IL-PAPA LJUN XIV
Nibda b’kelmtejn bl-Ingliż, u l-bqija hu bit-Taljan. Imma rrid intenni l-kelmiet tas-Salm Responsorjali: “Ngħanni lill-Mulej għanja ġdida, għax għamel ħwejjeġ tal-għaġeb” (98:1). U tabilħaqq, mhux biss miegħi, imma magħna lkoll. Ħuti kardinali, aħna u niċċelebraw dalgħodu nistedinkom tagħrfu l-għeġubijiet li l-Mulej għamel, il-barkiet li l-Mulej jissokta jsawwab fuqna lkoll. Permezz tal-ministeru ta’ Pietru intom sejjaħtuli biex nerfa’ dak is-salib u nitbierek b’dik il-missjoni. U jiena naf li nista’ nserraħ fuq kull wieħed minnkom biex timxu miegħi aħna u nissoktaw, bħala Knisja, bħala komunità ta’ ħbieb ta’ Ġesù li nemmnu fih, inħabbru l-Aħbar it-Tajba, inħabbru l-Vanġelu.
***
OMELIJA FL-EWWEL QUDDIESA MAL-KARDINALI ELETTURI
Il-Ġimgħa 9 ta’ Mejju 2025
Kappella Sistina
“Int il-Messija, Bin Alla l-ħaj” (Mt 16:16). B’dawn il-kelmiet Pietru, meta mistoqsi mill-Imgħallem, flimkien mad-dixxipli l-oħra, dwar il-fidi tiegħu fih, jesprimi fil-qosor il-wirt li għal elfejn sena l-Knisja, permezz tas-Suċċessjoni Appostolika, tħares, tapprofondixxi u tittrasmetti.
Ġesù huwa l-Messija, l-Iben ta’ Alla l-ħaj, jiġifieri l-Feddej waħdieni u dak li jurina l-wiċċ tal-Missier.
Fih Alla, biex ikun qrib tal-bnedmin u aċċessibbli għalihom, wera ruħu lilna fl-għajnejn fiduċjużi ta’ tarbija, fil-moħħ enerġetiku ta’ żagħżugħ, fil-karatteristiċi maturi ta’ raġel (ara Konċilju Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 22), sa ma deher lid-dixxipli tiegħu, wara l-Qawmien, bil-ġisem glorjuż tiegħu. Hekk hu wriena mudell ta’ umanità qaddisa li lkoll nistgħu nimitaw, flimkien mal-wegħda ta’ destin etern li min-naħa l-oħra jegħleb kull limitu u ħila tagħna.
Pietru, fit-tweġiba tiegħu, jiġbor dawn iż-żewġ affarijiet flimkien: id-don ta’ Alla u l-mixja li rridu nimxu biex inħalluh jibdilna, dimensjonijiet essenzjali għas-salvazzjoni, fdati lill-Knisja biex tħabbarhom għall-ġid tal-umanità. Fdati f’idejna, magħżulin minnu sa minn qabel ma ssawwarna fil-ġuf ta’ ommna (ara Ġer 1:5), imnissla mill-ġdid fl-ilma tal-Magħmudija u, lil hemm mil-limiti tagħna u mingħajr ebda mertu tagħna, immexxija sa hawn u minn hawn mibgħutin, biex il-Vanġelu jiġi mħabbar lil kull ħlejqa (ara Mk 16:15).
B’mod partikulari mbagħad Alla, meta sejjaħli bil-vot tagħkom biex insir suċċessur tal-Ewwel fost l-Appostli, dan it-teżor qed jafdah lili biex, bl-għajnuna tiegħu, inkun amministratur fidil tiegħu (ara 1 Kor 4:2) għall-ġid tal-Ġisem mistiku kollu tal-Knisja; hekk hi tista’ tkun dejjem iżjed belt imqiegħda fuq il-muntanja (ara Apok 21:10), arka tas-salvazzjoni li tbaħħar qalb l-imwieġ tal-istorja, fanal li jdawwal l-iljieli tad-dinja. U dan mhux tant grazzi għall-kobor tal-istrutturi tagħha jew għall-grandjożità tal-binjiet tagħha – bħall-monumenti li fihom ninsabu –, daqskemm permezz tal-qdusija tal-membri tagħha, ta’ dak il-“poplu li Alla kiseb għalih, biex ixxandru t-tifħir ta’ dak li sejħilkom mid-dlam għad-dawl tiegħu tal-għaġeb” (1 Piet 2:9).
Madankollu, qabel il-konverżazzjoni li fiha Pietru jagħmel l-istqarrija tiegħu tal-fidi, hemm anki mistoqsija oħra: “In-nies”, jistaqsi Ġesù, “min jgħidu li hu Bin il-bniedem?” (Mt 16:13). Din mhijiex mistoqsija banali, anzi tolqot aspett importanti tal-ministeru tagħna: ir-realtà li fiha ngħixu, bil-limitazzjonijiet u l-potenzjalitajiet tagħha, il-mistoqsijiet tagħha u l-konvinzjonijiet tagħha.
“Min jgħidu n-nies li hu Bin il-bniedem?” (Mt 16:13). Meta naħsbu fix-xena li fuqha qegħdin nirriflettu, għal din il-mistoqsija nistgħu nsibu żewġ tweġibiet possibbli, li juruna żewġ atteġġjamenti.
Hemm qabelxejn it-tweġiba tad-dinja. Mattew jisħaq li l-konverżazzjoni bejn Ġesù u d-dixxipli tiegħu dwar l-identità tiegħu sseħħ fil-belt sabiħa ħafna ta’ Ċesarija ta’ Filippu, għanja b’palazzi lussużi, li kienet tinsab f’xenarju naturali mill-isbaħ, f’riġlejn il-Ħermon, imma li kienet anki sede ta’ ċrieki kiefra ta’ poter u teatru ta’ tradimenti u ta’ infedeltajiet. Din ix-xbieha tkellimna fuq dinja li tqis lil Ġesù persuna għalkollox ta’ bla importanza, l-iktar l-iktar persunaġġ kurjuż, li jista’ jqanqal sens ta’ stagħġib bil-mod tiegħu mhux tas-soltu kif jitkellem u jaġixxi. U hekk, meta l-preżenza tiegħu tibda ddejjaqha minħabba l-appell għall-onestà u l-esiġenzi morali li ssejħilha għalihom, din id-“dinja” ma toqgħodx lura milli tiċħdu u teliminah.
Hemm imbagħad it-tweġiba l-oħra possibbli għall-mistoqsija ta’ Ġesù: dik tan-nies komuni. Għalihom in-Nazzarenu mhuwiex “ċarlatan”: hu bniedem rett, wieħed li għandu l-kuraġġ, li jitkellem sabiħ u li jgħid ħwejjeġ tajbin, bħal profeti kbar oħra tal-istorja ta’ Iżrael. Għalhekk huma jimxu warajh, tal-inqas sakemm jistgħu jagħmlu dan mingħajr ħafna riskji u taħbit żejjed. Imma dawn iqisuh biss bniedem, u għalhekk, fil-mument tal-periklu, matul il-Passjoni, huma wkoll jabbandunawh u jitilqu, delużi.
Dawn iż-żewġ atteġġjamenti jolqtuna għal kemm huma attwali. Fil-fatt huma jinkarnaw ideat li nistgħu faċilment nerġgħu nsibuhom – forsi espressi b’lingwaġġ differenti, imma identiċi fis-sustanza – fuq fomm ħafna rġiel u nisa ta’ żmienna.
Illum ukoll mhumiex ftit il-kuntesti li fihom il-fidi Nisranija hi meqjusa ħaġa assurda, għall-persuni dgħajfa u ftit li xejn intelliġenti; kuntesti li fihom hemm min flokha jippreferi ċ-ċertezzi, bħat-teknoloġija, il-flus, is-suċċess, il-poter, il-pjaċir.
Huma ambjenti fejn mhuwiex faċli nagħtu xhieda u nħabbru l-Vanġelu u fejn min jemmen jispiċċa mżeblaħ, ikkuntrarjat, iddisprezzat, jew l-aktar l-aktar jissaportuh u jikkompatuh. Imma, proprju għalhekk, huma postijiet fejn hi urġenti l-missjoni, għax in-nuqqas ta’ fidi spiss iġib miegħu sitwazzjonijiet drammatiċi bħat-telfien tas-sens tal-ħajja, it-twarrib tal-ħniena, it-tkasbir tad-dinjità tal-persuni bl-aktar modi drammatiċi, il-kriżi tal-familja u tant ġrieħi oħra li tbati minnhom, u mhux ftit, is-soċjetà tagħna.
Illum ukoll imbagħad ma jonqsux il-kuntesti li fihom Ġesù, imqar jekk apprezzat bħala bniedem, hu ridott biss għal speċi ta’ leader kariżmatiku jew ta’ superman, u dan mhux biss fost min ma jemminx, imma anki fost ħafna mgħammdin, li hekk, fuq dan il-livell, fil-verità jispiċċaw jgħixu f’ateiżmu.
Din hi d-dinja fdata lilna, li fiha, kif tant drabi għallimna l-Papa Franġisku, aħna msejħin nagħtu xhieda tal-fidi hienja f’Ġesù l-Feddej. Għalhekk, anki għalina, hu essenzjali li ntennu: “Int il-Messija, Bin Alla l-ħaj” (Mt 16:16).
Dan hu essenzjali li nagħmluh qabelxejn fir-relazzjoni personali tagħna miegħu, fit-tħabrik ta’ mixja ta’ konverżjoni kuljum. Imma mbagħad anki, bħala Knisja, billi ngħixu flimkien l-appartenenza tagħna għall-Mulej u nwasslu lil kulħadd il-Bxara t-Tajba (ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 1).
Dan qed ngħidu qabelxejn għalija, bħala Suċċessur ta’ Pietru, jiena u nibda l-missjoni tiegħi ta’ Isqof tal-Knisja li hi f’Ruma, imsejħa tippresiedi fil-karità lill-Knisja universali, skont l-espressjoni ċelebri ta’ Sant’Injazju ta’ Antjokja (ara Ittra lir-Rumani, Tislima). Hu, imkaxkar fil-ktajjen lejn din il-belt, post tas-sagrifiċċju imminenti tiegħu, kiteb lill-Insara li kienu hemm: “Dakinhar inkun tabilħaqq dixxiplu ta’ Ġesù Kristu, meta d-dinja, ġismi, ma tarahx iżjed” (Ittra lir-Rumani, IV, 1). Kien qed jirriferi għall-mument li fih kellu jiġu mtertaq mill-bhejjem feroċi fiċ-ċirku – u hekk seħħ –, imma l-kelmiet tiegħu f’sens iżjed ġenerali jfakkruna fl-impenn fundamentali għal kull min fil-Knisja jħaddem ministeru ta’ awtorità: ngħibu aħna biex jibqa’ Kristu, niċċekknu aħna biex hu jkun magħruf u msebbaħ (ara Ġw 3:30), naħdmu sal-aħħar biex lil ħadd ma tonqoslu l-opportunità li jsir jafu u jħobbu.
Ħa jagħtini l-Mulej din il-grazzja, illum u dejjem, bl-għajnuna tal-interċessjoni l-aktar ħelwa ta’ Marija Omm il-Knisja.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard