ddedika ħajtu kollha – iktar minn 60 sena sħaħ, minbarra s-saċerdozju – f’ħidma biex imexxi u jxerred id-devozzjoni lejn Marija, nistgħu ngħidu li dan il-bniedem kien jisma’ mhux biss minn dak li tgħidlu rasu, minn dak li jgħidu l-oħrajn, imma wkoll minn dak li jgħidlu Alla. U għalhekk forsi sal-ġurnata tal-lum ingawdu l-frott ta’ ħafna mill-ħidma tiegħu. Ma nafx kemm minna nafu li dik l-għolja li nieħdu gost nitilgħuha u nitolbu l-Via Sagra u ngawdu n-natura, il-parti l-kbira tagħha hi frott tal-ħidma tiegħu. Sintendi, frott ukoll tal-ħidma ta’ dawk li ġew warajh.
Dan hu l-bniedem li jħobb lil Alla! U għalhekk Ġesù lil Pietru jgħidlu: “Inti tħobbni?”, u meta Pietru jgħidlu: “Iva, inħobbok”, tasal ir-risposta: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi” – ħu ħsieb in-nagħaġ tiegħi, ħobb in-nagħaġ tiegħi. Hekk tkun taf li bniedem iħobb lil Alla! U din tgħodd mhux biss għal Dun Beneditt, mhux biss għalina s-saċerdoti, imma għalina kollha kemm aħna. Il-ħajja tagħna fl-aħħar mill-aħħar tikkonsisti f’din l-esperjenza sempliċi. Il-ħajja tagħna tkun valida, f’saħħitha u tajba, daqskemm aħna nippruvaw inħobbu. Importanti li nitolbu, li mmorru l-knisja, li nisimgħu l-quddiesa u l-Kelma ta’ Alla, għax dan kollu jgħinna nikbru fl-imħabba u fit-twettiq tal-umanità tagħna, biex insiru bnedmin aħjar. Imma bnedmin aħjar mhux għall-oħrajn; għax aħna meta ngħidu bniedem tajjeb għall-oħrajn, ifisser li ma jaqlax inkwiet. Il-bniedem tajjeb hu tajjeb l-ewwel u qabel kollox għalih innifsu, igawdi hu l-ewwel.
Bħalissa fid-Djoċesi tagħna bdejna nirriflettu ftit fuq il-partijiet tal-quddiesa. Illum kien imissna nitkellmu fuq il-parti tal-Kelma ta’ Alla li ssir minn hawn fuq, mill-ambone. Intom tafu l-ambone x’tifsira għandu? Dan il-biċċa qisha pilastru li fuqu hawn il-ktieb, illi ħafna drabi jkun magħluq, qisek tidħol f’kaxxa, qisek dħalt f’xi ħaġa biex taqra minn fuqha, huwa s-sinjal tal-qabar vojt ta’ Ġesù. U minn dan il-qabar vojt, mill-ambone, l-ewwel il-letturi, lajċi bħalna, jaqraw il-Kelma ta’ Alla, li tippreparana għall-aħbar l-iktar kbira: dik tal-Qawmien ta’ Ġesù mill-mewt. L-Ewwel Qari, it-Tieni Qari, u mbagħad inkantaw l-Hallelujah.
Wara l-Ewwel u t-Tieni Qari, meta l-lettur jgħidilna: “Il-Kelma tal-Mulej”, inwieġbu: “Irroddu ħajr lil Alla”. Nirringrazzjaw lil Alla, għax din il-Kelma lilna tfissrilna u ddawwal l-esperjenzi li ngħaddu minnhom fil-ħajja. Kif tagħmel il-Kelma tal-lum. Kull darba li nisimgħuha din il-Kelma, iddawlilna ħajjitna. Imma mbagħad, kif għadna kif għamilna, inqumu bilwieqfa, għax ikellimna Ġesù – sintendi fil-vuċi tas-saċerdot, bniedem dgħajjef imma li jirrappreżenta lil Ġesù – mill-qabar vojt, Ġesù mqajjem, li jagħtina l-kliem tal-ħajja. Dan hu l-kliem li lilna jgħinna ngħixu diġà ta’ rxuxtati. Meta aħna nħobbu – “Tħobbni int?”, “Iva, Mulej, jien inħobbok” – meta aħna flimkien nippruvaw nisimgħu l-Kelma ta’ Alla u nwettquha, aħna, bħalma għamlu dawk is-seba’ dixxipli tal-Vanġelu, diġà nkunu qegħdin ngħixu ta’ rxuxtati, ta’ nies li għaddew mill-mewt għall-ħajja. Araw is-sbuħija tal-Liturġija, ta’ dak li għandna.
Għalhekk qegħdin hawn aħna. Mhux bi sforz, mhux għax bilfors, mhux għax obbligati, mhux għax inkella Ġesù jieħu għalih – Ġesù ma jiħux għalih –, imma qegħdin hawn biex nieħdu xi ħaġa aħna, għalina. Qegħdin hawn għax Ġesù l-ewwel tana l-Kelma tiegħu, issa minn hawn u ftit ieħor se jgħidlek: “Ħu, kul, dan Ġismi, dan l-ikel tal-ħajja ta’ dejjem”.